You have a complaint against an EU institution or body?

Integrazzjoni ta’ tfal b’diżabilitajiet mill-iskejjel ewropej

Sommarju tas-segwitu ta' l-investigazzjoni tad-deċiżjoni ta' l-Ombudsman Ewropew dwar l-investigazzjoni OI/3/2003/JMA fuq inizjattiva tiegħu stess dwar l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità mill-Kummissjoni Ewropea

Fid-deċiżjoni li tagħlaq l-investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess dwar l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabilità (referenza: OI/3/2003/JMA), l-Ombudsman identifika qasam fejn għadha meħtieġa azzjoni, li huwa t-trattament, min-naħa tal-Iskejjel Ewropej, tat-tfal b'diżabilità bi bżonnijiet edukattivi speċjali (tfal BES). L-Ombudsman talab lill-Kummissjoni tibgħatlu rapport ieħor dwar il-progress li għamlu l-Iskejjel Ewropej fir-rigward ta' l-integrazzjoni tat-tfal BES. Ir-rapport tal-Kummissjoni ġie ppubblikat fuq is-sit elettroniku ta' l-Ombudsman u l-pubbliku ġie mistieden jesprimi l-kummenti tiegħu.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Ombudsman għaraf l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni biex tistinka għal politiki aktar effikaċi favur l-integrazzjoni tat-tfal BES. Il-progress intwera mill-fatt li, f'dawn l-aħħar snin, in-numru ta' tfal BES fl-Iskejjel Ewropej żdied konsiderevolment. Madankollu, l-Ombudsman innota b'dispjaċir li l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-uffiċjali b'membri tal-familja b'diżabilità mhuwiex biżżejjed. Din l-assistenza mhijiex adegwata b'mod partikolari billi ma tkoprix l-ispejjeż imġarrba mill-familji li wliedhom ġew esklużi mill-Iskejjel Ewropej minħabba d-diżabilità tagħhom.

Kien inkwetanti l-fatt li numru sinifikanti ta' tfal BES aċċettati fl-Iskejjel sussegwentement irtiraw għal raġunijiet mhux magħrufa. Dan jista' jkun dovut għall-inadegwatezzi ta' l-approċċ ta' l-Iskejjel fir-rigward ta' l-integrazzjoni. L-Ombudsman ħeġġeġ il-Kummissjoni biex tassigura involviment akbar tal-ġenituri fuq il-bażi tar-rispett reċiproku, tat-trasparenza u tas-sħubija. Huwa kkunsidra wkoll li l-insistenza ta' l-Iskejjel Ewropej fuq l-integrazzjoni mhijiex suffiċjenti u li jmisshom jadottaw politika ġdida bbażata fuq l-inklużjoni. Barra minn hekk, l-Ombudsman innota li l-pubbliku kien identifika modi kif jiffaċilita l-inklużjoni billi jitqawwa r-rwol tal-koordinaturi BES li huma imħarrġa l-aħjar, jissaħħaħ ir-rwol mogħti lill-ġenituri u/jew jiddaħħlu aħjar prattiki aħjar. L-Ombudsman laqa' d-deċiżjoni ta' l-Iskejjel Ewropej li jiżviluppaw proġett pilota, li seta' jwassal għall-ħolqien ta' ċentru ta' riżorsi ġdid dwar il-BES kif ukoll l-impenn tal-Kummissjoni biex tikkunsidra b'attenzjoni t-tweġibiet mill-Bord ta' Spetturi dwar l-istandards minimi għaċ-ċentru ta' riżorsi BES. Talab ukoll lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib il-proġett pilota u enfasizza li l-integrazzjoni tat-tfal BES għandha tieħu f'kunsiderazzjoni xierqa l-obbligu li tipprovdi edukazzjoni inklussiva u mhux diskriminatorja lil kulħadd, kif stabbilit mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità u ffirmata mill-Kummissjoni f'isem l-Istati Membri tal-UE.

Konformement ma' l-opinjoni espressa mill-Parlament Ewropew, l-Ombudsman ikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tkun involuta b'mod aktar attiv fil-politika BES ta' l-Iskejjel Ewropej u għandha tipprova ssaħħaħ ir-rwol tagħha f'dan ir-rigward. Huwa ttama li, bil-ftuħ ta' dibattitu pubbliku ulterjuri dwar l-integrazzjoni tat-tfal BES fl-Iskejjel Ewropej, għen biex il-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid l-azzjonijiet tagħha bl-iskop li taqdi aħjar iċ-ċittadini Ewropej kollha.

Fi sforz li jinforma numru kemm jista' jkun kbir ta' ċittadini, l-Ombudsman se jippubblika fuq is-sit elettroniku tiegħu l-verżjoni sħiħa ta' din l-investigazzjoni ta' segwitu fil-lingwa Ingliża, kif ukoll sommarju tagħha fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.