You have a complaint against an EU institution or body?

Il-politika dwar il-lingwa tal-Ombudsman Ewropew

L-Ombudsman Ewropew hija impenjata bis-sħiħ lejn il-prinċipju tal-multilingwiżmu minħabba li d-diversità kulturali u lingwistika hija waħda mill-ikbar assi tal-Unjoni Ewropea. L-Ombudsman taġixxi ta’ pont bejn il-pubbliku Ewropew u l-UE biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-UE jaderixxu mal-ogħla standards etiċi, amministrattivi u ta’ trasparenza. L-indirizzar taċ-ċittadini fil-lingwa tagħhom stess huwa importanti ħafna biex l-UE ssir iktar aċċessibbli u responsabbli, li huwa essenzjali għas-suċċess tas-sistema demokratika tal-UE.

L-Ombudsman Ewropew tipprova ssib bilanċ pragmatiku bejn il-prinċipju tal-multilingwiżmu u l-obbligu tagħha li tuża r-riżorsi limitati tagħha bl-iktar mod effettiv. Fejn ikun ġustifikat, l-Ombudsman tista’ tiddeċiedi li tippubblika ċertu dokumenti f’numru limitat ta’ lingwi.

Il-ħarsa ġenerali li ġejja tispjega l-loġika tal-għażliet lingwistiċi tal-Ombudsman fir-rigward tal-komunikazzjonijiet u l-pubblikazzjonijiet l-aktar importanti tagħha.

Komunikazzjoni mal-ilmentaturi u mal-pubbliku

Kull ċittadin jew resident tal-UE għandu d-dritt juża kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali fil-korrispondenza mal-istituzzjonijiet tal-UE, li għandhom iwieġbu fl-istess lingwa. Dan il-prinċipju japplika għall-kuntatti mal-Ombudsman Ewropew ukoll. L-ilmenti kollha, it-talbiet għall-informazzjoni u kwalunkwe rikjesta oħra jistgħu jintbagħtu u jitwieġbu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE.

Is-sit web tal-Ombudsman huwa disponibbli fl-24 lingwa tal-UE, inkluża l-formola tal-ilmenti elettronika u l-gwida interattiva, li tgħin lill-utenti jsibu l-mekkaniżmu xieraq għas-soluzzjoni tal-problemi fil-livell tal-UE jew fl-Istati Membri. Meta lmentatur ma jkunx sodisfatt bis-servizz tal-Ombudsman, hu jew hi jistgħu jiksbu parir dwar fejn għandhom jirrikorru fil-lingwa tal-UE tal-għażla tiegħu jew tagħha.

Il-pubblikazzjonijiet ewlenin tal-Ombudsman, bħar-Rapport Annwali, il-fuljett dwar is-servizz “Min jista’ jgħinek”, u l-linji gwida tal-Ombudsman għan-negozji huma disponibbli fl-24 lingwa tal-UE. L-istess japplika għall-informazzjoni dwar l-Ombudsman Ewropew attwali, Emily O’Reilly, kif ukoll għall-predeċessuri tagħha. Il-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba huwa disponibbli fl-24 lingwa tal-UE kif ukoll fil-lingwi tal-pajjiżi kandidati tal-UE.

Xogħol relatat ma' każijiet

L-Ombudsman tirċievi u tittratta lmenti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-investigazzjonijiet tagħha, minbarra dawk li jiġu ttrattati fi proċedura informali (pereżempju, permezz tat-telefon), jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħha. Il-politika tal-lingwa għad-dokumenti differenti relatati mal-każijiet hija kif ġej:

Dokumenti strateġiċi u organizzazzjonali

Il-biċċa l-kbira tad-dokumenti strateġiċi u organizzazzjonali tal-Ombudsman bħall-istatut tagħha, l-istrateġija, ir-reġistru pubbliku, u l-Kodiċi tal-Kondotta tagħha huma disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE. L-istess japplika għas-sejħiet tagħha għall-offerta pubblika. Il-pjan annwali ta’ ġestjoni tagħha jew dokumenti strateġiċi oħra aktar speċifiċi huma disponibbli f’numru limitat ta’ lingwi tal-UE.

Attivitajiet tal-midja u tal-midja soċjali

L-Ombudsman regolarment tinforma lill-ġurnalisti dwar l-investigazzjonijiet tagħha u aħbarijiet oħrajn. Billi l-biċċa l-kbira tal-ġurnalisti rilevanti huma korrispondenti tal-UE bbażati fi Brussell li jeħtieġu informazzjoni f’waqtha u għandhom it-tendenza li jużaw l-Ingliż, il-Ġermaniż jew il-Franċiż, hija tippubblika l-istqarrijiet għall-istampa tagħha f’dawk il-lingwi biss. F’każijiet meta jkun hemm urġenza ta’ ħin estrema, hi tista’ tiddeċiedi li tippubblika t-test ta’ dawn l-istqarrijiet bl-Ingliż biss.

L-Ombudsman qed tuża dejjem aktar il-pjattaformi tal-midja soċjali biex tilħaq lill-pubbliku. Il-kontenut ippubblikat fuq dawn il-pjattaformi huwa fil-biċċa l-kbira awtomatikament bl-Ingliż, minħabba l-ilħuq internazzjonali tagħhom. Hija tippubblika wkoll stqarrijiet għall-istampa, informazzjoni dwar laqgħat u avvenimenti u aħbarijiet oħra bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u l-Franċiż. Il-pubblikazzjonijiet u l-vidjos tal-Ombudsman huma mifruxa fuq kanali differenti tal-midja soċjali fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

Komunikazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen

L-Ombudsman Ewropew tikkoordina n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen li jikkonsisti minn aktar minn 95 uffiċċju f’36 pajjiż Ewropew. Il-membri tan-netwerk regolarment jiskambjaw l-esperjenzi u l-aħjar prattiki permezz ta’ seminars u laqgħat, bullettin, forum ta’ diskussjoni elettroniku u servizz elettroniku tal-aħbarijiet li jopera kuljum. L-informazzjoni dwar in-Netwerk kif ukoll stqarrija konġunta huma disponibbli fl-24 lingwa tal-UE. Il-lingwi użati fin-Netwerk huma l-Ispanjol, il-Ġermaniż, l-Ingliż, il-Franċiż u t-Taljan.

Komunikazzjoni interna u reklutaġġ

It-tim tal-Ombudsman huwa multikulturali u jkopri firxa wiesgħa ta’ lingwi uffiċjali tal-UE. Fejn ikun possibbli, il-każijiet, it-talbiet dwar informazzjoni jew it-telefonati huma ttrattati minn membru tal-persunal li l-lingwa materna tiegħu hija l-lingwa tal-applikant jew ekwivalenti. Jekk il-lingwa ma tkunx koperta fl-uffiċċju, l-Ombudsman tuża servizzi ta’ traduzzjoni esterni.

Il-lingwi tax-xogħol interni huma primarjament l-Ingliż u l-Franċiż. L-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ impjieg fl-uffiċċju tal-Ombudsman hija disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE. Madankollu, it-talbiet speċifiċi għall-applikazzjonijiet jiġu ppubblikati l-aktar bl-Ingliż, peress li livell għoli fl-Ingliż huwa prekundizzjoni għall-biċċa l-kbira tal-karigi fl-uffiċċju tal-Ombudsman.