You have a complaint against an EU institution or body?

Ombudsman Ewropew - Konsultazzjoni pubblika - Trasparenza tal-ħidma leġiżlattiva fil-korpi preparatorji tal-Kunsill

Sfond

Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandhom dritt li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, u d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ.

Fl-10 ta' Marzu 2017, l-Ombudsman Ewropew fetħet inkjesta strateġika li tiffoka fuq it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fil-korpi preparatorji tal-Kunsill tal-UE, wieħed miż-żewġ korpi leġiżlattivi tal-UE.

L-inkjesta ma tirrigwardax kif il-Kunsill jorganizza d-diskussjonijiet preparatorji li jwasslu għall-adozzjoni tal-pożizzjonijiet formali tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE; u lanqas ma tirrigwarda xi proposta leġiżlattiva partikolari. L-inkjesta tittratta kif is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jappoġġja mil-lat amministrattiv il-proċess leġiżlattiv tat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-reġistrazzjoni tiegħu tal-eżiti tad-diskussjonijiet li saru bejn l-Istati Membri fil-korpi preparatorji u billi jirreġistra, jimmaniġġja u jippubblika d-dokumenti relatati.

Qabel ma l-Kunsill jadotta l-pożizzjoni formali tiegħu għan-negozjati mal-koleġiżlatur tiegħu, il-Parlament Ewropew, isiru diskussjonijiet preparatorji dwar abbozz ta' leġiżlazzjoni fil-livell ta' ambaxxatur/deputat ambaxxatur (Coreper II u I, rispettivament), u permezz ta' aktar minn 150 kumitat u grupp ta' ħidma[1] li għalihom attendew impjegati taċ-ċivil. F'ċerti każijiet, jintlaħaq ftehim fil-livell tal-korp preparatorju u l-pożizzjoni miftiehma mbagħad tiġi adottata mingħajr diskussjoni mill-Ministri fil-livell tal-Kunsill. Wara l-adozzjoni finali ta' att leġiżlattiv, il-Kunsill jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-parti l-kbira tal-fajl leġiżlattiv, inklużi dokumenti abbozzati fil-korpi preparatorji.

L-inkjesta tal-Ombudsman tkopri erba' oqsma:

  1. l-aċċessibbiltà tad-dokumenti leġiżlattivi dwar ir-reġistru tad-dokumenti tal-Kunsill;
  2. il-kompletezza tar-reġistru tal-Kunsill;
  3. il-konsistenza fl-abbozzar u fl-iżvelar ta' prattiki bejn il-korpi preparatorji;
  4. it-trasparenza fir-rigward tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri.

Stedina għas-sottomissjoni tal-kummenti

Bħala l-ewwel pass fl-inkjesta, l-Ombudsman staqsiet 14-il mistoqsija lill-Kunsill, li l-Kunsill weġibhom fis-26 ta' Lulju 2017[2]. Il-Kunsill elenka diversi punti ta’ titjib li ser isaħħu l-kapaċità li l-pubbliku jsegwi l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu, inkluż (i) sistema ġdida li tirreġistra d-dokumenti tal-Kunsill, (ii) proġett li jiżviluppa pjattaforma komuni għall-abbozzar mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni, (iii) għodod tekniċi li jagħmluha aktar faċli li jiġu żvelati dokumenti li għandhom il-klassifikazzjoni "LIMITE" (jiġifieri li m'għandhomx jiġu żvelati lill-pubbliku) u (iv) diversi inizjattivi li jiffaċilitaw l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti.

L-Ombudsman issa bagħtet ittra lill-Kunsill biex jorganizza spezzjoni tal-fajls leġiżlattivi li ngħalqu fl-2016. B'mod parallel, l-Ombudsman qed tistieden lill-membri tal-pubbliku biex iressqu l-fehmiet tagħhom dwar il-kwistjonijiet li tqajmu mill-inkjesta strateġika. L-Ombudsman tistiednek biex tagħti l-fehmiet tiegħek dwar dawn il-punti li ġejjin:

I. Aċċessibbiltà tal-informazzjoni u tad-dokumenti

1. Meta l-Kummissjoni Ewropea tagħmel proposta leġiżlattiva, din tiġi diskussa f'grupp ta' ħidma wieħed, jew aktar, tal-Kunsill. X'informazzjoni utli tista' tingħata f'dan l-istadju li tippermetti lill-pubbliku jara u jifhem kif jiżviluppaw id-diskussjonijiet?

2. Fit-tweġiba tiegħu lill-Ombudsman, il-Kunsill jiddeskrivi l-azzjonijiet li bħalissa qiegħed jieħu biex jagħmilha iktar faċli li jsib id-dokumenti fuq is-sit web tiegħu, bħal pereżempju jtejjeb il-formola tat-tfittxija tiegħu, jagħti aċċess lid-dokumenti permezz ta' kalendarju ta' laqgħat u jiżviluppa l-"bażi ta' data leġiżlattiva konġunta" prevista fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet[3].

Hemm xi miżuri oħra li l-Kunsill jista' jieħu biex id-dokumenti leġiżlattivi jkunu jistgħu jinstabu aktar faċilment?

II. Trasparenza tad-diskussjonijiet

3. Jekk jogħġbok iddeskrivi kwalunkwe diffikultà li ltqajt magħha biex tikseb informazzjoni jew dokumenti marbuta mad-diskussjonijiet fil-korpi preparatorji tal-Kunsill u kwalunkwe suġġeriment speċifiku għal titjib

4. Fil-korpi preparatorji tal-Kunsill jistgħu jiġu prodotti u mqassma diversi tipi ta' dokumenti (eżiti tal-proċedimenti, kompromessi tal-Presidenza, rapporti ta' progress, eċċ.). Fl-opinjoni tiegħek, ċerti dokumenti huma iktar utli minn oħrajn biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar id-diskussjonijiet li jkunu għaddejjin? Jekk jogħġbok spjega.

5. Qatt ikkonsultajt il-fajl leġiżlattiv li l-Kunsill jippubblika wara li l-att leġiżlattivi ikun ġie adottat?

6. Taħseb li għandhom japplikaw rekwiżiti differenti ta' trasparenza bejn id-diskussjonijiet fil-gruppi ta' ħidma u d-diskussjonijiet fil-Coreper? Jekk jogħġbok agħti r-raġunijiet għat-tweġiba tiegħek fil-qosor.

7. Filwaqt li jkunu għaddejjin id-diskussjonijiet, id-dokumenti li għandhom il-klassifikazzjoni "LIMITE" ma jiġux divulgati lill-pubbliku mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel. Fl-opinjoni tiegħek, liema passi addizzjonali jistgħu jittieħdu biex ikompli jiġi rregolat u armonizzat l-użu tal-klassifikazzjoni "LIMITE" li tikkonċerna d-dokumenti leġiżlattivi?

8. Filwaqt li tqis li l-pożizzjonijiet tad-delegazzjonijeit jistgħu jevolvu matul in-negozjati u li l-Kunsill irid jipproteġi l-effettività tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tiegħu, sa liema punt temmen li l-pożizzjonijiet espressi mid-delegazzjonijiet nazzjonali matul in-negozjati fil-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill/fil-Coreper għandhom jiġu rreġistrati? Kemm ikun importanti għalik li tiskopri l-pożizzjoni tad-delegazzjoni nazzjonali?

III. Oħrajn

9. Jekk jogħġbok ikkummenta dwar kwalunkwe qasam jew miżura oħra li fl-opinjoni tiegħek hi importanti biex tittejjeb it-trasparenza tad-diskussjonijiet leġiżlattivi fi ħdan il-korpi preparatorji tal-Kunsill. Jekk jogħġbok kun speċifiku kemm jista’ jkun.

Kif tista' tikkontribwixxi

L-iskadenza għat-tressiq tal-kummenti hija l-31 ta' Diċembru 2017.

Permezz tal-posta elettronika billi tuża l-formola ta' kuntatt li ġejja: http://www.ombudsman.europa.eu/email?to=contactform_email_EO-CouncilConsultation

jew

Bil-posta: European Ombudsman, 1 avenue du Président Robert Schuman, CS 30403, F - 67001 Strasbourg Cedex, France

Jekk jogħġbok indika b'mod ċar "Konsultazzjoni tal-Kunsill - OI/2/2017" fil-bidu tal-kontribuzzjoni tiegħek.

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jitressqu bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Jekk jogħġbok, jekk jista' jkun taqbiżx l-10 paġni għall-kontribuzzjoni tiegħek, inkluż l-annessi, jekk ikollok.

L-Ombudsman ser tibgħat il-kontribuzzjonijiet kollha rċevuti lill-Kunsill. L-Ombudsman għandha l-għan ukoll li tagħmel dawn il-kontribuzzjonijiet disponibbli fuq is-sit web tagħha. Persuni fiżiċi li jqisu li, skont ir-Regolament 45/2001 dwar il-protezzjoni tad-data[4], isimhom ma għandux jiġi ppubblikat għandhom jinfurmaw lill-Ombudsman.

Jekk teħtieġ iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lis-Sinjura Alice Bossière, Uffiċjal għall-Inkjesti strateġiċi tal-Ombudsman (Tel: +32 228 33 401).

 

[1] Għal lista dettaljata tal-korpi preparatorji tal-Kunsill, ara l-paġna web dedikata tal-Kunsill, disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali kollha: http://www.consilium.europa.eu/en/council-eu/preparatory-bodies/

[2] Ara hawn taħt għall-ittra tal-Ombudsman u t-tweġiba tal-Kunsill.

[3] http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2016.123.01.0001.01.MLT

[4] Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data, ĠU 2001, L 8, p. 1. Ara wkoll: http://www.ombudsman.europa.eu/en/resources/dataprotection/home.faces.