You have a complaint against
an EU institution or body?

Konformità mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali

Sommarju tad-deċiżjoni dwar l-investigazzjoni fuq inizjattiva proprja OI/5/2012/BEH-MHZ li tikkonċerna l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (il-Frontex)

Fl-2011, ir-Regolament 1168/2011/UE, li jirrikjedi li l-Frontex tistabbilixxi ċerti mekkaniżmi u strumenti amministrattivi għall-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità mal-obbligi tagħha rigward ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, daħal fis-seħħ.  Fl-istess ħin, is-soċjetà ċivili kompliet tqajjem tħassib dwar l-implikazzjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-attivitajiet tal-Frontex.  F’dawn iċ-ċirkostanzi l-Ombudsman iddeċieda li jniedi investigazzjoni fuq inizjattiva proprja sabiex jivverifika kif il-Frontex timplimenta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-2011. Talab il-Frontex għall-kjarifika fir-rigward tal-Istrateġija tad-Drittijiet Fundamentali, il-Kodiċijiet ta’ Mġiba, l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali, it-Timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera, u l-Uffiċjal ta’ Koordinazzjoni, u t-terminazzjoni ta’ operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota.

L-Ombudsman ressaq it-twweġiba tal-Frontex għall-kummenti lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u wkoll għall-konsultazzjoni pubblika li fiha ħadu sehem organizzazzjonijiet internazzjonali, NGOs, Ombudsman nazzjonali, u persuni privati.

Wara li analizza l-kontributi kollha u l-opinjoni tal-Frontex, l-Ombudsman għamel abbozz ta’ rakkomandazzjoni dettaljata dwar kif il-Frontex tista’ ttejjeb u tagħmel aktar effettiv il-mekkaniżmu tagħha għall-monitoraġġ tar-rispett għad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tagħha.

Filwaqt li l-Frontex irrispondiet b’mod pożittiv għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman rigward (a) l-Istrateġija tad-Drittijiet Fundamentali, il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kodiċijiet ta’ Mġiba, it-terminazzjoni/is-sospensjoni ta’ operazzjonijiet, u l-Forum Konsultattiv, ma wettqitx ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li (b) l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali għandu jikkunsidra jittratta ilmenti dwar ksur tad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha tal-Frontex imressqa minn persuni affettwati b’mod individwali minn ksur u wkoll fl-interess pubbliku.

L-Ombudsman għalhekk iddeċieda li jtemm l-investigazzjoni u jikkunsidra l-aspetti taħt (a) bħala solvuti mill-Frontex u li jagħmel rapport speċjali lill-Parlament Ewropew fir-rigward tal-aspett (b).