You have a complaint against an EU institution or body?

Ir-Rapport Annwali tal-2017

Introduzzjoni

Emily O’Reilly, l-Ombudsman Ewropew
Emily O’Reilly, l-Ombudsman Ewropew

Huwa bi pjaċir li nippreżenta r-Rapport Annwali tagħna għall-2017.

Għal darba oħra, assistejna għal sena b’ħafna ħidma u produttiva u li kellha riżultati pożittivi għan-nies kollha li naqdu, f’ħafna oqsma vitali. U għal darba oħra, l-appoġġ tal-Parlament Ewropew kien ta’ għajnuna kbira fil-ħidma tagħna, kif ukoll il-kooperazzjon b’impenn tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE.

Id-dritt taċ-ċittadini li jaraw u jipparteċipaw fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE kien il-fokus tal-investigazzjonijiet tagħna dwar ir-responsabbiltá tal-Kunsill u fin-negozjati informali li jsiru bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni – trilogi – meta jiġu proposti liġijiet ġodda. Diġà rajna bidliet mixtieqa f’dawn l-oqsma u fl-2018 se nkomplu nimmonitorjaw il-progress futur.

Id-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-UE ispirat l-inizjattiva tagħna rigward il-ftuħ tan-negozjati dwar Brexit u d-dritt taċ-ċittadini kollha li jinżammu informati dwar l-eżiti probabbli għalihom. Inkomplu naċċertaw li kulħadd għandu l-opportunità li jsemma’ leħnu matul dan il-perjodu ta’ sfida billi nħeġġu l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u billi niżguraw li ma jkun hemm l-ebda aċċess privileġġat għan-negozjaturi ewlenin.

Konna partikolarment sodisfatti bl-eżitu tal-investigazzjoni tagħna tal-internships bla ħlas fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Aħna indikajna li l-impenn tal-UE tan-nondiskriminazzjoni skont it-Trattat ma kienx rifless fin-nuqqas ta’ ħlas lill-interns, għax dan kien ifisser li żgħażagħ f’pożizzjoni finanzjarja aħjar biss setgħu jaffordjaw jaċċessaw dawn l-opportunitajiet potenzjalment ta’ valur. Rispons pożittiv ħafna mir-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini wassal biex il-Parlament u l-Kunsill ftiehmu li jagħmlu disponibbli baġit għas-SEAE għall-interns tiegħu f’delegazzjonijiet fid-dinja kollha, u aħna se nkomplu nimmonitorjaw l-eżitu prattiku ta’ din il-mossa mixtieqa.

Ippubblikajna gwida sempliċi għall-uffiċjali tal-UE dwar “X’GĦANDEK u X’M’GĦANDEKX tagħmel” meta tkun qed tittratta ma’ lobbisti, u konna sodisfatti li issa l-Kummissjoni qiegħda tużaha fit-taħriġ tal-persunal tagħha.

Konxji mill-bżonn għal azzjoni rapida meta individwi jfittxu dokumenti tal-UE skont ir-Regolament dwar it-Trasparenza (1049/2001), introduċejna proċedura rapida (“Fast-Track’”) ġdida għal dawn l-ilmenti, u ninsabu inkoraġġuti mir-riżultati pożittivi inizjali. Stajna nagħmlu dan permezz tal-kooperazzjoni tal-Kummissjoni, u ninsabu grati għall-approċċ kollaborattiv tagħha.

Il-ħidma tagħna dwar id-drittijiet fundamentali kompliet permezz ta’ każijiet li jikkonċernaw lill-Frontex, u permezz tal-investigazzjoni tagħna tad-dikjarazzjoni UE-Turkija rigward ir-ritorn ta’ migranti lejn it-Turkija mill-Greċja.

Komplejna nħeġġu iktar responsabbiltà permezz tal-impenn tagħna mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Kellna wkoll skambju ta’ fehmiet utli mal-President tal-Grupp tal-Euro rigward ir-responsabbiltà ta’ dak il-grupp importanti, minkejja li mhuwiex istituzzjoni uffiċjali tal-UE.

Il-kollaborazzjoni ta’ valur tagħna man-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen kompliet u, għal darba oħra, kellna konferenza stimulanti u pjaċevoli fi Brussell.

Għalija b’mod personali, il-mument ewlieni tal-2017 kienet iċ-ċerimonja inawgurali tal-Premju tal-Ombudsman Ewropew għal Amministrazzjoni Tajba. Kienet xi ħaġa sabiħa immens li nara x-xogħol eċċezzjonali tal-impjegati taċ-ċivil tal-UE li kienu preżenti, u fuq kollox li narahom b’mod iġġustifikat kburin b’xogħolhom.

Għalhekk, l-2017 kienet sena mimlija impenji u ta’ suċċess u l-uffiċċju tiegħi jinsab ħerqan li jibni fuq dak is-suċċess fis-sena li ġejja, u għal darba oħra bl-involviment tant apprezzat tal-persunal kollu tal-UE li naħdmu miegħu.

Emily O’Reilly

Emily O’Reilly

1 Daqqa t’għajn lejn l-2017

Jannar

Investigazzjonijiet miftuħa dwar l-involviment tal-BĊE mal-”Grupp ta’ Tletin”

Frar

L-Ombudsman titlob lis-SEAE tħallas lit-trainees f’delegazzjonijiet barranin tal-UE

Marzu

Imħabbrin ir-Rebbieħa tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba

April

L-Ombudsman tirċievi l-Premju Schwarzkopf Europe f’Berlin

Mejju

Il-Kummissjoni twiegħed trasparenza bla preċedent fin-negozjati dwar Brexit

Ġunju

Il-konferenza annwali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombdusmen fi Brussell

Lulju

Investigazzjonijiet miftuħa dwar l-attivitajiet ta’ qabel is-sottomissjoni tal-EMA

Awwissu

Il-Kunsill iwieġeb lill-Ombudsman dwar ir-responsabbiltà tax-xogħol leġiżlattiv tiegħu

Settembru

L-Ombudsman tilqa’ proposti għat-tisħiħ tar-regoli tal-etika li jirregolaw il-Kummissarji Ewropej

Ottubru

Aġenziji tal-UE – Kif jiġi ġestit ir-riskju ta’ ħsara fir-reputazzjoni – avveniment tal-Ombudsman

Novembru

L-Ombudsman tippreżenta l-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew

Diċembru

Ittra lil President Tusk dwar it-trasparenza fil-lobbjar

2 Suġġetti ewlenin

L-Ombudsman Ewropew tgħin lill-membri tal-pubbliku meta jkollhom xi kwistjoni mal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Il-problemi jvarjaw minn nuqqas ta’ trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet jew ċaħda ta’ aċċess għad-dokumenti għal ksur ta’ drittijiet fundamentali u għal kwistjonijiet kuntrattwali.

2.1 Aċċess għad-dokumenti tal-UE

L-aċċess għad-dokumenti tal-UE, u każijiet relatati dwar trasparenza, baqa’ jirrappreżenta l-akbar proporzjon ta’ investigazzjonijiet fl-2017. Minħabba li t-talbiet għal aċċess għad-dokument ħafna drabi jkunu sensittivi għaż-żmien, l-Ombudsman iddeċidiet li tintroduċi proċedura rapida ġdida għal dawn l-ilmenti, li jfisser li l-individwi jistgħu potenzjalment jiksbu d-dokumenti li qed ifittxu fi ftit ġimgħat, minflok xhur. L-uffiċċju beda japplika s-sistema rapida fil-ħarifa 2017 f’fażi ta’ prova u se jdaħħalha fis-seħħ matul l-2018.

Alice Stollmeyer

#Transparency complaints keep @EUombudsman busy.
#TeamJunckerEU #EUinstitutions #EUagencies

Alice Stollmeyer

L-ilmenti dwar it-trasparenza jżommu lill-Ombudsman Ewropew okkupata

Il-maġġoranza tal-ilmenti kienu dwar il-Kummissjoni Ewropea, segwita mill-aġenziji tal-UE.

Il-fażi ta’ prova diġà wriet il-vantaġġi tas-sistema aċċellerata għall-ilmentatur. Investigazzjoni dwar l-aċċess għad-dokumenti, rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf il-proċeduri ta’ ksur kontra l-Ungerija minħabba kuntratt ta’ impjant tal-enerġija nukleari, wasslet biex l-ilmentatur irċieva l-maġġoranza tad-dokumenti mitluba fi żmien xahar.

Investigazzjonijiet oħrajn miftuħa taħt il-proċedura rapida jinkludu waħda rigward dokumenti mill-Kummissjoni relatati ma’ kxif mhux awtorizzat ta’ informazzjoni u oħra rigward il-valutazzjonijiet tal-Kunsill tal-idoneità tal-kandidati biex ikunu Mħallfin u Avukati Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali tal-UE.

Każ wieħed dwar aċċess għad-dokumenti li ġie konkluż b’suċċess fl-2017, li twettaq qabel il-bidu tal-proċedura rapida, kien relatat mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). Il-każ ikkonċerna kif il-Frontex indirizzat talba, li saret minn ġurnalist, għall-aċċess pubbliku tar-’rapporti dwar inċidenti serji’ kollha li huma relatati mal-operazzjonijiet tal-Frontex li saru fil-Bulgarija bejn l-2015 u l-2016. Il-ġurnalist irrikorra għand l-Ombudsman għax kien imħasseb dwar il-fatt li l-Frontex ma kinitx qiegħda tagħtih id-dokumenti rilevanti kollha, u li wħud mill-modifiki ma kinux konformi mar-regoli tal-UE dwar l-aċċess għad-dokumenti (ir-Regolament 1049/2001).

Wara li wettqet spezzjoni tad-dokumenti disponibbli, l-Ombudsman ipproponiet li l-Frontex tirtira wħud mill-modifiki; tirrilaxxa iktar dokumenti u ttejjeb is-sistema interna ta’ tiftix ta’ dokumenti tagħha. Il-Frontex implimentat dawn il-proposti u faħħret il-kooperazzjoni tajba mal-uffiċċju tal-Ombudsman, filwaqt li qalet li s-sejbiet għenu jżidu s-sensibilizzazzjoni interna dwar it-titjib neċessarju fil-mod li bih tindirizza t-talbiet għal aċċess għad-dokument.

Ilmenti dwar aċċess għad-dokumenti – miri tal-iskeda ta’ żmien tal-proċedura rapida1Din id-deskrizzjoni tapplika għal każijiet “normali” tar-Regolament 1049 li mhumiex kumplessi ħafna fin-natura tagħhom.
Ilmenti dwar aċċess għad-dokumenti – miri tal-iskeda ta’ żmien tal-proċedura rapida

Nota: It-terminu “jum” jirreferi għal jum tax-xogħol. L-għadd jibda mill-ewwel jum tax-xogħol wara li jiġi rċevut id-dokument.

2.2 Responsabbiltà fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE

Biex l-Ewropej iħossu li għandhom sehem fl-UE, iridu jkunu jistgħu jsegwu diskussjonijiet li qed jevolvu dwar abbozzi ta’ liġijiet. Dan mhux biss huwa tajjeb mill-perspettiva demokratika, iżda jista’ wkoll ikollu l-effett prattiku li jiċċara kwalunkwe kunċett żbaljat dwar kif isiru liġijiet tal-UE u xi rwol għandhom il-gvernijiet nazzjonali. B’dan il-ħsieb, f’Marzu l-Ombudsman fetħet investigazzjoni strateġika dwar il-ftuħ u r-responsabbiltà tax-xogħol leġiżlattiv tal-Kunsill tal-UE. Hi staqsiet 14-il mistoqsija speċifika lill-Kunsill dwar kif dokumenti leġiżlattivi li jirriżultaw minn laqgħat tal-Ambaxxaturi u Deputati Ambaxxaturi tal-Istati Membri, u l-iktar minn 150 kumitat u grupp ta’ ħidma ta’ impjegati taċ-ċivil nazzjonali, huma indirizzati f’konformità mal-liġijiet u l-istandards tal-UE dwar it-trasparenza.

Wara t-tweġiba tal-Kunsill, li indikat it-titjib fis-sit web tal-Kunsill u fis-sistema taż-żamma tar-rekords tiegħu, l-Ombudsman nediet konsultazzjoni pubblika. Din inkludiet mistoqsijiet dwar x’miżuri jista’ jieħu l-Kunsill biex jagħmilha iktar faċli li wieħed isib dokumenti leġiżlattivi; x’diffikultajiet jiffaċċja l-pubbliku meta jipprova jikseb dokumenti marbuta mal-korpi preparatorji tal-Kunsill; u kemm hi importanti li jkunu magħrufa l-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri. Kien hemm 21 sottomissjoni għall-konsultazzjoni, inklużi kontributi minn parlamenti, mis-soċjetà ċivili u minn individwi. L-Ombudsman iddeċidiet ukoll li tispezzjona dokumenti li huma relatati ma’ kampjun ta’ tliet atti leġiżlattivi mill-2016 sabiex tara l-proċess intern għar-reġistrazzjoni, il-kategorizzazzjoni u l-iżvelar ta’ dokumenti bħala abbozz ta’ liġijiet tal-UE permezz tal-Kunsill. Din l-investigazzjoni se tiġi konkluża fl-2018.

Lejn l-aħħar tal-2017, l-Ombudsman iffokat l-attenzjoni tagħha fuq il-Kunsill Ewropew, li jiddeċiedi dwar id-direzzjoni ġenerali u l-prijoritajiet politiċi tal-UE. Minħabba r-rwol strateġiku vitali tiegħu, l-Ombudsman kitbet lill-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk biex tistaqsi jekk hu jikkunsidrax jippubblika informazzjoni dwar laqgħat li jagħmlu hu u l-kabinett tiegħu ma’ rappreżentanti ta’ interess. L-Ombudsman staqsiet ukoll lill-President Tusk jekk hux se jiġu ppubblikati rapporti tal-progress dwar diskussjonijiet li qed jevolvu minn mexxejja tal-UE dwar il-programm ta’ ħidma ta’ sentejn tagħhom (l-Aġenda tal-Mexxejja).

EPACA

Working for greater #EUTransparency across all Institutions: @EUombudsman public consultation on Council preparatory groups’ transparency in the legislative process

Naħdmu għal iktar Trasparenza fl-UE fl-istituzzjonijiet kollha: il-konsultazzjoni pubblika tal-Ombudsman Ewropew dwar it-trasparenza tal-Kunsill tal-gruppi preparatorji fil-proċess leġiżlattiv.

 

European Ombudsman

@EUombudsman suggests that @eucopresident Tusk holds meetings only with registered lobbyists http://europa.eu/!vK37fT #eucouncil #euco

European Ombudsman

L-Ombudsman Ewropew tissuġġerixxi li l-President Tusk jorganizza laqgħat ma’ lobbisti rreġistrati biss.

“Il-pubblikazzjoni tal-laqgħat tiegħu mal-lobbisti tippermetti lill-President Tusk jagħti stampa iktar sħiħa liċ-ċittadini ta’ min qiegħed jipprova jinfluwenza t-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-UE, meta u kif.” Emily O’Reilly

Bħala parti mill-mira tagħha li tagħmel it-tfassil tal-liġijiet tal-UE iktar aċċessibbli u responsabbli, l-Ombudsman investigat ukoll il-ftuħ tat-trilogi – in-negozjati informali dwar proposti leġiżlattivi tal-UE bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE fil-preżenza tal-Kummissjoni Ewropea. It-tliet istituzzjonijiet wieġbu b’dettalji dwar kif kienu qed idaħħlu fis-seħħ il-proposti tal-Ombudsman (li saru fl-2016). Il-bidliet mixtieqa jinkludu l-bidu ta’ xogħol fuq bażi ta’ data leġiżlattiva konġunt, li jagħmel iktar ċar liema persuni b’inkarigu għoli qed jinnegozjaw it-trilogi kif ukoll valutazzjoni dwar kif id-dati tat-trilogi li ġejjin u aġendi sommarji jistgħu jsiru disponibbli iktar faċilment.

Filwaqt li l-investigazzjonijiet tat-trasparenza tat-trilogi u tal-proċessi leġiżlattivi tal-Kunsill ikkonċernaw it-tfassil tal-liġijiet tal-UE, xi drabi jkun hemm bżonn ta’ iktar informazzjoni pubblika dwar liġijiet diġà miftiehma. Dan kien il-każ bis-sistema li tuża l-Kummissjoni biex tiżgura li l-liġijiet tal-UE qed jiġu implimentati kif suppost fl-Istati Membri. Magħruf bħala l-EU Pilot, dan huwa mod kif il-Kummissjoni ssegwi l-Istati Membri mingħajr ma tirrikorri għal proċedura ta’ ksur legali. Wara li rċeviet ilmenti li s-sistema ma kinitx ċara biżżejjed, l-Ombudsman iddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni strateġika li titlob dettalji rigward il-programm, inkluż x’tagħmel il-Kummissjoni meta Stat Membru b’mod ripetut idum biex jirrispondi jew ma jirrispondix b’biżżejjed dettall. L-Ombudsman għalqet l-investigazzjoni f’Settembru bi proposti prattiċi li jagħmluha eħfef għall-pubbliku biex isegwi l-azzjoni tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, inkluż li jenħtieġ li tagħmel pubblikament disponibbli l-lista ta’ djalogi li għaddejjin tal-EU Pilot u l-istatus ta’ kull fajl.

European Ombudsman

The Ombudsman welcomes Commission President @JunckerEU commitment to ‘unique and unprecedented’ transparency https://www.ombudsman.europa.eu/en/press/release.faces/en/79475/html.bookmark#Brexit

European Ombudsman

L-Ombudsman Ewropew tilqa’ l-impenn tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker għal “trasparenza unika u bla preċedent”.

L-uffiċċju tiegħi se jkun attent biex jiżgura li l-approċċ proattiv attwali għat-trasparenza jinżamm matul id-diskussjonijiet dwar Brexit.” Emily O’Reilly

L-Ombudsman kitbet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill qabel il-ftuħ formali tan-negozjati dwar Brexit biex tfakkar liż-żewġ istituzzjonijiet dwar l-importanza tat-trasparenza, fid-dawl tal-implikazzjonijiet wiesgħa tat-termini tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE għal individwi, il-familji tagħhom u n-negozji. Iż-żewġ istituzzjonijiet irrispondew b’mod pożittiv, bil-Kummissjoni tistqarr li se teżerċita trasparenza unika u bla preċedent u bil-Kunsill ifassal “prinċipji ta’ gwida” għall-pubblikazzjoni ta’ dokumenti. L-ittra tal-Ombudsman innutat ukoll l-importanza li jiġi ppubblikat il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati, kwistjoni li x’aktarx se żżid fis-sinifikat tagħha iktar ma’ javvanzaw in-negozjati. Is-Sinjura O’Reilly fakkret ukoll b’mod separat lill-kontropartijiet tagħha fin-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen li jistgħu jużaw l-uffiċċju tagħha bħala intermedju għal tweġibiet esperti dwar kwistjonijiet rigward il-Brexit tal-liġi u l-prattika tal-UE mill-Kummissjoni u minn istituzzjonijiet oħrajn tal-UE.

2.3 It-trasparenza fil-lobbjar

L-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly, titkellem waqt il-workshop “Ir-Reġistru ta’ Trasparenza tal-UE – lobbjar, il-Parlament u l-fiduċja tal-pubbliku”, li l-Parlament Ewropew organizza f’Mejju.
L-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly, titkellem waqt il-workshop “Ir-Reġistru ta’ Trasparenza tal-UE – lobbjar, il-Parlament u l-fiduċja tal-pubbliku”, li l-Parlament Ewropew organizza f’Mejju.

L-investigazzjoni strateġika kbira tal-Ombudsman tal-ftuħ ta’ gruppi ta’ esperti – il-mijiet ta’ gruppi li jipprovdu kontribut speċjalizzat lill-Kummissjoni – ġiet konkluża b’suċċess fil-ħarifa 2017. Fl-2016 l-Ombudsman – filwaqt li qieset il-konsultazzjoni pubblika dwar il-kwistjoni – għamlet serje ta’ proposti biex tittejjeb is-sorveljanza ta’ dawn il-gruppi mill-Kummissjoni. F’nofs l-2016 il-Kummissjoni ħabbret riforma totali tar-regoli applikabbli. Id-deċiżjoni finali tal-Ombudsman ġiet ippubblikata fil-ħarifa 2017, perjodu ta’ żmien li ppermetta lill-uffiċċju janalizza jekk ir-riformi mħabbra ġewx implimentati fil-verità.

Il-bidliet għas-sistema inkludew l-introduzzjoni ta’ regoli li huma legalment vinkolanti u r-responsabilità politika. Barra minn hekk, membri ta’ gruppi ta’ esperti għandhom ikunu fir-Reġistru ta’ Trasparenza; jenħtieġ li jkun hemm sejħiet pubbliċi għal sħubija fi grupp u politika ta’ kunflitt ta’ interess għall-esperti individwali. L-Ombudsman qalet li se tkompli tissorvelja kif il-Kummissjoni timplimenta ż-żewġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi tagħha rigward il-gruppi ta’ esperti, jiġifieri, il-pubblikazzjoni ta’ minuti “sinifikanti u kompluti”, u li d-deliberazzjonijiet ta’ grupp jenħtieġ li, bħala regola ġenerali, ikunu trasparenti.

Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni Ewropea

Wara lment ieħor dwar il-kwistjoni, l-Ombudsman fetħet investigazzjoni dwar l-involviment tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) mal-”Grupp ta’ Tletin” (G30), grupp privat ibbażat fl-Istati Uniti li jlaqqa’ flimkien il-mexxejja ta’ xi banek privati u ċentrali maġġuri, kif ukoll membri mid-dinja akkademika u istituzzjonijiet internazzjonali. Uħud mill-banek globali rrappreżentati huma taħt is-superviżjoni mill-BĊE. Id-deċiżjoni tal-Ombusdman li tiftaħ din l-investigazzjoni tirrifletti r-responsabilitajiet ikbar tas-superviżjoni bankarja li l-BĊE kiseb f’dawn l-aħħar snin. Wara laqgħa bejn il-persuni li jindirizzaw il-każijiet tal-Ombudsman u rappreżentanti tal-Bank biex jispezzjonaw u jiddiskutu dokumenti relatati man-natura tal-involviment tal-BĊE mal-G30, l-Ombudsman staqsiet diversi mistoqsijiet speċifiċi lill-BĊE.

Dawn kienu dwar il-kompożizzjoni u l-finanzjament tal-G30; dwar jekk il-BĊE hux se jagħmel pubbliċi l-aġenda u l-kontenut ta’ laqgħat tal-G30; dwar in-numru ta’ laqgħat li attendew presidenti preċedenti tal-BĊE u dawk attwali; u dwar jekk il-membri tal-G30 jinkludux banek attwalment taħt superviżjoni mill-BĊE. Il-BĊE rrisponda li huwa jikkunsidra l-laqgħat tal-G30 bħala fl-interess pubbliku u li s-sħubija fil-G30 tal-President tal-BĊE Mario Draghi hija kompatibbli mal-indipendenza u l-integrità tal-BĊE. Wara li analizzat it-tweġiba, l-Ombudsman irrakkomandat li s-Sur Draghi jissospendi s-sħubija tiegħu fil-G30 għall-bqija tal-mandat tiegħu sabiex jipproteġi lill-Bank u lill-President tiegħu minn kwalunkwe perċezzjoni li l-indipendenza tal-Bank tista’ tkun kompromessa. L-Ombudsman irrakkomandat ukoll li l-presidenti futuri tal-BĊE ma jsirux membri tal-G30.

L-Ombudsman użat il-konferenza stampa annwali tagħha, f’Mejju, biex tniedi b’mod formali l-lista ta’ “X’GĦANDEK u X’M’GĦANDEKX tagħmel” biex tiggwida lil uffiċjali pubbliċi dwar kif jenħtieġ li jinteraġixxu mal-lobbisti. Il-lista, li ġiet distributa fil-Kummissjoni u fil-Kunsill, kif ukoll imxerrda fuq Twitter, isservi bħala gwida utli għal uffiċjali pubbliċi tal-UE biex jiġi żgurat li huma konxji dwar it-tipi differenti ta’ attivitajiet ta’ lobbjar.

Rakkomandazzjonijiet prattiċi għall-interazzjoni tal-uffiċjali pubbliċi ma’ rappreżentanti ta’ interessi

2.4 Id-drittijiet fundamentali

L-Ombudsman regolarment tindirizza lmenti rigward id-drittijiet fundamentali, bħall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni. F’Novembru 2017 rajna l-konklużjoni b’suċċess ta’ lment minn żagħżugħ Awstrijak li kien għamel traineeship bla ħlas ma’ delegazzjoni tal-UE fl-Asja. L-Ombudsman irrakkomandat li t-trainees f’delegazzjonijiet tal-UE jitħallsu gratifika xierqa bbażata fuq l-għoli tal-ħajja fil-pajjiż fejn tinsab id-delegazzjoni, biex b’hekk dawn il-kollokamenti ta’ valur jinfetħu għal firxa ta’ nies kemm jista’ jkun wiesgħa. Ir-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini rrispondiet b’mod pożittiv għal din ir-rakkomandazzjoni. L-Ombudsman imbagħad kitbet lill-awtoritajiet baġitarji biex tenfasizza l-importanza tal-kwistjoni, inkluż il-fatt li din turi li l-UE hija impenjata biex iżżomm il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni billi tagħmel it-traineeships disponibbli għal tal-inqas uħud minn dawk li jkollhom riżorsi finanzjarji iktar limitati minn ta’ oħrajn. F’Novembru, il-Parlament u l-Kunsill approvaw il-baġit tal-2018, li jalloka EUR 1.2 miljun għall-ħlas ta’ trainees f’delegazzjonijiet tal-UE.

NGOs Spanjoli u ċittadini rrikorrew għand l-Ombudsman b’ilment dwar il-Kummissjoni li jikkonċerna l-patt UE-Turkija, miftiehem fl-2016. Skont il-patt, it-Turkija tieħu lura migranti irregolari li jidħlu fil-Greċja, filwaqt li l-UE qablet li tibgħat iktar għajnuna lit-Turkija. L-ilmentaturi akkużaw lill-Kummissjoni li naqset milli twieġeb, jew li wieġbet b’mod inadegwat, għal tħassib li kienu esprimew rigward in-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-ftehim fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni li jfittxu asil u l-migranti ritornati lejn it-Turkija mill-Greċja. L-Ombudsman appellat lill-Kummissjoni biex fir-rapporti tal-progress futuri tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim tinkludi taqsima separata li tiffoka fuq ir-riskji għad-drittijiet tal-bniedem u l-miżuri biex jitnaqqsu dawn ir-riskji.

F’mossa separata, l-Ombudsman kitbet lill-Kunsill biex tinnota li l-unika sors ta’ informazzjoni awtoritattiv dwar il-patt UE-Turkija kienet stqarrija għall-istampa. Hija nnotat li l-Qorti Ġenerali tal-UE kienet qalet, fil-bidu tal-2017, li d-Dikjarazzjoni UE-Turkija ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala miżura adottata mill-Kunsill Ewropew jew minn kwalunkwe istituzzjoni oħra tal-UE. Għalhekk, hi appellat lill-Kunsill biex jikkunsidra jirrieżamina l-kliem tal-istqarrija għall-istampa sabiex jirrifletti r-realtà legali b’mod aktar preċiż.

European Ombudsman

#EOpress: Ombudsman welcomes EU decision to pay trainees in EU foreign delegations http://europa.eu/!TR48JV

European Ombudsman

L-Ombudsman Ewropew tilqa’ d-deċiżjoni tal-UE li jitħallsu t-trainees f’delegazzjonijiet barranin tal-UE.

“Dan jibgħat messaġġ li l-UE hija impenjata biex iżżomm il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni billi tagħmel it-traineeships disponibbli għal tal-inqas uħud minn dawk li jkollhom riżorsi finanzjarji iktar limitati minn ta’ oħrajn.” Emily O’Reilly

2.5 Kwistjonijiet etiċi

Wara diversi interventi pubbliċi mill-Ombudsman dwar l-importanza ta’ regoli b’saħħithom tal-etika għall-Kummissarji, u wara li saret pressjoni mill-Parlament Ewropew u minn diversi gruppi tas-soċjetà ċivili, f’Settembru l-Kummissjoni ħabbret proposti biex għal darba oħra tirriforma l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Kummissarji, kif ukoll il-Kumitat tal-Etika. Fost affarijiet oħrajn, il-Kumitat tal-Etika jeżamina jekk l-attivitajiet ippjanati tal-Kummissarji wara li jħallu l-kariga tagħhom humiex kompatibbli mal-obbligi tagħhom skont it-Trattat. Il-bidliet jinkludu estensjoni tal-”perjodu ta’ preklużjoni” li matulu eks-Kummissarji għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni li jibdew attività professjonali; il-perjodu l-ġdid ta’ notifika għall-Kummissarji se jkun ta’ sentejn, u jiżdied għal tliet snin fil-każ ta’ eks-President tal-Kummissjoni. Bidla oħra hi li l-Kummissjoni se tippubblika b’mod proattiv l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Etika dwar l-impjiegi tal-Kummissarji wara l-mandat tagħhom. L-azzjonijiet tal-Kummissjoni u l-poteri u r-rwol tal-Kumitat tal-Etika wkoll kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Ombudsman. Il-persuni li jindirizzaw il-każijiet tal-Ombudsman spezzjonaw kif il-Kumitat tal-Etika fassal l-opinjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ diversi eks membri tal-Kummissjoni (fajls magħżula sempliċement biex juru x-xogħol tal-Kumitat tal-Etika) u staqsew diversi mistoqsijiet lill-Kummissjoni rigward kif il-Kumitat tal-Etika jwettaq xogħlu. L-analiżi tal-Ombudsman tat-tweġiba tal-Kummissjoni, u l-bidliet li ħabbret pubblikament, se tidher fl-2018.

L-Ombudsman għalqet ukoll l-investigazzjoni tagħha tar-regoli tal-Kummissjoni għall-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess tal-konsulenti speċjali – esperti li, fuq bażi ad hoc, jipprovdu pariri ta’ speċjalisti lill-Kummissarji. Matul il-perjodu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni tejbet is-sistema biex b’hekk, f’Ġunju, l-Ombudsman ikkonkludiet li r-regoli jirrappreżentaw bażi ġeneralment sodisfaċenti għall-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali. Madankollu, hija ssuġġeriet li l-Kummissjoni setgħet tagħmel iktar titjib, inkluż l-adozzjoni ta’ approċċ iktar proattiv għall-valutazzjonijiet tagħha tal-kunflitti ta’ interess u t-tisħiħ tal-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni dwar konsulenti speċjali.

L-implimentazzjoni ta’ regoli dwar l-hekk imsejħa sfida tar-”revolving door” (bibien iduru) – fejn persunal tal-UE kultant jitilqu biex jaħdmu fis-settur privat jew fejn individwi jingħaqdu ma’ istituzzjoni tal-UE mis-settur privat – hija ċentrali biex jinżammu standards tal-etika għolja fl-amministrazzjonijiet pubbliċi. Fid-dawl ta’ dan, l-Ombudsman kitbet lil 15-il istituzzjoni u aġenzija biex tistaqsihom kif jimplimentaw regoli tal-UE dwar “revolving doors”, kif stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal (Artikolu 16).

Skont dawn ir-regoli, uffiċjali għolja huma pprojbiti għal sena milli jillobbjaw kollegi preċedenti tagħhom dwar kwistjonijiet li kienu responsabbli minnhom matul l-aħħar tliet snin tagħhom fis-servizz. Dawn jobbligaw ukoll lil kull istituzzjoni biex fuq bażi annwali tippubblika informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu, inkluża lista ta’ każijiet ivvalutati. L-Ombudsman segwiet ukoll investigazzjoni ta’ qabel billi eżaminat kif il-Kummissjoni qiegħda timplimenta l-linji gwida u s-suġġerimenti tagħha dwar kif ittejjeb il-ġestjoni tagħha ta’ sitwazzjonijiet “revolving doors”. Din l-analiżi hija mistennija fl-2018.

European Ombudsman

Post-mandate activities - why did the @EU_Commission not issue a decision in the case of its former President?
https://www.ombudsman.europa.eu/cases/correspondence.faces/en/81348/html.bookmark

European Ombudsman

Attivitajiet wara l-mandat: għaliex il-Kummissjoni Ewropea ma ħarġitx deċiżjoni fil-każ tal-President preċedenti tagħha, José Manuel Barroso?

“Il-Kummissarji preċedenti tal-UE huma obbligati li jaġixxu b’integrità u b’diskrezzjoni fir-rigward ta’ pożizzjonijiet jew benefiċċji li jaċċettaw wara li jtemmu l-kariga tagħhom.” Emily O’Reilly

2.6 L-aġenziji tal-UE u korpi oħra

L-aġenziji tal-UE u korpi oħra kienu t-tieni l-ikbar suġġett sors ta’ lmenti fl-2017. Ilment wieħed li l-Ombudsman għalqet ikkonċerna kif l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) indirizzat mistoqsijiet relatati ma’ tilqimiet tal-virus tal-papilloma uman (HPV). Speċifikament, l-Ombudsman investigat kif l-EMA wettqet proċedura ta’ referenza – l-isem tekniku għal proċedura li tindirizza mistoqsijiet li huma relatati ma’ mediċini diġà fis-suq – rigward it-tilqima tal-HPV għat-tilqima tal-kanċer ċervikali.

Il-proċedura ta’ referenza twettqet mill-Kumitat dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji tal-Farmakoviġilanza tal-EMA, li jissorvelja s-sigurtà tal-mediċini fis-suq. Il-Kumitat investiga jekk kienx hemm rabta ta’ kawżalità bejn it-tilqima tal-HPV u żewġ sindromi, u kkonkluda li ma kien hemm ebda evidenza dwar tali rabta. L-Ombudsman sabet li l-eżaminazzjoni tal-Kumitat tal-evidenza xjentifika kienet kompluta u indipendenti. B’ħarsitha lejn il-futur, is-Sinjura O’Reilly issuġġeriet li l-EMA tipprovdi kemm jista’ jkun informazzjoni dwar ix-xogħol xjentifiku tal-kumitati tagħha, u li tipprovdi iktar informazzjoni dwar id-dokumenti li għandha, sabiex membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jitolbu aċċess għalihom iktar faċilment.

EU Medicines Agency

The @EUombudsman concluded that EMA’s safety review of HPV vaccines was complete and independent http://bit.ly/2hMeFOf #vaccineswork

L-Ombudsman Ewropew ikkonkludiet li r-rieżami tas-sigurtà li wettqet l-EMA fir-rigward tat-tilqimiet tal-HPV kien komplut u indipendenti.

L-EMA kienet ukoll is-suġġett ta’ investigazzjoni separata mill-Ombudsman fl-2017, din id-darba waħda li s-Sinjura O’Reilly ħadet taħt l-inizjattiva tagħha stess. Din l-investigazzjoni strateġika kkonċernat l-arranġamenti tal-EMA li jirregolaw l-interazzjonijiet ma’ kumpaniji farmaċewtiċi qabel dawk il-kumpaniji jissottomettu applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq. L-Ombudsman innutat li tali interazzjonijiet huma fl-interess pubbliku jekk jgħinu l-iżvilupp u d-disponibilità ta’ mediċini ta’ kwalità għolja, effettivi u b’livell ta’ sigurtà aċċettabbli, iżda hemm riskju li jistgħu jinfluwenzaw deċiżjonijiet sussegwenti tal-EMA dwar applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq.

L-avveniment pubbliku tal-Ombudsman Ewropew bl-isem “Aġenziji tal-UE: Il-ġestjoni tar-riskju ta’ ħsara fir-reputazzjoni” f’Ottubru bil-membri tal-panel (mix-xellug għal-lemin): Tracey Brown, Direttur ta’ Sense about Science; Bernhard Url, Direttur Eżekuttiv tal-EFSA; Emily O’Reilly, l-Ombudsman Ewropew; il-moderatur għall-avveniment, Dave Keating; Monique Goyens, id-Direttur Ġenerali tal-BEUC; u Jukka Malm, id-Deputat Direttur Eżekuttiv tal-ECHA.
L-avveniment pubbliku tal-Ombudsman Ewropew bl-isem “Aġenziji tal-UE: Il-ġestjoni tar-riskju ta’ ħsara fir-reputazzjoni” f’Ottubru bil-membri tal-panel (mix-xellug għal-lemin): Tracey Brown, Direttur ta’ Sense about Science; Bernhard Url, Direttur Eżekuttiv tal-EFSA; Emily O’Reilly, l-Ombudsman Ewropew; il-moderatur għall-avveniment, Dave Keating; Monique Goyens, id-Direttur Ġenerali tal-BEUC; u Jukka Malm, id-Deputat Direttur Eżekuttiv tal-ECHA.
L-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly, mal-membru tal-panel Bernhard Url, id-Direttur Eżekuttiv tal-EFSA u mal-moderatur, Dave Keating, fl-avveniment pubbliku tal-Ombudsman Ewropew bl-isem “Aġenziji tal-UE: Il-ġestjoni tar-riskju ta’ ħsara fir-reputazzjoni” f’Ottubru.
L-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly, mal-membru tal-panel Bernhard Url, id-Direttur Eżekuttiv tal-EFSA u mal-moderatur, Dave Keating, fl-avveniment pubbliku tal-Ombudsman Ewropew bl-isem “Aġenziji tal-UE: Il-ġestjoni tar-riskju ta’ ħsara fir-reputazzjoni” f’Ottubru.

F’Settembru, il-persuni li jindirizzaw il-każijiet tal-Ombudsman iltaqgħu ma’ rappreżentanti tal-EMA biex jiddiskutu r-rispons inizjali tal-EMA għall-investigazzjoni. Rapport ta’ dik il-laqgħa – li jidħol f’iktar dettall dwar it-tħassib tal-Ombudsman dwar dawn l-hekk imsejħa attivitajiet ta’ qabel is-sottomissjoni – ġie ppubblikat f’Diċembru. L-investigazzjoni kompliet fl-2018, b’konsultazzjoni pubblika mmirata li hija ppjanata għall-ewwel trimestru.

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) kienet is-suġġett ta’ lment minn assoċjazzjoni Franċiża, li akkużat lill-EFSA li ma rrispondietx b’mod adegwat għal numru ta’ mistoqsijiet dwar ir-rwol tagħha fl-awtorizzazzjoni ta’ varjetà ta’ qamħirrum ġenetikament modifikata. L-EFSA segwiet il-proposta tal-Ombudsman billi tat iktar informazzjoni lill-ilmentatur. L-Ombudsman issuġġeriet ukoll li, fil-futur, l-EFSA jenħtieġ li tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-applikanti bi tweġiba għat-talbiet tagħha għal kjarifiki.

L-Ombudsman regolarment tospita avvenimenti pubbliċi biex jiġu eżaminati fid-dettall suġġetti relatati ma’ xogħolha. F’Ottubru, is-suġġett kien l-aġenziji tal-UE u kif jistgħu jiġġestixxu r-riskju ta’ ħsara fir-reputazzjoni. Bl-aġenziji jgħinu biex jiggarantixxu kollox, mis-sigurtà tal-ikel li nieklu, is-sustanzi kimiċi li aħna esposti għalihom, il-mediċini li nieħdu u l-ajruplani li ntiru fihom, il-fiduċja tal-pubbliku f’xogħolhom hija importanti ħafna. L-avveniment eżamina kif l-aġenziji jimplimentaw l-ogħla standards tal-etika u tat-trasparenza sabiex jipproteġu lilhom infushom mill-ħsara fir-reputazzjoni.

Il-membri tal-panel kienu Bernhard Url, id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA); Jukka Malm, id-Deputat Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA); Monique Goyens, id-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC); u Tracey Brown, id-Direttur ta’ Sense about Science. Is-Sur Url innota li l-EFSA tipprova tiżgura l-fiduċja tal-pubbliku f’xogħolha kemm billi tiffoka fuq il-”kompetenza” – il-kwalità ta’ xogħolha – kif kemm fuq il-”karattru” – il-mod kif twettaq xogħolha. Is-Sur Malm innota li l-ECHA għandha l-għan li tagħmel xogħolha kompletament trasparenti, jiġifieri mhux biss ir-riżultati tar-riċerka li diġà wettqet, iżda wkoll b’ħarsa ‘l quddiem lejn ix-xogħol qed tippjana li twettaq.

Bernhard Url

Thank you for the lively debate we had on a crucial matter for #EUAgencies: public #trust in our work #EOdebate17

Bernhard Url, Direttur Eżekuttiv tal-EFSA: “Grazzi għad-dibattitu ħaj li kellna dwar il-kwistjoni kruċjali għall-aġenziji tal-UE: il-fiduċja tal-pubbliku f’xogħolna”.

2.7 Il-kuntratti u l-għotjiet tal-UE

Il-Kummissjoni tissorvelja numru kbir ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE. Hija tagħmel awditjar rigoruż biex tiżgura li l-flus pubbliċi qed jintefqu kif suppost. Madankollu, dan kultant iwassal għal tilwim u ħafna drabi l-kuntratturi jirrikorru għand l-Ombudsman għal soluzzjoni.

Pereżempju, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ ibbażata fil-Belġju ħadet sehem fi proġett iffinanzjat mill-UE li kellu l-għan li jindirizza problemi ffaċċjati minn nies imdaħħla fl-età fl-użu ta’ soluzzjonijiet tal-ICT. L-organizzazzjoni rrikorriet għand l-Ombudsman wara li l-Kummissjoni qalet li riedet tirkupra iktar minn EUR 85 000 minħabba dik li sejħitilha sistema mhux affidabbli għar-reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol. L-Ombudsman investigat il-kwistjoni u sabet li l-awdituri kienu rrikonoxxew li x-xogħol li sar mill-ilmentatur f’żewġ ‘riżultati tanġibbli’ speċifiċi kien leġittimu, bħalma kien il-ħin tax-xogħol involut. Għalhekk issuġġerriet li l-Kummissjoni tnaqqas l-ammont li kienet qed tfittex li tirkupra fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ “riżultati tanġibbli”. Il-Kummissjoni aċċettat il-proposta tagħha, u naqqset l-ammont li rkuprat bi kważi EUR 37 000. L-investigazzjoni tal-Ombudsman ta’ aspetti oħrajn tal-irkupru propost għadha għaddejja.

Ditta ta’ konsulenza min-Netherlands li tispeċjalizza fl-innovazzjoni kienet membru ta’ konsorzju li kien wettaq proġett kofinanzjat mill-Kummissjoni, bil-għan li tinħoloq u tiġi implimentata “sħubija għall-innovazzjoni dwar l-ilma”. Id-ditta rrikorriet għand l-Ombudsman wara li l-Kummissjoni qalet li se tnaqqas l-għotja, minħabba tħassib dwar il-proġett. L-ilmentatur wieġeb li l-Kummissjoni ma kinitx evalwat il-proġett kif suppost. Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni pproponiet li terġa’ tevalwa l-proġett, u tqis dokumentazzjoni ġdida pprovduta mid-ditta ta’ konsulenza. L-Ombudsman ikkunsidrat il-kwistjoni bħala solvuta u għalqet il-każ.

2.8 Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil ta’ politika fl-UE

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), li tnediet fl-2012, tippermetti liċ-ċittadini jesprimu appoġġ għal politika jew idea li jemmnu li l-Kummissjoni jenħtieġ li tilleġiżla dwarha. Waħda mill-ewwel inizjattivi li ħadet l-Ombudsman attwali Emily O’Reilly, wara li ġiet eletta fl-2013, kienet li fetħet investigazzjoni strateġika dwar il-funzjonament korrett tal-proċedura tal-ECI, fost tħassib li kien hemm wisq ostakli tekniċi li kellhom jiffaċċjaw l-organizzaturi tal-ECIs biex jissottomettu inizjattiva b’suċċess. L-Ombudsman għamlet diversi proposti biex il-proċess tal-ġbir tal-firem isir eħfef u biex tiġi introdotta iktar trasparenza fl-għażla tal-inizjattivi.

Fl-2017, l-Ombudsman ikkontribwixxiet ukoll għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar kif għandu jiġi rriformat ir-Regolament dwar l-ECI. Il-proposti tal-Kummissjoni – mħabbra f’Settembru – fihom ħafna mill-karatteristiċi li ssuġġeriet l-Ombudsman fil-passat. Dawn jinkludu li tiġi stabbilita sistema ta’ ġbir online u b’xejn għall-ECIs; is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti tad-data; u titjib fil-preparazzjoni ta’, u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi, seduti ta’ smigħ wara ECI b’suċċess. L-Ombudsman se tkompli ssegwi din il-kwistjoni mill-qrib, inkluż billi tissorvelja jekk il-Kummissjoni tispjegax l-għażliet tagħha dwar l-ECIs b’mod adegwat lill-pubbliku.

ECI Campaign

.@EUombudsman backs plea for #ECI revision. Thank you, Emily O´Reilly! #ECIreform #deardemocracy @Volksentscheid http://www.citizens-initiative.eu/european-ombudsman/

L-Ombudsman Ewropew tappoġġa talba għar-reviżjoni tal-ECI. Grazzi Emily O’Reilly!

Mod ieħor kif jiġu involuti ċ-ċittadini fil-proċess tal-politika tal-UE huwa permezz tal-użu ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar leġiżlazzjoni ppjanata. Il-Kummissjoni, li hija responsabbli mit-tfassil tal-liġijiet tal-UE, tagħmel użu regolari minn dawn il-konsultazzjonijiet. Madankollu, l-utilità tagħhom bħala għodda tiddependi minn kemm huma aċċessibbli għall-individwi u għall-organizzazzjonijiet. Fl-2016, ċittadin Spanjol ilmenta mal-Ombudsman li l-konsultazzjonijiet pubbliċi rari jkunu f’kull waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ppreparat politika ġdida u mtejba dwar il-lingwa għal konsultazzjonijiet pubbliċi.

Il-miżuri l-ġodda, li bdew japplikaw fit-28 ta’ April 2017, jinkludu, pereżempju, it-traduzzjoni ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi relatati mal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-politika l-ġdida tintroduċi wkoll proċedura biex jiġi ddeterminat f’liema lingwi konsultazzjonijiet pubbliċi oħrajn jenħtieġ li jiġu tradotti. L-Ombudsman, f’deċiżjoni f’Diċembru, qalet li se timmonitorja l-implimentazzjoni tar-reġim il-ġdid, u ssuġġeriet li l-Kummissjoni, fuq is-sit web tagħha ddedikat għall-konsultazzjonijiet pubbliċi, tinkludi taqsima li tiddeskrivi l-politika l-ġdida tagħha dwar il-lingwa u tispjega għaliex xi konsultazzjonijiet mhumiex disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE.

3 Il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni

3.1 Premju għal Amministrazzjoni Tajba

Premju għal Amministrazzjoni Tajba

F’Marzu, l-Ombudsman ospitat iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premju għall-ewwel Premju għal Amministrazzjoni Tajba li qatt ingħata. Il-premju ra 90 proġett innominati mill-istituzzjonijiet prinċipali tal-UE, kif ukoll ħafna aġenziji u korpi oħrajn. Ingħataw premji f’seba’ kategoriji, bil-Premju għall-Amministrazzjoni Tajba 2017 ġenerali jmur għal proġett fid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, li ppromwova l-kollaborazzjoni tal-UE fil-kondiviżjoni ta’ informazzjoni vitali u għarfien espert biex jgħin miljuni ta’ Ewropej li jsofru minn mard rari.

In-nomini jvarjaw minn modi innovattivi ta’ kif jiġu involuti ċ-ċittadini fit-tfassil ta’ politika; għal tfassil ta’ bażijiet ta’ data li faċli taċċessahom; għal spjegazzjonijiet ta’ politiki u programmi tal-UE li faċli jinftiehmu mill-pubbliku; għal strimjar dirett ta’ laqgħat tal-esperti; u l-użu tal-IT biex is-servizzi jaslu għand il-pubbliku b’mod iktar effiċjenti u miftuħ. Is-servizz mediku tal-Kunsill tal-UE wkoll rċieva premju speċjali għal xogħlu, inkluża l-għajnuna li ta lill-vittmi tal-attakk terroristiku fil-Metro ta’ Brussell fl-2016.

Ir-rebbieħa ġenerali tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba 2017 tal-Ombudsman Ewropew, mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa tal-Kummissjoni, jirċievu l-premju tagħhom mill-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly.
Ir-rebbieħa ġenerali tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba 2017 tal-Ombudsman Ewropew, mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa tal-Kummissjoni, jirċievu l-premju tagħhom mill-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly.

Il-Premju serva ta’ vetrina għall-isforzi individwali u kollettivi fis-servizz pubbliku tal-UE biex jagħmlu differenza pożittiva. L-Ombudsman innutat li, filwaqt li l-uffiċċju tagħha jżomm lis-servizz ċivili tal-UE responsabbli, parti minn dan ir-rwol ta’ sorveljanza tinkludi wkoll ir-rikonoxximent meta biċċa xogħol issir sew. Hi rrimarkat ukoll li kien xieraq ħafna li ċ-ċerimonja tal-premji inawgurali seħħet viċin l-anniversarju sinifikanti tat-Trattat ta’ Ruma.

European Ombudsman

We have received some outstanding projects for the #EOAward &they are worth knowing in detail. Have a look here: http://europa.eu/!UN47uU

European Ombudsman

Irċivejna xi proġetti eċċezzjonali għall-Premju għal Amministrazzjoni Tajba tal-Ombudsman Ewropew u dawn ta’ min ikunu magħrufa fid-dettall.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-ewwel Premju għal Amministrazzjoni Tajba tal-Ombudsman Ewropew.
Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-ewwel Premju għal Amministrazzjoni Tajba tal-Ombudsman Ewropew.

3.2 Komunikazzjonijiet

L-istrateġija ta’ ħames snin tal-Ombudsman “Lejn l-2019” għandha l-għan li żżid l-impatt, ir-rilevanza u l-viżibilità tal-uffiċċju. Iktar viżibilità tgħin tiżgura li l-pubbliku, in-negozji, l-NGOs, u oħrajn ikunu jafu għand min jistgħu jirrikorru jekk jiffaċċjaw problemi mal-istituzzjonijiet tal-UE.

Grazzi għall-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija, l-uffiċċju ra wkoll żieda fl-għadd ġenerali ta’ lmenti indirizzati fl-2017 (minn 1 880 għal 2 181), kif ukoll fl-għadd ta’ lmenti riċevuti li jaqgħu taħt il-mandat tal-Ombudsman (minn 711 għal 751). Din iż-żieda inkludiet ukoll żieda fl-għadd ta’ każijiet li huma iktar kumplessi u li jaffettwaw iktar u iktar kwistjonijiet fl-interess pubbliku usa’.

Apparti l-komunikazzjoni speċifika mal-partijiet ikkonċernati, bħal pereżempju assoċjazzjonijiet ta’ negozji u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-uffiċċju jipprova wkoll jgħolli l-profil tal-Ombudsman fil-midja u l-midja soċjali, u juża dawn il-pjattaformi biex jipprovdi informazzjoni dwar investigazzjonijiet speċifiċi jew jiġbed l-attenzjoni lejn attivitajiet oħrajn tal-Ombudsman.

Il-kont ta’ Twitter tal-uffiċċju @EUOmbudsman ra żieda ta’ 16% fis-segwaċi tiegħu (biex issa għandu iktar minn 19 000) bejn l-2016 u l-2017, bi tweet li laqgħat l-impenn tal-Kummissjoni għal trasparenza “unika” u “bla preċedent” rigward Brexit fost l-iktar popolari. Tweets popolari oħrajn kienu dwar iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet għal Premju għal Amministrazzjoni Tajba, kif ukoll l-investigazzjoni tal-Ombudsman li talbet lill-BĊE jikkjarifika l-involviment tiegħu mal-Grupp ta’ Tletin. L-uffiċċju espanda wkoll il-preżenza tiegħu fuq il-midja soċjali għal Medium u Instagram biex ix-xogħol tal-Ombudsman jilħaq udjenzi ġodda.

L-uffiċċju kompla jaħdem biex jibdel is-sit web tiegħu minn fuq s’isfel biex isir eħfef biex jintuża mill-utent. It-tnedija tas-sit web il-ġdid se ssir fl-2018.

Gundi Gadesmann

.@EUombudsman O’Reilly discusses #Council & #lobbying transparency and #ParadisePapers with Nordic journalists

Gundi Gadesmann

L-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly, tiddiskuti t-trasparenza tal-Kunsill tal-UE u tal-lobbjar, u l-Paradise Papers ma’ ġurnalisti Nordiċi.

3.3 Ir-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-UE

L-Ombudsman Ewropew f’laqgħa mal-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani.
L-Ombudsman Ewropew f’laqgħa mal-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani.
3.3.1 Il-Parlament Ewropew

Ir-relazzjoni b’saħħitha u persistenti mal-Parlament Ewropew hija ta’ importanza kbira għall-Ombudsman Ewropew. Il-Parlament Ewropew huwa l-vuċi tal-Ewropej kollha u jeleġġi lill-Ombudsman, li jgħin liċ-ċittadini u r-residenti Ewropej li qed jiffaċċjaw problemi bl-amministrazzjoni tal-UE. L-Ombudsman indirizzat seduta plenarja tal-Parlament u diversi kumitati parlamentari matul is-sena, u l-persunal tagħha spiss irrappreżenta lill-istituzzjoni f’laqgħat parlamentari, seduti ta’ smigħ u avvenimenti. L-Ombudsman kellha laqgħa inizjali ta’ suċċess mal-President elett ġdid tal-Parlament Antonio Tajani fil-bidu tal-2017, u kellha laqgħat ma’ bosta Membri tal-Parlament Ewropew minn diversi kumitati u mill-ispettru politiku kollu.

 
Cecilia Wikström, President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, waqt il-konferenza annwali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen tal-2017.
Cecilia Wikström, President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, waqt il-konferenza annwali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen tal-2017.
3.3.2 Kumitat għall-Petizzjonijiet

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jipprovdi rabta b’saħħitha kemm tar-responsabbiltà kif ukoll tal-appoġġ reċiproku bejn l-Ombudsman u l-Parlament Ewropew. Kollaborazzjoni b’saħħitha bejn it-tnejn hija kruċjali biex jinqdew b’mod effettiv il-membri tal-pubbliku li jqajmu t-tħassib tagħhom ma’ kull wieħed mit-tnejn. L-Ombudsman tqis ir-relazzjoni tagħha mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bħala importanti ħafna u tapprezza l-kooperazzjoni siewja. L-appoġġ kontinwu mill-President tal-Kumitat, is-Sinjura Cecilia Wikström, u mill-Membri kollha jinkoraġġixxi lill-Ombudsman fix-xogħol tagħha biex tkompli tgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE jkunu “mudell ta’ eċċellenza” għall-amministrazzjoni tajba.

 
L-Ombudsman Ewropew ma’ Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mir-Regolamentazzjoni Aħjar, Relazzjonijiet Interistituzzjonali, l-Istat tad-Dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
L-Ombudsman Ewropew ma’ Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mir-Regolamentazzjoni Aħjar, Relazzjonijiet Interistituzzjonali, l-Istat tad-Dritt u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
3.3.3 Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex biss l-eżekuttiv iżda wkoll l-ikbar istituzzjoni tal-UE, u xogħolha jħalli impatt fuq il-ħajja ta’ miljuni ta’ nies fl-Ewropa kollha, b’mod dirett u indirett. Minħabba dan, mhijiex sorpriża li perċentwal kbir tal-ilmenti li jsiru lill-Ombudsman jikkonċernaw ix-xogħol tal-Kummissjoni. Fl-2017, l-Ombudsman kienet kuntenta li setgħet tinkoraġġixxi, u għal darba oħra tilqa’, diversi miżuri li l-Kummissjoni, taħt il-President Juncker, ħadet biex ittejjeb l-istandards diġà għolja tagħha tal-amministrazzjoni pubblika. Madankollu, għad fadal ħafna sfidi. Relazzjoni ta’ ħidma miftuħa u onesta bejn iż-żewġ istituzzjonijiet tgħin biex tittejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-indirizzar tal-ilmenti tal-Ombudsman.

 
 
3.3.4 Istituzzjonijiet, aġenziji u organizzazzjonijiet oħrajn

L-Ombudsman naturalment tibqa’ żżomm ukoll relazzjonijiet mill-qrib mal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet l-oħrajn kollha tal-UE. Fl-2017, l-Ombudsman kienet f’kuntatt mill-qrib mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Qorti tal-Awdituri (QEA), u oħrajn. Relazzjonijiet b’saħħithom mal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE huma element importanti tal-istrateġija “Lejn l-2019” tal-Ombudsman sabiex tinħoloq amministrazzjoni tal-UE iktar miftuħa u orjentata lejn is-servizz għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li jgħixu fl-Ewropa.

EESC

.@EUombudsman in reply to Members: we have so much in common when it comes to fight for #transparency, we should cooperate more! #EESCplenary

EESC

L-Ombudsman Ewropew bi tweġiba lill-membri tal-KESE waqt il-plenarja tiegħu: għandna tant affarijiet komuni rigward il-ġlieda għat-trasparenza li jmissna nikkooperaw.

 

3.3.5 Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità

Bħala membru tal-Qafas tal-UE, l-Ombudsman tippromwovi, tipproteġi u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) mill-amministrazzjoni tal-UE.

L-investigazzjoni strateġika tal-Ombudsman dwar jekk it-trattament ta’ persuni b’diżabilità taħt ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard tal-Kummissjoni (RKAM) jikkonformax mas-CRPD kompliet fl-2017. It-tim ta’ investigazzjoni tal-Ombudsman ltaqa’ mal-Kummissjoni biex jikseb iktar informazzjoni u, f’Novembru, l-Ombudsman nediet konsultazzjoni mmirata lejn assoċjazzjonijiet ta’ membri tal-persunal tal-UE b’diżabilitajiet jew li għandhom membri tal-familja b’diżabilità, u lejn il-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità (EDF).

European Blind Union

.@EUombudsman opens strategic inquiry into accessibility of @EU_Commission websites & online tools #a11y #CRPD

L-Ombudsman Ewropew tiftaħ investigazzjoni strateġika dwar l-aċċessibbiltà tas-siti web u l-għodod online tal-Kummissjoni Ewropea.

F’Lulju, l-Ombudsman nediet investigazzjoni strateġika dwar l-aċċessibilità tas-siti web u l-għodod online li tiġġestixxi l-Kummissjoni. L-Ombudsman qajmet kwistjonijiet bħall-valutazzjoni tal-aċċessibilità, formati li faċli jinqraw, u taħriġ tal-persunal tal-Kummissjoni. F’Ottubru, il-Kummissjoni impenjat ruħha li ttejjeb l-aċċessibilità tas-siti web tagħha. Hi qalet, pereżempju, li setgħet tibda proġett pilota dwar il-portal interistituzzjonali biex tagħmel xi paġni b’informazzjoni ġenerali dwar l-UE disponibbli f’format li faċli jinqara. Il-Kummissjoni qalet ukoll li tikkunsidra korsijiet obbligatorji dwar l-aċċessibilità għad-disinjaturi tal-web, l-iżviluppaturi tal-web u l-webmasters tagħha.

Fl-2017, l-Ombudsman kompliet l-isforzi tagħha biex tagħmel is-sit web tal-uffiċċju iktar aċċessibbli u faċli għall-utent. Kuntrattur estern ivvaluta u vvalida l-konformità tas-sit web tal-Ombudsman mal-Linji Gwida għall-Aċċessibilità għall-Kontenut tal-Web (WCAG 2.0), livell ta’ konformità AA (massimu AAA). L-Ombudsman għandha l-intenzjoni li tirrepeti dan l-eżerċizzju kull sentejn.

L-Ombudsman għamlet dikjarazzjoni dwar l-aċċessibilità disponibbli fuq is-sit web tagħha f’Lulju. Din tindika liema partijiet tas-sit web mhumiex aċċessibbli, u tagħti lill-utenti l-possibilità li jitolbu format aċċessibbli u tipprovdi link għall-mekkaniżmu ta’ feedback biex jirrapportaw problemi. Il-bidla minn fuq s’isfel tas-sit web tal-Ombudsman hija opportunità biex tikkonforma ma’ kemm jista’ jkun rekwiżiti AAA possibbli.

Wieħed mill-ilmenti li rċeviet l-Ombudsman kien jikkonċerna l-problema li l-persuni b’diżabilità jiġu stigmatizzati permezz ta’ twissija użata fuq prodotti tat-tabakk f’forma ta’ stampa li turi persuna f’siġġu tar-roti akkumpanjata minn test li jgħid “it-tipjip jikkawża attakki ta’ puplesija u diżabilità”. L-Ombudsman tat parir li, fil-futur, ikun ta’ għajnuna li jiġu kkonsultati l-gruppi rilevanti tas-soċjetà ċivili rigward l-għażla ta’ immaġnijiet, qabel dawn isiru pubblikament disponibbli.

L-uffiċċju tal-Ombudsman kompla l-isforzi tiegħu biex tiżdid is-sensibilizzazzjoni dwar is-CRPD. F’Marzu, rappreżentanti tal-Ombudsman, tal-Parlament, u tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) ikkoospitaw webinar pubblikament disponibbli. Il-webinar kien organizzat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u kkjarifika xi tfisser is-CRPD għall-amministrazzjoni tal-UE, u ppreżenta għodod prattiċi biex tiġi implimentata. F’Diċembru, l-Ombudsman ipparteċipat fir-raba’ Parlament Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità.

L-Ombudsman Ewropew titkellem fir-raba’ Parlament Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità.
L-Ombudsman Ewropew titkellem fir-raba’ Parlament Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità.

3.4 In-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen

Ilmenti trasferiti lejn istituzzjonjiet u korpi oħrajn; ilmentaturi avżati sabiex jikkuntattjaw istituzzjonijiet u korpi oħrajn mill-Ombudsman Ewropew fl-2017 (1 148 b’kollox)
Ilmenti trasferiti lejn istituzzjonjiet u korpi oħrajn; ilmentaturi avżati sabiex jikkuntattjaw istituzzjonijiet u korpi oħrajn mill-Ombudsman Ewropew fl-2017 (1 148 b’kollox)

Nota: Billi f’ċerti każijiet l-Ombudsman tat aktar minn tip ta’ parir wieħed lill-ilmentatur, il-perċentwali t’hawn fuq jammontaw għal total ta’ aktar minn 100%.

Is-sena 2017 kienet mimlija għall-membri tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen (ENO), li jikkonsisti f’96 uffiċċju f’36 pajjiż Ewropew u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

L-avveniment prinċipali tan-Netwerk fl-2017 kien it-tieni konferenza annwali, li organizzat l-Ombudsman Ewropew fi Brussell f’Ġunju. Din il-konferenza laqqgħet flimkien in-Netwerk kollu, kif ukoll parteċipanti oħrajn, il-biċċa l-kbira minn gruppi umbrella bbażati fi Brussell u ġurnalisti. B’kollox, attendew madwar 240 ruħ.

Għal darba oħra, il-konferenza saret waqt mument ewlieni fl-istorja tal-Unjoni Ewropea; filwaqt li l-konferenza tas-sena l-oħra saret ftit qabel ir-referendum tar-Renju Unit dwar is-sħubija mal-UE, din is-sena saret fl-istess żmien tal-bidu tan-negozjati dwar Brexit. Wieħed mill-punti fuq l-aġenda kien dwar kif tista’ tiġi massimizzata t-trasparenza u ċ-ċertezza għaċ-ċittadini tal-UE fil-kuntest ta’ Brexit. L-inċertezza dwar id-drittijiet wara Brexit u d-dritt ta’ moviment liberu huma fost it-tħassib ewlieni taċ-ċittadini affettwati b’mod dirett minn Brexit. Dawn huma ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE u ċittadini tal-UE li jirrisjedu fir-Renju Unit.

Il-konferenzi eżaminaw ukoll modi kif jinbnew soċjetajiet inklużivi biex jiġġieldu kontra l-populiżmu u jiffaċilitaw l-integrazzjoni. Ħafna nies jikkunsidraw l-2016 bħala s-sena tal-populiżmu, madankollu d-diskussjonijiet fil-konferenza wrew li l-ombudsmen ikomplu jaħdmu ħafna biex jippromwovu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi u jiġġieldu kontra n-narrattiva populista. Fost attivitajiet oħrajn, huma involuti fil-monitoraġġ tal-konformità mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta’ ritorni furzati ta’ persuni li jfittxu l-asil, fil-gwida lil applikanti għar-riunifikazzjoni tal-familja u fl-għajnuna għal persuni li jfittxu l-asil biex jaċċessaw it-tagħlim ta’ lingwa u, fl-aħħar mill-aħħar, il-forza tax-xogħol.

Il-membri tal-panel fl-ewwel sessjoni tal-konferenza tal-2017 tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen (mix-xellug għal-lemin): Sanjay Pradhan, Uffiċjal Kap Eżekuttiv, Sħubija ta’ Gvern Miftuħ; Bart Somers, Sindku ta’ Mechelen fil-Belġju; Jacques Toubon, Difensur tad-Drittijiet ta’ Franza; Gero Storjohann, Deputat President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet Federali Ġermaniż; u Emily O’Reilly, Ombudsman Ewropew.
Il-membri tal-panel fl-ewwel sessjoni tal-konferenza tal-2017 tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen (mix-xellug għal-lemin): Sanjay Pradhan, Uffiċjal Kap Eżekuttiv, Sħubija ta’ Gvern Miftuħ; Bart Somers, Sindku ta’ Mechelen fil-Belġju; Jacques Toubon, Difensur tad-Drittijiet ta’ Franza; Gero Storjohann, Deputat President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet Federali Ġermaniż; u Emily O’Reilly, Ombudsman Ewropew.

Barra minn hekk, fuq l-aġenda tal-konferenza kien hemm ukoll ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-ombudsman fit-tisħiħ ta’ gvern miftuħ, kultura ta’ governanza ispirata mill-prinċipji tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-parteċipazzjoni. F’dan il-kuntest, irċevejna r-riżultati preliminari ta’ stħarriġ konġunt tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Ombudsman Ewropew. Sitta u tmenin uffiċċju tal-ombudsman nazzjonali u sottonazzjonali minn 59 pajjiż u territorju fid-dinja kollha pparteċipaw f’dan l-istħarriġ dwar ir-rwol tagħhom fi gvern miftuħ.

Shada Islam

Absolutely convinced of role of #EU ombudsmen in ensuring citizens’ rights & transparent government #ENO2017.

Assolutament konvinta bir-rwol tal-ombudsmen tal-UE biex jiġu żgurati d-drittijiet taċ-ċittadini u gvern trasparenti.

L-istħarriġ sab li l-prinċipji ta’ gvern miftuħ għandhom għeruq fondi fil-prattiki tal-istituzzjonijiet tal-ombudsman, minkejja li huma ftit li jirrikonoxxu l-kontribut tagħhom. Ir-riżultati kompluti tal-istħarriġ se jiġu ppubblikati f’Settembru tal-2018, iżda l-ħarġa tal-2017 ta’ Fokus fuq in-Netwerk, il-pubblikazzjoni annwali tal-ENO, fiha r-riżultati preliminari tal-istħarriġ u suġġetti ewlenin oħrajn diskussi fil-konferenza ta’ Brussell.

F’Settembru, l-Ombudsman u l-Kummissjoni organizzaw b’mod konġunt workshop biex jippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali, u biex tiġi żgurata protezzjoni ikbar tad-drittijiet taċ-ċittadini, skont il-liġi tal-UE. Fost is-suġġerimenti prattiċi li saru kien hemm l-istabbiliment ta’ gwida interattiva dwar il-poteri ta’ kull ombudsman nazzjonali jew reġjonali u iktar kooperazzjoni dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE.

L-ENO kompla jiffoka fuq investigazzjonijiet u inizjattivi paralleli fost uffiċċji tal-ombudsman interessati f’oqsma ta’ interess reċiproku. F’Lulju 2017, l-Ombudsman Ewropew fetħet investigazzjoni dwar kif il-Kummissjoni indirizzat ilment ta’ ksur kontra l-awtoritajiet tan-Netherlands, wara li kienu rrifjutaw li jagħtu viża lill-konjuġi tal-ilmentatur, ċittadin ta’ pajjiż terz. L-Ombudsman Ewropew fittxet l-għajnuna tal-Ombudsman Nazzjonali tan-Netherlands, li ma sab l-ebda evidenza li s-servizzi tal-immigrazzjoni tan-Netherlands japplikaw b’mod ħażin ir-regoli rilevanti tal-UE.

Fl-2017, l-Ombudsman Ewropew indirizzat sitt domandi ġodda min-Netwerk. F’waħda minnhom, l-Ombudsman Finlandiż fittex li jsir jaf jekk ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji humiex kompatibbli mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD). Il-Kummissjoni wieġbet li fil-fatt huma, filwaqt li nnutat li kienet qed tivvaluta l-impatt tar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ferroviji sabiex tirrieżaminah u ttejjeb id-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet jew b’mobilità mnaqqsa meta jivvjaġġaw bil-ferrovija fl-UE.

Kwistjoni oħra, imqajma mill-Ombudsman Bulgaru, ikkonċernat diskriminazzjoni li tirriżulta mit-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ kwalità iktar baxxa fl-Istati Membri fl-Ewropa ċentrali u tal-lvant. Il-Kummissjoni wieġbet li se tanalizza data li kienet talbet mill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-protezzjoni tal-konsumatur. L-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni tinformaha dwar il-progress li tkun għamlet b’rabta ma’ din il-kwistjoni fil-bidu tal-2018.

Il-konferenza tal-2017 tan-Netwerk Ewropew tal-Ombdusmen fl-ewwel plenarja tagħha.
Il-konferenza tal-2017 tan-Netwerk Ewropew tal-Ombdusmen fl-ewwel plenarja tagħha.

Matul il-missjoni tagħha fid-Danimarka f’Settembru, l-Ombudsman kellha laqgħat mal-Ombudsman Daniż kif ukoll ma’ politiċi Daniżi. Tkellmet ukoll f’avvenimenti pubbliċi ma’ ġurnalisti, akkademiċi u persuni interessati oħrajn dwar il-ħidma tagħha fil-qasam tat-trasparenza u r-responsabbiltà fl-UE.

Iktar kmieni fis-sena, l-Ombudsman ivvjaġġat lejn Berlin fejn ipparteċipat f’laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Bundestag Ġermaniż, u ltaqgħet ma’ uffiċjali għolja tal-gvern inkluż mas-Sur Peter Altmaier (il-Kap tal-Persunal tal-Kanċellerija) biex tiddiskuti kwistjonijiet li huma relatati mal-amministrazzjoni tal-UE. Hi rċeviet l-Premju Schwarzkopf Europe 2017 minn Schwarzkopf Stiftung, premju li fil-passat intrebaħ mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, u l-eks-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz.

L-Ombudsman Ewropew, wara li rċeviet il-Premju Schwarzkopf Europe 2017. Tidher fir-ritratt ma’ (lemin) André Schmitz-Schwarzkopf, u (xellug) l-Ambaxxatur Irlandiż għal Berlin, Michael Collins.

© JENS SCHLÜTER PHOTOGRAPHY

L-Ombudsman Ewropew, wara li rċeviet il-Premju Schwarzkopf Europe 2017. Tidher fir-ritratt ma’ (lemin) André Schmitz-Schwarzkopf, u (xellug) l-Ambaxxatur Irlandiż għal Berlin, Michael Collins.

Gundi Gadesmann

Application of EU law, complaint handling - @EU_Commission and @EUombudsman seminar with representatives from national ombudsmen offices BXL

Gundi Gadesmann

Is-seminar tal-Kummissjoni Ewropea u l-Ombudsman Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE u l-indirizzar tal-ilmenti, b’rappreżentanti mill-uffiċċji tal-ombudsman nazzjonali.

 

EU-Parlamentet i DK

“Great appetite for good quality journalism in era of fake news”. @EUombudsman O’Reilly talking to DK journos in Aarhus #kveu #eudk

EU-Parlamentet i DK

“Aptit kbir għal ġurnaliżmu ta’ kwalità tajba fl-era tal-aħbarijiet foloz”, qalet l-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly, waqt li kienet qed tindirizza ġurnalisti Daniżi f’Aarhus, id-Danimarka.

4 L-indirizzar tal-ilmenti: kif ngħinu aħna

L-Ombudsman Ewropew teżisti biex tgħin lil individwi, akkademiċi, negozji, u organizzazzjonijiet oħrajn li qed jiffaċċjaw problemi bl-amministrazzjoni tal-UE. Jenħtieġ li jkun faċli kemm jista’ jkun għalihom li jaċċessaw lill-Ombudsman, u l-uffiċċju għandu l-għan li jkun kemm jista’ jkun flessibbli fil-mod kif jassisti lil dawk li jfittxu l-għajnuna.

Id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni l-ġodda tal-Ombudsman għamlu l-proċedura għall-indirizzar tal-ilmenti iktar effiċjenti u effettiva. L-approċċ orjentat lejn ir-riżultati kompla jtejjeb is-servizz li toffri l-Ombudsman lill-pubbliku u ppermetta lill-istituzzjoni jkollha impatt ikbar fl-2017.

It-tim tal-indirizzar tal-każijiet tal-Ombudsman ikopri firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet u jipprovdi għajnuna lil dawk li jikkuntattjaw lill-Ombudsman bl-24 lingwa uffiċjali kollha tal-UE. Dawk kollha li jagħmlu lment lill-Ombudsman għandhom jirċievu messaġġ ta’ rikonoxximent fi żmien jumejn tax-xogħol.

Jekk ilment jirriżulta f’investigazzjoni, it-tul tal-investigazzjoni jiddependi minn aspetti differenti, inkluża l-kumplessità tal-każ. Minħabba li l-ilmenti dwar aċċess għal dokumenti miżmuma minn istituzzjonijiet oħrajn tal-UE ħafna drabi jkunu sensittivi ħafna għaż-żmien, l-Ombudsman introduċiet proċedura rapida ġdida fl-2017 għall-indirizzar ta’ dawn il-każijiet.

L-Ombudsman Ewropew u inti Kif taħdem

4.1 Tip u sors ta’ lmenti

4.1.1 Ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti u l-investigazzjonijiet strateġiċi
Pariri, ilmenti u investigazzjonijiet fl-2017
Pariri, ilmenti u investigazzjonijiet fl-2017

Filwaqt li l-maġġoranza l-kbira tal-ħidma tal-uffiċċju hija każijiet bbażati fuq ilmenti, l-Ombudsman twettaq ukoll investigazzjonijiet strateġiċi u inizjattivi usa’ meta tikkunsidra li hemm raġunijiet biex tagħmel dan. Dawn il-każijiet jitniedu mill-inizjattiva proprja tal-Ombudsman, jew fejn identifikat kwistjoni sistemika li jenħtieġ li tiġi eżaminata fl-interess pubbliku, jew fejn irċeviet ilment jew iktar dwar kwistjoni ta’ rilevanza sistemika.

Xogħol strateġiku fl-2017
Xogħol strateġiku fl-2017

 

L-oriġini nazzjonali ta’ lmenti rreġistrati u investigazzjonijiet miftuħa mill-Ombudsman Ewropew fl-2017
L-oriġini nazzjonali ta’ lmenti rreġistrati u investigazzjonijiet miftuħa mill-Ombudsman Ewropew fl-2017

 

4.1.2 Ilmenti barra mill-mandat tal-Ombudsman

L-Ombudsman Ewropew irċeviet ħafna lmenti dwar kwistjonijiet li ma jaqgħux fi ħdan il-mandat tagħha, l-aktar għaliex ma jirrigwardawx il-ħidma ta’ istituzzjoni jew korp tal-UE. L-ilmenti li jinvolvu lill-istituzzjonijiet tal-UE iżda jirrigwardaw kwistjonijiet purament politiċi, xogħol leġiżlattiv jew l-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jaqgħux lanqas taħt il-mandat tal-Ombudsman.

Fl-2017, l-Ombudsman irċeviet iktar minn 1 300 ilment li ma jaqgħux taħt il-mandat tagħha, bl-ikbar ammont ġejjin minn Spanja, il-Polonja u l-Ġermanja.

Dawn l-ilmenti huma prinċipalment kontra korpi pubbliċi nazzjonali, qrati nazzjonali jew internazzjonali, u entitajiet privati. Xi drabi l-ilmenti huma bbażati fuq il-kunċett żbaljat li l-Ombudsman huwa korp tal-appelli fuq l-ombudsmen nazzjonali. L-ilmenti jkopru firxa wiesgħa ta’ oqsma. It-temi rikorrenti huma l-protezzjoni tal-konsumatur, it-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, u fis-snin reċenti, kwistjonijiet relatati mal-banek.

Nies li jfittxu l-għajnuna jirċievu tweġibiet fil-lingwa tagħhom, li tispjega l-mandat tal-Ombudsman u, fejn possibbli, tagħti parir, jew tittrasferihom għal korpi oħrajn li jistgħu jkunu ta’ għajnuna.

Għal ilmenti li jesprimu skuntentizza bil-leġiżlazzjoni tal-UE, ġeneralment l-Ombudsman tagħti parir lill-ilmentatur biex jirrikorri għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Għal kwistjonijiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, l-ilmentaturi jingħataw il-parir jirrikorru għand il-Kummissjoni Ewropea jew għand netwerks tal-UE bħal pereżempju s-SOLVIT jew il-Pariri tal-Ewropa Tiegħek. L-ilmentaturi jistgħu jiġu rriferuti wkoll għand ombudsmen nazzjonali.

Fl-2017, kien hemm żewġ kwistjonijiet li attiraw numri kbar ta’ lmenti simili (iktar minn 10 ilmenti dwar l-istess suġġett), imma li ma kinux jaqgħu taħt il-mandat tal-Ombudsman. L-ewwel waħda kkonċernat dikjarazzjonijiet dwar in-nisa magħmula fil-Parlament Ewropew minn MEP Pollakk; it-tieni waħda kkonċernat ġrajjiet fil-Katalonja.

Numru ta’ lmenti skont il-mandat tal-Ombudsman Ewropew 2003–2017
Numru ta’ lmenti skont il-mandat tal-Ombudsman Ewropew 2003–2017

 

Numru ta’ lmenti barra mill-mandat tal-Ombudsman Ewropew 2003–2017
Numru ta’ lmenti barra mill-mandat tal-Ombudsman Ewropew 2003–2017

4.2 Kontra min?

L-investigazzjonijiet li saru mill-Ombudsman Ewropew fl-2017 ikkonċernaw l-istituzzjonijiet li ġejjin
L-investigazzjonijiet li saru mill-Ombudsman Ewropew fl-2017 ikkonċernaw l-istituzzjonijiet li ġejjin

4.3 Dwar xiex?

Suġġetti tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2017
Suġġetti tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman
Ewropew fl-2017

Nota: F’xi każijiet, l-Ombudsman għalqet investigazzjonijiet b’żewġ suġġetti jew aktar. Għalhekk meta l-perċentwali t’hawn fuq jingħaddu flimkien, ir-riżultat aħħari jaqbeż il-100%.

4.4 Riżultati miksuba

Azzjoni meħuda mill-Ombudsman Ewropew dwar l-ilmenti riċevuti fl-2017
Azzjoni meħuda mill-Ombudsman Ewropew dwar l-ilmenti riċevuti fl-2017

 

Evoluzzjoni fin-numru ta’ investigazzjonijiet mill-Ombudsman Ewropew
Evoluzzjoni fin-numru ta’ investigazzjonijiet mill-Ombudsman Ewropew

Nota: Iż-żieda fl-investigazzjonijiet fl-2017 ġrat in parti minħabba żieda fl-ilmenti u in parti minħabba d-Dispożizzjonijiet Implimentattivi l-ġodda.

 

Riżultati ta’ investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2017
Riżultati ta’ investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2017

Nota: F’xi każijiet, l-Ombudsman għalqet l-investigazzjonijiet abbażi ta’ żewġ raġunijiet jew aktar. Għalhekk meta l-perċentwali t’hawn fuq jingħaddu flimkien, ir-riżultat aħħari jaqbeż il-100%.

 

Tul tal-investigazzjoni ta’ każijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2017
Tul tal-investigazzjoni ta’ każijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2017

1. Xi każijiet kumplessi jirrikjedu bosta sensiliet ta’ konsultazzjonijiet mal-ilmentatur u mal-istituzzjoni kkonċernata: id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni l-ġodda huma mistennija li jnaqqsu t-tul tal-investigazzjonijiet.

4.5 Konformità mal-proposti tal-Ombudsman

Konformità mal-proposti tal-Ombudsman Ewropew fl-2016
Konformità mal-proposti tal-Ombudsman Ewropew fl-2016

Għal dawn l-aħħar sitt snin, l-Ombudsman ippubblikat rendikont komprensiv annwali ta’ kif l-istituzzjonijiet tal-UE jwieġbu għall-proposti tagħha sabiex itejbu l-amministrazzjoni tal-UE. Dawn il-proposti jieħdu l-forma ta’ soluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet, u rimarki kritiċi u oħrajn. Ir-rata ta’ konformità hija essenzjali sabiex jitkejlu l-impatt u r-rilevanza tal-ħidma tal-Ombudsman.

Ir-rapport Jitqiegħed Tajjeb?Il-mod kif l-istituzzjonijiet Ewropej wieġbu lill-Ombudsman fl-2016 juri li l-istituzzjonijiet tal-UE qablu mal-proposti tal-Ombudsman fi 85% tal-każijiet, żieda żgħira mit-83% fl-2015. Mill-14-il istituzzjoni eżaminati, 11 ġabu punteġġ ta’ 100%, filwaqt li l-Kummissjoni – li tammonta għall-ikbar proporzjon ta’ investigazzjonijiet li tagħmel l-Ombudsman – ġabet punteġġ ta’ 77%. Kif juri r-rapport, ir-rata ta’ konformità tista’ tvarja b’mod sinifikanti minn istituzzjoni għal oħra – minn 100% f’xi każijiet, sa 77% fl-agħar każ (żieda minn 33% fl-2015). Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), pereżempju, kellhom rata’ ta’ konformità ta’ 100%.

Ir-rapport għall-2017 se jkun disponibbli fl-aħħar tal-2018.

5 Riżorsi

5.1 Baġit

Il-baġit tal-Ombudsman huwa taqsima indipendenti tal-baġit tal-UE. Huwa maqsum fi tliet titoli. It-Titolu 1 ikopri salarji, gratifiki, u nfiq ieħor relatat mal-persunal. It-Titolu 2 ikopri bini, għamara, tagħmir u nfiq operattiv mixxellanju. It-Titolu 3 ikopri l-infiq li jirriżulta mill-funzjonijiet ġenerali mwettqa mill-istituzzjoni. Fl-2017, l-approprjazzjonijiet ibbaġitjati ammontaw għal EUR 10 905 441.

Bil-għan li jiżgura l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi, l-awditur intern tal-Ombudsman iwettaq verifiki regolari tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-istituzzjoni u tal-operazzjonijiet finanzjarji mwettqa mill-uffiċċju. Kif inhu l-każ ta’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, il-Qorti Ewropew tal-Awdituri tagħmel ukoll l-awditi tal-Ombudsman.

5.2 Użu tar-riżorsi

Kull sena, l-Ombudsman jadotta Pjan ta’ Ġestjoni Annwali (AMP), li jidentifika azzjonijiet konkreti li l-uffiċċju jeħtieġ li jieħu sabiex jimplimenta l-objettivi u l-prijoritajiet tal-istituzzjoni. L-AMP tal-2017 se jkun it-tielet wieħed ibbażat fuq l-istrateġija ta’ ħames snin tal-Ombudsman Ewropew – “Lejn l-2019”.

L-istituzzjoni għandha persunal multilingwi u bi kwalifiki għoljin. Dan jiżgura li hija tkun tista’ tindirizza lmenti dwar amministrazzjoni ħażina fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE u biex tqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-ħidma tal-Ombudsman. Fl-2017, l-Ombudsman kellu persunal ta’ 81.

Lista sħiħa u aġġornata regolarment tal-persunal, inkluża informazzjoni dettaljata dwar l-istruttura tal-uffiċċju tal-Ombudsman u l-kompiti ta’ kull taqsima, hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ombudsman.

Kif tikkuntattja lill-Ombudsman Ewropew

Bit-telefon

+33 (0)3 88 17 23 13

B’ittra elettronika

eo@ombudsman.europa.eu

On-line
L-uffiċċji tagħna
L-uffiċċji tagħna
Strasburgu
Indirizz postali

Médiateur européen
1 avenue du Président Robert Schuman
CS 30403
F-67001 Strasbourg Cedex

Indirizz għall-viżitaturi

Bâtiment Václav Havel (HAV)
Allée Spach
F-67070 Strasbourg

Brussell
Indirizz postali

Médiateur européen
Rue Wiertz
B-1047 Bruxelles

Indirizz għall-viżitaturi

Montoyer-Science (MTS)
30 rue Montoyer
B-1000 Bruxelles

© Unjoni Ewropea, 2018

Ir-ritratti u l-stampi huma kollha © Unjoni Ewropea, minbarra il-qoxra (© AlxeyPnferov / iStock).
Ir-riproduzzjoni għal skopijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija awtorizzata, sakemm is-sors jiġi rikonoxxut.

Print QK-AA-18-001-MT-C ISBN 978-92-846-2723-3 doi:10.2869/19704
PDF QK-AA-18-001-MT-N ISBN 978-92-846-2781-3 doi:10.2869/36894
HTML QK-AA-18-001-MT-Q   doi:10.2869/964016