- Export to PDF
- Get the short link of this page
- Share this page onTwitterFacebookLinkedin
L-Ombudsman Ewropew jilqa’ kummenti mill-pubbliku relatati mal-inkjesta fuq inizjattiva tiegħu stess dwar il-problema ta’ ħlas tardiv min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea
Public consultation - Date Tuesday | 12 January 2010
Case OI/1/2009/GG - Opened on Tuesday | 17 February 2009 - Decision on Tuesday | 08 February 2011
L-Isfond
Minn mindu ġiet stabbilita l-kariga tiegħu fl-1995, l-Ombudsman Ewropew irċieva għadd ta' lmenti dwar ħlas tardiv minn istituzzjonijiet u entitajiet tal-Unjoni Ewropea.
Fl-1999, l-Ombudsman iddeċieda li jniedi inkjesta fuq inizjattiva tiegħu stess ("OII" - own-initiative inquiry) dwar il-problema ta' ħlas tardiv min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, li tamministra l-biċċa l-kbira tal-pagamenti li jsiru mill-UE. Wara li l-Ombudsman ta lill-partijiet interessati l-possibilità li jagħtu l-kummenti tagħhom, huwa wasal għall-konklużjoni li l-passi meħuda jew proposti mill-Kummissjoni, b'implimentazzjoni tajba, kellhom jissarrfu fi progress konsiderevoli f'dan il-qasam.
Fl-2007, l-Ombudsman iddeċieda li jniedi OII oħra dwar dan is-suġġett. Matul din l-inkjesta, il-Kummissjoni infurmat lill-Ombudsman dwar għadd ta' miżuri kumplimentari li ttieħdu, kemm fil-livell amministrattiv u kemm f'dak leġiżlattiv, biex il-ħlasijiet tagħha jkunu aktar fil-ħin. L-Ombudsman qies li dawn il-miżuri kienu tassew bżonjużi u li setgħu jwasslu għal titjib iżda kien kmieni wisq biex wieħed jevalwa l-impatt li seta' jkollhom fuq is-sitwazzjoni. Fil-fehma tal-Ombudsman, l-aħjar mod biex wieħed jipproċedi kien għalhekk li tinfetaħ OII ġdida fl-2009, meta l-figuri dwar ir-rendiment tal-Kummissjoni fl-2008 jkunu disponibbli, biex jiġi aċċertat jekk il-Kummissjoni ħaditx il-passi kollha adegwati biex tegħleb id-dewmien tal-pagamenti jew jekk kinitx neċessarja azzjoni ulterjuri.
Din l-OII kumplimentari tnediet fi Frar 2009 permezz ta' ittra fejn intalbet l-opinjoni tal-Kummissjoni. Wara li din l-opinjoni ġiet analizzata, l-Ombudsman talab aktar informazzjoni, li l-Kummissjoni pprovdiet lejn l-aħħar ta' Ottubru 2009.
Konsultazzjoni tal-pubbliku
L-Ombudsman iqis li huwa tajjeb u utli li tagħti lill-partijiet interessati l-possibilità li jagħmlu kummenti f'dan il-każ. Għalhekk il-korrispondenza relevanti bejnu u l-Kummissjoni kienet disponibbli fil-websajt. Ħafna mill-ilmenti dwar ħlas tardiv tressqu bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bil-Franċiż. Għalhekk, l-Ombudsman iqis li d-disponibilità għall-pubbliku tad-dokumenti relevanti f'dawn it-tliet lingwi tikkostitwixxi kompromess raġonevoli bejn ix-xewqa li ċ-ċittadini jiġu infurmati fl-aktar numru ta' lingwi possibbli u l-ħtieġa li l-flus tal-persuni ntaxxati tal-UE jintefqu b'mod prudenti u bil-qies.
Kontributi mill-partijiet interessati jistgħu għalhekk jiġu sottomessi fi kwalunkwe lingwa msemmija fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Dawn il-kontributi jkunu aċċessibbli għall-Kummissjoni u għall-partijiet terzi interessati.
X'qiegħed ifittex l-Ombudsman
L-OII preżenti tikkonċerna l-problema tal-ħlas tardiv min-naħa tal-Kummissjoni b'mod ġenerali. Għalhekk l-Ombudsman huwa interessat ħafna li jirċievi mingħand iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-assoċjazzjonijiet interessati r-rispons tagħhom dwar jekk, fil-fehma tagħhom, l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni f'dan il-qasam humiex suffiċjenti jew x'passi ulterjuri jistgħu u għandhom jittieħdu.
L-inkjesta attwali mhijiex intiża li tevalwa u ssolvi każijiet individwali ta' ħlas tardiv. Għalhekk każijiet bħal dawn jistgħu jitressqu quddiem l-Ombudsman permezz ta' lmenti individwali. Tista' ssib formola ta' lment għal dan l-iskop f'din il-websajt.
Skadenza għall-kummenti
Il-kummenti għandhom jintbagħtu lill-Ombudsman sal-31 ta' Marzu 2010.
permezz ta' ittra: Ombudsman Ewropew, 1 avenue du Président Robert Schuman, CS 30403, F-67001 Strasbourg Cedex
permezz ta' fax: +33-388-179062
permezz ta' e-mail: http://www.ombudsman.europa.eu/shortcuts/contacts.faces
- Export to PDF
- Get the short link of this page
- Share this page onTwitterFacebookLinkedin