You have a complaint
against an EU institution or body?

Commission's alleged failure to carry out a human rights impact assessment of the envisaged EU-Vietnam free trade agreement

Deċiżjoni

fil-każ 1409/2014/MHZ dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq valutazzjoni tal-impatt minn qabel tad-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam

Il-każ jikkonċerna jekk il-Kummissjoni Ewropea kellhiex twettaq valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tan-negozjati tagħha sabiex jiġi konkluż ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Vjetnam. L-ilmentaturi emmnu li valutazzjoni bħal din kienet meħtieġa, filwaqt li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet li din ma kinitx meħtieġa peress li fl-2009, diġà kienet saret valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibbiltà dwar ftehim ta' kummerċ ħieles propost bejn l-UE u l-ASEAN, li inkluda l-Vjetnam.

Il-konklużjoni tal-Ombudsman kienet li n-nuqqas tal-Kummissjoni li twettaq valutazzjoni tal-impatt speċifika għad-drittijiet tal-bniedem, fir-rigward tal-Vjetnam, ikkostitwixxa amministrazzjoni ħażina. F'Marzu 2015, hija rrakkomandat li l-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni bħal din mingħajr aktar dewmien.

Madankollu, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħmel dan. Hija argumentat li "l-istrumenti ta' politika mhux kummerċjali" tagħha u l-klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni kisbu l-istess skop.

L-Ombudsman ma qablitx u b'hekk issottolinjat il-karatteristiċi inerenti fl-għodda ta' valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem. Peress li sadanittant il-Ftehim ġie konkluż, l-Ombudsman għalqet il-każ b'rimarka kritika.