You have a complaint against an EU institution or body?

Konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tad-dikjarazzjoni dwar il-prinċipji tas-servizz pubbliku għall-uffiċjali pubbliċi tal-UE

fl-24 ta’ Frar 2011

Din il-konsultazzjoni pubblika hija magħluqa.

Introduzzjoni

L-Ombudsman Ewropew jinvestiga lmenti dwar amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UE[1]. L-esperjenza tiegħu li jittratta l-ilmenti u l-kuntatti tiegħu mal-istituzzjonijiet u l-membri tal-persunal tagħhom, maċ-ċittadini, u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, wassluh biex jikkonkludi li l-uffiċjali pubbliċi u l-pubbliku jistgħu jibbenefikaw minn dikjarazzjoni sinċiera u konċiża dwar il-prinċipji tas-servizz pubbliku għall-uffiċjali pubbliċi tal-UE[2].

L-Ombudsman ħejja abbozz ta’ din id-dikjarazzjoni, u jistieden li jitressqu kummenti dwaru.

L-għan tal-abbozz, fost affarijiet oħra, huwa li jiġu kkunsidrati l-aħjar prattiki li jeżistu fl-Istati Membri. Biex jippromwovi dan l-objettiv, l-Ombudsman Ewropew ikkonsulta lill-ombudsmen nazzjonali fin-Netwerk tal-Ombudsmen Ewropej qabel ma ħejja l-abbozz. Id-dokument ta’ konsultazzjoni li ntbagħat lill-ombudsmen nazzjonali u r-rapport dwar ir-rispons tagħhom huma disponibbli bħala dokumenti ta’ sfond.

Ir-raġunijiet wara l-proposta tad-dikjarazzjoni tal-prinċipji tas-servizz pubbliku

L-għanijiet stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-missjoni tal-Ombudsman Ewropew jinkludu “il-bini ta’ fiduċja permezz tad-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-Unjoni Ewropea u t-trawwim tal-ogħla standards ta’ mġiba fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

L-Ombudsman għandu wkoll l-għan li jkollu "impatt pożittiv fuq il-kultura amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-UE" (ara Strateġija għall-mandat tal-Ombudsman).

Id-dikjarazzjoni ġiet abbozzata bl-għan li jiġu ċċarati ċerti valuri fundamentali, liema valuri għandhom jiġu riflessi fl-imġiba tal-uffiċjali pubbliċi tal-UE. Billi jiġu stabbiliti b’mod ċar dawn il-valuri, id-dikjarazzjoni għandha l-għan li tippromwovi l-fiduċja taċ-ċittadini fis-servizz ċivili Ewropew u l-istituzzjonijiet tal-UE li huwa jaqdi.

L-abbozz tad-dikjarazzjoni huwa intiż li jikkumplementa strumenti eżistenti, inklużi r-Regolamenti tal-Persunal, ir-Regolament Finanzjarju, u l-Kodiċi Ewropea ta` Mġiba Amministrattiva Tajba, li jinkludu regoli u prinċipji ġenerali li jirregolaw l-imġiba tal-uffiċjali pubbliċi. Huwa għandu jkun ta’ għajnuna biex l-uffiċjali pubbliċi jiffukaw fuq l-ispirtu li fih huma għandhom japplikaw ir-regoli interni dettaljati tal-istituzzjonijiet tal-UE li jirregolaw kwistjonijiet bħal pereżempju l-aċċettazzjoni ta’ rigali u l-kunflitti ta’ interess. Għaldaqstant huwa jippromwovi amministrazzjoni tajba u jara li tonqos il-probabilità li jkun hemm amministrazzjoni ħażina.

Konsultazzjoni pubblika

Individwi u organizzazzjonijiet huma mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom dwar l-abbozz tal-prinċipji tas-servizz pubbliku.

L-Ombudsman qed jikteb lill-istituzzjonijiet u lill-entitajiet tal-UE msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u lin-Netwerk tal-Kapijiet tal-Aġenziji tal-UE biex jinfurmahom dwar il-konsultazzjoni pubblika.

Il-kummenti kollha li jaslu sad-data ta’ skadenza se jittieħdu inkonsiderazzjoni fl-istadji meta d-dikjarazzjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar il-prinċipji tas-servizz pubbliku għall-uffiċjali pubbliċi tal-UE tkun qed tiġi ffinalizzata.

Bħall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, l-Ombudsman għandu jaħdem b’mod apert kemm jista’ jkun u d-dikjarazzjoni tal-missjoni tiegħu għandha tħeġġeġ it-trasparenza. Għalhekk il-lista ta’ persuni u organizzazzjonijiet li mingħandhom jaslu l-kummenti se tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-Ombudsman Ewropew. Il-kummenti nfushom se jkunu aċċessibbli għall-pubbliku, fuq talba.

Jekk ikun hemm raġuni valida għalfejn ismek m’għandux jiġi ppubblikat u/jew il-kumment tiegħek m’għandux ikun disponibbli għall-pubbliku, jekk jogħġbok spjega r-raġuni meta tibgħat il-kumment tiegħek.

Kif tikkontribwixxi

Il-kummenti għandhom jaslu għand l-Ombudsman sal-15 ta’ Mejju ta’ Ġunju 2011

● permezz tal-posta tradizzjonali: Ombudsman Ewropew, 1 avenue du Président Robert Schuman, CS 30403, F - 67001 Strasbourg Cedex, Franza;

● permezz ta’ faks: +33 (0)3 88 17 90 62;

● permezz tal-posta elettronika: http://www.ombudsman.europa.eu/shortcuts/contacts.faces



 

 

 

Abbozz għall-kosultazzjoni pubblika

Prinċipji tas-servizz pubbliku li għandhom ikunu ta’ gwida għall-uffiċjali pubbliċi tal-UE*

Impenn lejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha

L-uffiċjali pubbliċi għandhom ikuni konxji li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jeżistu biex jaqdu l-interessi tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha.

Għandhom jagħmlu rakkomandazzjonijiet u jieħdu deċiżjonijiet purament biex jaqdu dawn l-interessi u għall-ebda skop ieħor.

L-uffiċjali pubbliċi għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom bl-aħjar mod possibbli u għandhom jagħmlu ħilithom biex ikunu ta’ eżempju tajjeb għal oħrajn.

Integrità

L-imġiba tal-uffiċjali pubbliċi għandha tkun dejjem soġġetta għal skrutinju pubbliku mill-qrib. Dan l-obbligu mhuwiex kompletament imwettaq sempliċement billi wieħed jaġixxi skont il-liġi.

L-uffiċjali pubbliċi m’għandhomx ipoġġu lilhom infushom taħt obbligu finanzjarju jew obbligu ieħor li jista’ jinfluwenzahom huma u jwettqu l-funzjonijiet tagħhom. Għandhom jiddikjaraw kwalunkwe interess privat relatat mal-funzjonijiet tagħhom.

L-uffiċjali pubbliċi għandhom jieħdu passi biex jevitaw kunflitti ta’ interess u l-bidu ta’ tali kunflitti. Dan l-obbligu jibqa’ japplika anki wara li huma jispiċċaw mill-kariga.

Meta jikklejmjaw l-ispejjeż u l-allowances, l-uffiċjali pubbliċi għandhom jimxu b’sens ta’ proprjetà, iktar milli jfittxu li jimmassimizzaw il-benefiċċji tagħhom.

Objettività

L-uffiċjali pubbliċi għandhom ikollhom moħħhom miftuħ, għandhom jimxu abbażi tal-evidenza disponibbli, u għandhom ikunu lesti li jisimgħu opinjonijiet differenti. Għandhom ikunu lesti li jirrikonoxxu u jikkoreġu ċerti żbalji.

Fi proċeduri li jinvolvu evalwazzjonijiet komparattivi, l-uffiċjali pubbliċi għandhom jibbażaw ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet biss fuq il-mertu u fuq kwalunkwe fattur ieħor preskritt b’mod espliċitu mil-liġi.

L-uffiċjali pubbliċi m’għandhomx iħallu l-fatt li huma jkollhom grazzja jew nuqqas ta’ grazzja ma’ persuna partikolari jinfluwenza l-imġiba professjonali tagħhom.

Rispett għall-oħrajn

L-uffiċjali pubbliċi għandhom jaġixxu b’mod li juru rispett lejn xulxin u lejn iċ-ċittadini. Għandhom ikunu edukati, lesti li jgħinu u kooperattivi.

Trasparenza

L-uffiċjali pubbliċi għandhom ikunu lesti li jispjegaw l-attivitajiet tagħhom u li jispjegaw l-azzjonijiet tagħhom. Għandhom jilqgħu l-iskrutinju pubbliku tal-imġiba tagħhom, inkluża l-konformità tagħhom mal-prinċipji tas-servizz pubbliku.



[1] It-terminu “istituzzjoni” hawnhekk jintuża bħala terminu mqassar biex jirreferi għal dawk li fil-lingwa tal-UE huma formalment magħrufa bħala “istituzzjonijiet, korpi,u organi”.

[2] It-terminu “uffiċjal pubbliku” jirreferi għall-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE. Fil-lingwa tal-UE, dawn huma formalment magħrufa bħala “uffiċjali u impjegati oħra”.

* It-terminu “uffiċjal pubbliku” jirreferi għall-persunal tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE. Fil-lingwa tal-UE, dawn huma formalment magħrufa bħala “uffiċjali u impjegati oħra”.