You have a complaint against an EU institution or body?

Il-konsultazzjoni pubblika tal-Ombudsman Ewropew dwar it-trasparenza tat-trilogi

Sfond

Fis-26 ta’ Mejju 2015, l-Ombudsman Ewropew fetħet inkjesta strateġika dwar it-trasparenza tat-trilogi. Trilogi huma negozjati informali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea li għandhom l-għan li jintlaħaq qbil dwar proposti leġiżlattivi[1]. Il-Kummissjoni tipproponi l-leġiżlazzjoni inizjali liż-żewġ koleġiżlaturi.

Stedina għas-sottomissjoni tal-kummenti

Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-inkjesta, issottomettew opinjonijiet dwar it-trasparenza tat-trilogi lill-Ombudsman[2]. L-Ombudsman kien ukoll spezzjona żewġ fajls tat-trilogi magħluqa biex jara x’tipi ta’ dokumenti jkunu normalment skambjati bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni waqt it-trilogi[3]. L-Ombudsman issa qed tistieden membri mill-pubbliku biex jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar din il-kwistjoni.

Kif enfasizzat l-Ombudsman fid-diskors tagħha tat-28 ta’ Settembru fil-Parlament Ewropew[4], l-inkjesta mhijiex dwar il-mod kif l-istituzzjonijiet jorganizzaw it-trilogi jew dwar kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna xi proposta legiżlattiva speċifika. L-inkjesta hija biss dwar it-trasparenza tat-trilogi, pereżempju, sa fejn id-dokumenti mressqa mill-istituzzjonijiet matul u wara n-negozjati tat-trilogi jistgħu u għandhom isiru disponibbli b’mod proattiv, u f’liema mument.

L-Ombudsman tistiednek biex tagħti l-fehmiet tiegħek dwar dawn il-punti li ġejjin:

1. Fl-opinjoni tiegħek, il-mod li bih il-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi nnegozjata permezz tal-proċess tat-triloġi huwa trasparenti biżżejjed? Jekk jogħġbok agħti r-raġunijiet għat-tweġiba tiegħek fil-qosor.

2. Jekk jogħġbok spjega kif, fil-fehma tiegħek, iktar trasparenza tista’ taffettwa l-proċess leġiżlattiv tal-EU, pereżempju f’termini ta’ fiduċja pubblika fil-proċess, l-effiċjenza tal-proċess jew interessi pubbliċi oħra.

3. L-istituzzjonijiet iddeskrivew x'qegħdin jagħmlu dwar il-pubblikazzjoni proattiva tad-dokumenti tat-trilogi[5]. Fl-opinjoni tiegħek, taħseb li r-rilaxx proattiv tad-dokumenti kollha skambjati bejn l-istituzzjonijiet matul in-negozjati tat-trilogi, pereżempju “tabella ta’ erba’ kolonni”[6], wara li l-proċess tat-trilogi jwassal għal ftehim dwar it-test ta’ kompromess, jiżgura trasparenza ikbar? F’liema stadju tal-proċess jista’ jseħħ rilaxx bħal dan? Jekk jogħġbok agħti raġunijiet fil-qosor.

4. Hemm xi passi konkerti li jistgħu jieħdu l-istituzzjonijiet biex jinfurmaw minn qabel lill-pubbliku dwar il-laqgħat tat-trilogi? Ikun biżejjed a) li jitħabbar biss pubblikament li sejrin jiġu organizzati dawn il-laqgħat u meta, jew b) li jiġu ppubblikati iktar dettalji dwar il-laqgħat li jmiss bħal aġendi tal-laqgħat u lista tal-parteċipanti proposti?

5. Ġie espress tħassib li jekk tingħata informazzjoni dettaljata bil-quddiem rigward il-laqgħat tat-trilogi, dan jista’ jwassal għal pressjoni ikbar fuq il-legiżlaturi u l-uffiċjali involuti fin-negozjati mill-lobbisti. Jekk jogħġbok agħti opinjoni qasira dwar dan.

6. Fl-opinjoni tiegħek, il-pożizzjoni inizjali (“il-mandat”) tat-tliet istituzzjonijiet kollha dwar fajl leġiżlattiv, għandha ssir disponibbli għall-pubbliku qabel jibdew in-negozjati tat-trilogi? Spjega r-ragunijiet tiegħek fil-qosor.

7. Hemm xi miżuri konkreti li jistgħu jdaħħlu fis-seħħ l-istituzzjonijiet biex iżidu l-viżibbiltà tad-dokumenti u l-informazzjoni li huma diġà pubblikaw u l-aċċessibbiltà tal-utent għalihom?

8. Tikkunsidra li, fir-rigward tat-trasparenza, għandha sseħħ distinzjoni bejn it-“trilogi politiċi” li jinvolvu r-rappreżentanti politiċi tal-istituzzjonijiet u l-laqgħat tekniċi li jsiru mill-impjegati taċ-ċivil fejn ma jittieħdu l-ebda deċiżjonijiet politiċi?

9. Jekk jogħġbok ikkummenta dwar oqsma oħra, jekk hemm, b’potenzjal għal iktar trasparenza tat-trilogi. Jekk jogħġbok kun speċifiku kemm jista’ jkun.

Kif tista' tikkontribwixxi

L-iskadenza għat-tressiq tal-kummenti hija l-31 ta’ Marzu 2016.

Bil-posta elettronika: http://www.ombudsman.europa.eu/email?to=contactform_email_EO-TriloguesConsultation

jew

Bil-posta: European Ombudsman, 1 avenue du Président Robert Schuman, CS 30403, F - 67001 Strasbourg Cedex, France

Jekk jogħġbok indika b'mod ċar "konsultazzjoni tat-trilogi" fil-bidu tal-kontribuzzjoni tiegħek.

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jitressqu bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

L-Ombudsman sejra tibgħat il-kontribuzzjonijiet kollha riċevuti lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-Ombudsman tista’ wkoll tagħmel dawn il-kontribuzzjonijiet disponibbli fuq is-sit web tagħha. Persuni fiżiċi li jqisu li, skont ir-Regolament 45/2001 dwar il-protezzjoni tad-data [7], isimhom ma għandux jiġi ppubblikat għandhom jinfurmaw lill-Ombudsman.

Jekk teħtieġ iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lis-Sur Jan Stadler, Uffiċjal Legali fl-Uffiċċju tal-Ombudsman (tel: +32 2 284 35 86).

 

[1] Għal spjegazzjoni dettaljata tat-trilogi, ara l-Gwida għall-Kodeċiżjoni u l-Konċiljazzjoni mħejjija mill-Unità tal-Konċiljazzjonijiet u l-Kodeċiżjoni tal-Parlament Ewropew, disponibbli hawnhekk: http://www.europarl.europa.eu/code/information/guide_mt.pdf

[2] Ara hawn taħt għall-Opinjoni tal-Parlament, l-Opinjoni tal-Kunsill, l-Opinjoni tal-Kummissjoni (disponibbli bl-Ingliż).

[3] Ara hawn taħt għar-rapporti tal-ispezzjoni mal-Parlament, mal-Kunsill, u mal-Kummissjoni (disponibbli bl-Ingliż).

[4] http://www.ombudsman.europa.eu/mt/activities/speech.faces/en/60991/html.bookmark (disponibbli bl-Ingliż).

[5] Ara l-paġna 5 tal-opinjoni tal-Parlament u l-paragrafu 17 tal-opinjoni tal-Kunsill.

[6] Dokument li normalment ikun fih il-pożizzjoni inizjali ta’ kull istituzzjoni u soluzzjonijiet ta’ kompromess li joħorġu matul in-negozjati.

[7] Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data, ĠU 2001, L 8, p. 1. Ara wkoll: http://www.ombudsman.europa.eu/mt/resources/dataprotection/home.faces