- Export to PDF
- Get the short link of this page
- Share this page onTwitterFacebookLinkedin
Rapport tal-Kummissjoni fuq talba għall-informazzjoni min-naħa ta’ l-Ombudsman Ewropew - Inkjesta fuq inizjattiva personali ref. OI/3/2003/JMA dwar il-Kummissjoni Ewropea
Correspondence - Date Tuesday | 18 December 2007
Case OI/3/2003/JMA - Opened on Wednesday | 19 November 2003 - Decision on Wednesday | 04 July 2007
Analiżi tal-progress li sar mill-Iskejjel Ewropej dwar l-integrazzjoni ta' l-istudenti bi Bżonnijiet i Speċjali Edukattivi
Introduzzjoni
Il-Bord ta' Gvernaturi ta' l-Iskejjel Ewropej adotta l-ewwel Progamm edukattiv dwar l-integrazzjoni ta' l-istudenti bi Bżonnijiet Speċjali Edukattivi (BES) fl-1999, u approva verżjoni riveduta tal-Programm fl-2005(1) (aktar 'il quddiem imsemmi 'il-Programm'). L-istudenti b'BES huma definiti bħala tfal li għandhom diffikultajiet fiżiċi, mentali, jew ta' mġieba li jaffetwaw il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fl-edukazzjoni prinċipali.
Il-Programm jenfasizza l-integrazzjoni ta' student b'BES fil-ħajja ta' l-iskola kemm jista' jkun. L-integrazzjoni, b'sostenn xieraq, tippermetti lil studenti b'BES li jiżviluppaw u li jagħmlu progress fil-grupp tas-sena normali li jkunu jappartjenu għaliha, sakemm il-kompetenzi tagħhom jippermettulhom li jagħmlu dan(2).
L-għan prinċipali tal-Programm BES fl-iskejjel Ewropej huwa li jiżgura li l-istudenti b'BES 'ikunu kapaċi jipparteċipaw b'mod attiv fl-edukazzjoni prinċipali u fl-attivitajiet komuni tal-grupp u l-klassi tas-sena, skond l-abbiltajiet tagħhom u b'sostenn xieraq'. Dan jistabbilixxi parteċipazzjoni attiva minima garantita tat-tifel/tifla f'attivitajiet konjittivi kollettivi. |
Għalkemm l-Iskejjel Ewropej jagħmlu ħilithom kollha, huwa importanti li jissemma' li mhux it-tfal kollha b'BES jistgħu jiġu aċċettati fis-Sistema ta' l-Iskejjel Ewropej. Kif stabbilit fil-Programm:
'Skola għandha d-dritt li tiddikjara lilha nnifisha mhux kompetenti u li tirrakkomanda li l-ġenituri jfittxu soluzzjoni alternattiva għall-edukazzjoni tat-tifel/tifla tagħhom, fi stabbiliment aktar adattat u mgħammar aħjar biex jissodisfa l-bżonnijiet speċjali tiegħu/tagħha (tat-tifel/tat-tifla)'.
1. Ir-rwol tal-Kummissjoni
Kif qal l-Ombudsman fid-deċiżjoni tiegħu,(3) il-Kummissjoni m'għandhiex rwol prinċipali fil-proċess ta' deċiżjonijiet fir-rigward tas-Sistema ta' l-Iskejjel Ewropej, peress li l-Iskejjel Ewropej huma rregolati minn ftehim intergovernattiv. Fil-Bord ta' Gvernaturi l-Istati Membri kollha u l-Kummissjoni għandhom vot wieħed kull wieħed. Il-Kummissjoni tipparteċipa f'numru kbir ta' gruppi ta' ħidma u kumitati li jippreparaw il-laqgħat tal-Bord ta' Gvernaturi u hija membru tal-Bord Amministrattiv ta' kull Skola Ewropea.
Dwar il-Programm edukattiv għall-istudenti b'BES, il-kompiti prinċipali tal-Kummissjoni huma li tissorvelja mill-qrib l-evoluzzjoni ta' l-integrazzjoni ġenerali ta' l-istudenti b'BES fl-Iskejjel Ewropej u li tagħmel disponibbli l-baġits meħtieġa. Għalkemm il-Kummissjoni Ewropea mhijiex membru tal-Grupp ta' Politika BES, responsabbli għall-abbozzar tal-Programm BES(4), il-Kummissjoni tiddefendi l-interessi ta' l-istudenti kollha b'BES fil-laqgħat tal-kumitati rispettivi kollha, fis-sessjonijiet tal-Bord ta' Gvernaturi u matul il-laqgħat tal-Bordijiet Amministrattivi ta' l-Iskejjel. Fi ħdan il-Bordijiet Amministrattivi, pereżempju, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li m'hemm l-ebda limitu fuq il-baġit tal-BES ta' Skola Ewropea. Il-Kummissjoni tiżgura li l-baġit(s) kollha meħtieġa għas-sigħat tal-BES meqjusa li huma meħtieġa mill-Iskola kkonċernata jkunu għad-dispożizzjoni tagħha sabiex ikopru l-bżonnijiet ta' l-istudenti b'BES.
Il-Kummissjoni m'għandhiex dritt li tipparteċipa fil-laqgħat tal-grupp konsultattiv(5) u qatt ma tkun involuta fid-deċiżjoni dwar tifel/tifla individwali. Madankollu, il-Kummissjoni tinforma lill-ġenituri bi tfal b'BES dwar il-Programm BES u l-kondizzjonijiet u l-implikazzjonijiet kollha tiegħu. Tirrispondi wkoll għall-mistoqsijiet tal-ġenituri b'mod personali, bit-telefown, bil-posta jew b'ittra u tagħtihom sostenn biex isibu l-aħjar soluzzjoni possibbli għall-edukazzjoni tat-tifel/tifla tagħhom.
Billi hija konxja sew bil-bżonnijiet tal-familji, il-Kummissjoni inkoraġġiet u tkompli tinkoraġġixxi lit-tmexxija ta' l-Iskejjel Ewropej kollha biex jagħmlu ħilithom kollha biex jintegraw l-istudenti b'BES kemm jista' jkun. Matul il-laqgħat tal-Bordijiet Amministrattivi ta' l-Iskejjel, il-Kummissjoni tinsisti li t-totalità ta' l-ispejjeż għall-istudenti b'BES ikunu koperti bil-baġit sakemm l-Iskola titlob formalment lill-Kummissjoni biex tissodisfa n-nuqqasijiet baġitarji.
1.1. Ir-rapport annwali dwar l-integrazzjoni ta' l-istudenti b'BES fl-Iskejjel Ewropej (Rapport ta' analiżi statistika u kwalitattiva dwar l-integrazzjoni ta' l-istudenti b'BES fl-Iskejjel Ewropej kollha għall-2005/2006 (Frar 2007))(6)
B'deċiżjoni fil-laqgħa tiegħu fit-22 u t-23 ta' Mejju 2002 f'Nizza, il-Bord ta' Gvernaturi ta' l-Iskejjel Ewropej ta mandat lill-Grupp ta' Politika BES(7), li tiegħu l-Kummissjoni mhijiex membru, li jipprovdi rapport annwali dwar l-istudenti koperti minn ftehim BES. Minn dakinhar, il-Grupp ta' Politika BES ipproduċa rapport annwali dwar il-progress ta' l-integrazzjoni ta' studenti b'BES fis-Sistema ta' l-Iskejjel Ewropej u ppreżentah lill-Bord ta' Gvernaturi. Il-Kummissjoni nnutat fis-sessjonijiet preċedenti kollha tal-Bord ta' Gvernaturi fejn ir-rapport annwali ġie ppreżentat, li r-rapport primarjament jipprovdi deskrizzjoni numerika tas-sitwazzjoni u barra minn hekk mhux dejjem jipprovdi ċifri preċiżi. Jonqsu analiżi kwalitattiva dettaljata u sħiħa u jifformula biss numru limitat ta' rakkomandazzjonijiet għall-Iskejjel.
Ir-'Rapport Annwali dwar l-Integrazzjoni ta' l-istudenti b'BES fl-Iskejjel Ewropej' għall-2005/2006 ġie ppreżentat fil-laqgħa tal-Bord ta' Gvernaturi f'Liżbona fis-17 u t-18 ta'April 2007. Matul din il-laqgħa l-Kummissjoni insistiet għal darb'oħra fuq il-kwalità insuffiċjenti tar-rapport ta' l-ispetturi BES u talbet analiżi aktar sħiħa taċ-ċifri u l-kawżi ta' rtirar tal-programm BES li għandhom jiġu inkużi fir-rapport tas-sena li ġejja. Il-Kummissjoni ssottolinjat ukoll li lista ta' rakkomandazzjonijiet u linji gwida għall-Iskejjel Ewropej kollha, u mhux biss għall-Iskejjel ta' Brussell, għandha tiġi fformulata sabiex tippermetti lill-Iskejjel li jtejbu l-integrazzjoni ta' studenti b'BES.
2. L-integrazzjoni ta' tfal b'BES
2.1. Il-possibbiltajiet ta' integrazzjoni
Il-possibbiltajiet ta' integrazzjoni ta' tifel/tifla b'BES fi Skola Ewropea huma analizzati minn grupp konsultattiv, li jinkludi l-Viċi Direttur ta' l-Iskola, l-ispettur BES responsabbli, il-ġenituri, l-għalliema u normalment speċjalista mediku estern. Il-grupp konsultattiv jagħti rakkomandazzjoni pożittiva jew negattiva dwar il-possibbiltajiet ta' integrazzjoni għal kull tifel/tifla b'BES individwali. Wara opinjoni pożittiva, id-Direttur ta' l-Iskola u l-ġenituri ta' l-istudent b'BES japprovaw u jistgħu jiffirmaw ftehim annwali li jiġġedded(8). Wara opinjoni negattiva tal-grupp konsultattiv, l-iskola tista' tiddikjara lilha nnifisha mhux kompetenti u l-ġenituri jkollhom ifittxu skola alternattiva għat-tifel/tifla tagħhom. F'dan il-każ l-Iskola tagħti lill-ġenituri parir dwar possibbiltajiet ta' skejjel oħra għat-tifel/tifla tagħhom u tiggwidahom, kemm jista' jkun, biex isibu l-istabbiliment edukattiv l-aktar xieraq għat-tifel/tifla tagħhom.
Għandu jiġi nnutat li s-Sistema ta' l-Iskejjel Ewropej tipprovdi skola akkademika ġenerali biss. L-Iskejjel Ewropej ma jipprovdux edukazzjoni professjonali jew teknika. Għalkemm l-Iskejjel Ewropej jagħmlu ħilithom kollha biex jintegraw kemm jista' jkun studenti b'BES, l-Iskejjel għandhom ċerti restrizzjonijiet li ma jippermettulhomx li jintegraw it-tfal b'BES kollha.
2.2. Il-ftehim annwali
Il-grupp konsultattiv jistudja fid-dettall kull applikazzjoni ġdida għal tifel/tifla b'BES. Il-grupp konsultattiv jeżamina wkoll is-sitwazzjoni ta' kull student b'BES individwali integrat mill-inqas darba fis-sena sabiex iqis mill-ġdid il-possibbiltajiet u/jew il-modalitajiet għall-integrazzjoni u jadatta jekk ikun meħtieġ it-termini tal-ftehim annwali li jiġġedded. F'każ li l-integrazzjoni tiġi rrakkomandata mill-grupp konsultattiv, wara jiddefinixxi l-iskema ta' tagħlim għal kull student b'BES individwali. L-għan prinċipali huwa li jiġi żgurat li l-istudenti b'BES isegwu mill-qrib kemm jista' jkun il-kurrikulu prinċipali, li jiżgura integrazzjoni aħjar ta' l-istudent b'BES. Jekk ikun meħtieġ il-grupp konsultattiv jadatta l-kurrikulu u jipproponi kurrikulu mnaqqas.
'It-tfal ammessi fi Skola Ewropea bħala student b'BES huma koperti minn ftehim annwali li jiġġedded, iffirmat mill-ġenituri ta' l-istudent b'BES u d-Direttur ta' l-Iskola. Fil-ftehim jiġu stabbiliti: il-kondizzjonijiet ta' l-aċċettazzjoni, l-iskema ta' tagħlim individwali (edukattiva u pedagoġika), is-sostenn pedagoġiku u finanzjarju pprovdut mill-iskola u l-kontribuzzjoni li minnha jibbenefika l-istudent li għandha ssir mill-ġenituri, normalment barra mill-iskola.'(9) |
Il-Kummissjoni hija membru attiv tal-Bord Amministrattiv ta' kull Skola Ewropea u tal-Bord ta' Gvernaturi li fihom jiġu diskussi l-bidliet importanti kollha għall-Programm BES. Safejn taf il-Kummissjoni, ma saru l-ebda proposti biex titnaqqas jew tiġi rrifjutata l-parteċipazzjoni tal-ġenituri fil-grupp konsultattiv u ma ġie rċevut l-ebda lment mill-ġenituri ta' student b'BES li jgħid li r-rwol tagħhom fil-grupp konsultattiv kien se jkun imnaqqas jew il-preżenza tagħhom irrifjutata. Il-Kummissjoni tqis li l-kontribuzzjoni tal-ġenituri hija ta' importanza kruċjali għall-grupp konsultattiv kollu u speċjalment għall-benessri tat-tifel/tifla.
L-Ombudsman jgħid fid-deċiżjoni tiegħu li l-ġenituri ta' studenti b'BES jesprimu 'tħassib fuq il-fatt li r-rinnovament annwali tal-konvenzjoni li fuqha jiġu stabbiliti l-programmi individwali għat-tfal b'BES jipproduċi inċertezza fost il-ġenituri dwar kif is-sitwazzjoni tkun se tiżviluppa maż-żmien'.(10) F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tixtieq tinnota li s-sitwazzjoni ta' student b'BES trid tkun issorveljata b'attenzjoni: tista' tittejjeb - xi studenti b'BES jistgħu ma jkollhomx aktar bżonnijiet speċjali edukattivi(11) - jew tista' tiġi agħar fuq perjodu qasir ta' żmien. Il-ftehim annwali li jiġġedded jippermetti lill-ġenituri u lill-iskola li jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa għas-sostenn jew għall-kurrikulu sabiex jassiguraw l-aħjar integrazzjoni possibbli tat-tifel/tifla b'BES. Il-Kummissjoni tqis li dan il-mod kif tipproċedi jgħin lill-ġenituri jsibu l-aħjar soluzzjoni edukattiva għat-tifel/tifla tagħhom u jippermetti lill-iskola li tadatta l-iskola għall-bżonnijiet tat-tifel/tifla matul iż-żmien.
2.3. Il-grupp ta' politika BES u r-rwol ta' l-ispettur BES
Il-Programm jipprevedi żewġ spetturi BES: wieħed għall-istudenti b'BES fin-nursery u l-primarja, u ieħor għall-istudenti b'BES fis-sekondarja. Sabiex ikollu opinjoni armonizzata fil-gruppi konsultattivi differenti, l-ispettur huwa preżenti fil-gruppi konsultattivi kollha u jsegwi l-fajls kollha.
Sabiex is-Sistema tkun aktar objettiva, il-Bord ta' Spetturi ġie mitlub li jħejji dokument li fih l-istandards minimi għall-istudenti kollha jiġu deskritti fid-dettall(12).
2.4. L-istandards minimi
Fl-2005, il-Bord ta' Gvernaturi ħatru grupp ta' ħidma bil-mandat li jelaboraw proposti dwar il-Futur ta' l-Iskejjel Ewropej. Matul il-laqgħa tiegħu tat-30 u l-31 ta' Jannar 2007, il-Bord ta' Gvernaturi ddiskuta l-kwistjoni u ppropona li 'l-Bord ta' l-Ispetturi għandu jindika sett ta' standards minimi relatati mal-forniment edukattiv għall-istudenti kollha u jqis jekk humiex meħtieġa aktar miżuri biex jiġi promoss il-kunċett ta' edukazzjoni inklussiva fl-Iskejjel Ewropej'(13).
Fis-sessjonijiet tal-grupp ta' ħidma u matul il-laqgħa tal-Bord ta' Gvernaturi, il-Kummissjoni sostniet l-idea li jinħoloq sett ta' standards minimi. Dan id-dokument se jagħti lill-partijiet kollha involuti fl-integrazzjoni ta' tifel/tifla b'BES bażi solida u standards oġġettivi li fuqhom jistgħu jkunu bbażati r-reġistrazzjoni jew ir-rifjut ta' l-integrazzjoni ta' kull tifel/tifla b'BES individwali.
3. Il-progress magħmul mill-Iskejjel Ewropej dwar l-integrazzjoni ta' studenti b'BES
3.1. Iċ-ċifri dwar l-integrazzjoni ta' l-istudenti b'BES
3.1.1. In-numru ta' studenti b'BES integrati fl-Iskejjel Ewropej
Skond ir-Rapport Annwali dwar l-integrazzjoni ta' studenti b'BES fl-Iskejjel Ewropej għas-sena ta' skola 2005/2006, ippreparat mill-ispettur BES u ppreżentat lill-Bord ta' Gvernaturi fil-laqgħa tiegħu f'April 2007(14), in-numru ta' studenti b'BES integrati fl-Iskejjel Ewropej qiegħed jiżdied kull sena. Fl-2004/2005 in-numru totali ta' studenti b'BES kien 274 (7 fin-nursery, 165 fil-primarja u 102 fis-sekondarja). Fl-2006/2007 in-numru totali kien 388 (21 fin-nursery, 210 fil-primarja u 157 fis-sekondarja). Meta jitqabblu dawn iċ-ċifri, hija nnutata żieda totali ta' 41% (114 studenti b'BES ġodda rreġistrati). Barra minn hekk, in-numru ta' studenti b'BES jiżdied fi kważi l-Iskejjel Ewropej kollha u fil-gruppi ta' etajiet differenti kollha.
L-istess Rapport Annwali jgħid li d-differenzi eżistenti fin-numru ta' studenti b'BES bejn is-sezzjonijiet lingwistiċi differenti tista' biss tkun aċċidentali.
3.1.2. In-numru ta' studenti li jħallu l-Programm
Skond ir-rapport annwali, 16.3% ta' l-istudenti b'BES (63 minn 387) irtiraw mill-ftehim. Bosta raġunijiet huma mressqa:
(a) 43.28% tal-ġenituri (29 minn 67) iddeċidew li jfittxu skola oħra għat-tifel/tifla/tfal tagħhom. Sfortunatament ir-rapport ma jagħtina l-ebda informazzjoni oħra dwar għaliex il-ġenituri jagħżlu skola oħra;
(b) 20.89% (14 minn 67) ta' l-irtirar kien dovuti għall-fatt li l-ġenituri jkunu se jibdlu l-impjieg u jkollhom imorru f'belt oħra, fejn xi studenti b'BES (ċifri preċiżi mhumiex magħrufa) ġew integrati fl-Iskola Ewropea tal-belt ġdida tagħhom;
(c) 8.95% ta' l-istudenti b'BES (6 minn 67) għamlu livell ta' progress li ppermettielhom li jsegwu l-kurrikulu prinċipali u għalhekk ma kienx għad kellhom bżonn ta' għajnuna speċjali ta' kwalunkwe tip;
(d) Għal 26.88% ta' l-istudenti b'BES (18 minn 67), wara li rċevew parir negattiv mill-grupp konsultattiv, id-Direttur ta' l-Iskola ddeċieda li ma jestendix il-ftehim BES tagħhom. Dan huwa bbażat fuq ir-rekwiżiti biex l-istudenti b'BES ikunu kapaċi li jipparteċipaw f'minimu ta' attivitajiet konjittivi, u d-dritt ta' l-Iskola Ewropea li tiddikjara lilha nnifisha mhux kompetenti li tissodisfa l-bżonnijiet ta' studenti b'BES partikolari.
26.88% ta' l-istudenti b'BES iridu jfittxu skola oħra li hija adattata aktar u li għandha l-persunal ikkwalifikat biex jittratta l-bżonnijiet edukattivi tagħhom. Fir-rigward tas-26.88% ta' l-istudenti b'BES li l-ftehim BES tagħhom ma jkunx ġie estiż, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza l-inizjattiva tagħha li toħloq sensiela ta' standards minimi oġġettivi (ara 2.4).
It-tħassib l-ieħor tal-Kummissjoni huwa għall-43.28% tal-ġenituri li jiddeċiedu li jirtiraw it-tfal tagħhom mis-Sistema ta' l-Iskejjel Ewropej. Il-Kummissjoni talbet analiżi aktar dettaljata tar-raġunijiet għaliex dawn il-ġenituri jirtiraw ir-reġistrazzjoni tat-tfal tagħhom fir-Rapporti Annwali futuri dwar l-Integrazzjoni ta' studenti b'BES. Dan jgħin lill-Kummissjoni tippromwovi u tiddefendi t-titjib u l-aġġustamenti meħtieġa għall-Programm BES fil-bordijiet u l-kumitati rispettivi.
3.2. Il-baġit għall-integrazzjoni ta' tfal b'BES
3.2.1. Il-baġit
Il-Kummissjoni titlob lill-Iskejjel Ewropej biex jipprovdu stima tas-sussidju li jkun se jkollhom bżonn għas-sena skolastika li ġejja. F'każ li jidher li jkun meħtieġ li jiġi allokat baġit żejjed lil Skola Ewropea, li ma kienx previst fil-baġit, il-baġit tal-Komunità dejjem kien kapaċi jkopri dawn it-tip ta' talbiet mill-iskejjel. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni l-politika ta' l-IE li jintegraw studenti b'BES sakemm l-integrazzjoni tagħhom f'IE titqies possibbli mill-grupp konsultattiv BES. Għall-informazzjoni, il-baġit ippjanat għall-istudenti b'BES fil-baġit ta' l-IE 2007 huwa ta' € 2 785 927.
3.2.2. Il-bini u l-aspetti materjali
Kważi l-bini kollu ta' l-Iskejjel Ewropej huwa mibni biex jintegra lill-istudenti b'BES bi bżonnijiet fiżiċi speċjali (p.e. rampa inbniet f'Karlsruhe; fi Frankfurt lift tal-kamra tal-banju ġie installat sabiex jerfa' student b'BES mis-siġġu tar-roti tiegħu/tagħha). Skond ir-rapport annwali, aktar kmamar żgħar għax-xogħol individwali ma' studenti b'BES mhux dejjem huma previsti fl-iskejjel. Il-Kummissjoni tinsisti matul il-Bord Amministrattiv ta' kull Skola li għandu jsir kollox, inkluż bidliet fil-bini ta' l-iskola, biex l-integrazzjoni ta' l-istudenti b'BES tkun kemm jista' jkun bla xkiel.
3.2.3. Ir-rimborż ta' l-ispiża ta' skola eċċezzjonali għal student b'BES
Meta Skola Ewropea tiddikjara lilha nnifisha mhux kompetenti li tintegra student b'BES fis-Sistema ta' l-Iskejjel Ewropej u l-istudent b'BES imur fi skola speċjalizzata, il-ġenituri jistgħu taħt ċerti kondizzjonijiet jitolbu rimborż tal-miżati ta' l-iskola. L-Artikolu 76 tar-Regolament tal-persunal ta' l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Artikoli 30, 71, u 98 tal-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' Ħaddiema Oħra ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej huma applikabbli. Aktar informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet u r-rimborż tista' tinstab fuq "http://www.cc.cec/pers_admin/social_bxl/social/funds_fr.html#4" u fuq il-Linji Gwida Interistituzzjonali li ġew immodifikati l-aħħar fl-ewwel ta' Mejju 2004.
Il-kwistjoni tar-rimborż sħiħ ta' l-ispejjeż edukattivi għal dawk it-tfal kollha tal-persunal ta' l-UE b'BES li huma esklużi mis-Sistema ta' l-Iskejjel Ewropej minħabba l-grad ta' diżabbiltà tagħhom ġiet diskussa fil-249 laqgħa tal-"Collège des Chefs d'administration" fil-12 ta' Settembru 2007. F'din il-laqgħa ġie deċiż li l- "Comité de Préparation pour les Affaires Sociales" għandu jeżamina l-impatt għall-Istituzzjonijiet ta' dan it-tip ta' rimborż sħiħ.
3.3. Il-metodi ta' tagħlim inklussivi
Fil-programm BES dan li ġej jista' jinstab dwar il-kunċett ta' metodi ta' tagħlim inklussivi:
'L-integrazzjoni reali tippresupponi l-użu ta' metodi ta' tagħlim inklussivi fl-attivitajiet kollha, li jaqblu kemm jista' jkun mal-kompetenzi ta' dawn l-istudenti. Proporzjon kbir wisq ta' tagħlim individwali huwa forma oħra ta' esklużjoni, li timmarka l-istudenti kkonċernati bħala differenti u tistigmatizzahom. Għalhekk huwa mixtieq li s-ST (is-Sostenn tat-Tagħlim - Learning Support) jew l-għalliema BES jipprovdu sostenn għal dawn it-tip ta' studenti fil-klassi li fiha jkunu ġew integrati.'
Fil-grupp ta' ħidma dwar il-Futur ta' l-Iskejjel Ewropej, il-Kummissjoni sostniet l-idea li jiġi eżaminat kemm il-metodi ta' tagħlim inklussivi jkunu qiegħdin jiġu wżati fl-Iskejjel Ewropej. Fil-laqgħa tiegħu ta' Jannar 2007, il-Bord ta' Gvernaturi ppropona li 'l-Bord ta' l-Ispetturi jqis jekk humiex meħtieġa aktar miżuri biex jiġi promoss il-kunċett ta' metodi ta' tagħlim inklussivi fl-Iskejjel Ewropej'.(15) Ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni għadhom mhux disponibbli.
3.4. Il-koordinazzjoni tal-każijiet BES
3.4.1. It-tnedija ta' proġett pilota Ċentru ta' Riżorsi BES
Fil-grupp ta' ħidma dwar il-Futur ta' l-Iskejjel Ewropej, il-Kummissjoni sostniet l-idea li jiġi mniedi proġett pilota għal Ċentru ta' Riżorsi BES. Dan ikun ċentru li jipprovdi lill-Iskejjel Ewropej kollha b'kompetenza u pariri dwar l-iffaċilitar sal-grad massimu possibbli l-integrazzjoni ta' studenti BES. Il-Bord ta' Gvernaturi, fil-laqgħa tiegħu ta' Jannar 2007, ippropona din l-idea lill-Bord ta' l-Ispetturi u qiegħed jistenna l-opinjoni tiegħu fuq is-suġġett.(16)
3.4.2. Il-koordinatur BES
Kull Skola għandha ċertu ammont ta' ħin ta' koordinazzjoni BES. Il-ħin ta' koordinazzjoni BES huwa użat għall-kompiti li ġejjin: kumpilazzjoni tal-fajls tal-każijiet, it-teħid tan-noti matul il-laqgħat tal-grupp konsultattiv, it-tħejjija tal-ftehim, l-immonitorjar tal-każijiet differenti, il-kollegament ma' l-ispettur BES, eċċ.
Huwa f'idejn it-tmexxija ta' l-Iskola li tiddeċiedi jekk jaħtrux koordinatur BES wieħed jew jekk jaqsmux il-ħin ta' koordinazzjoni BES fost kollegi differenti. Il-Kummissjoni m'għandhiex leħen fuq kif it-tmexxija ta' l-Iskola għandha tipproċedi. Fl-Iskola ta' Brussell I-Uccle, per eżempju, żewġ persuni għandhom il-ħin ta' koordinazzjoni BES fil-pakkett ta' kompiti tagħhom: persuna waħda hija inkarigata mill-koordinazzjoni tal-fajls BES fin-nurseryu fl-iskola primarja, u oħra hija inkarigata mill-fajls BES fl-iskola sekondarja.
4. Konklużjoni
Il-Kummissjoni tinnota li, matul is-snin li l-Programm BES ġie implimentat, in-numru ta' studenti b'BES integrati fl-Iskejjel Ewropej ra żieda sinifikanti. Jidher ukoll li l-Kummissjoni għamlet il-baġits meħtieġa disponibbli sabiex tagħti lill-Iskejjel Ewropej il-possibbiltà li jintegraw studenti b'BES kemm jista' jkun. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib ir-raġuni(jiet) għall-irtirar mill-programm BES u se tkompli tinsisti li l-Grupp ta' Politika BES responsabbli għar-rapport annwali għandu jipprovdi risposti għall-mistoqsijiet tagħha dwar din il-kwistjoni.
Il-Kummissjoni tkompli tipparteċipa b'mod attiv fid-dibattitu għat-titjib tal-politika BES u tistenna b'interess kbir ir-reazzjoni tal-Bord ta' l-Ispetturi dwar is-sett ta' standards minimi u l-parir ta' l-istess Bord ta' l-Ispetturi dwar il-proġett pilota għal Ċentru ta' Riżorsi BES. Hija tistenna wkoll ir-reazzjoni tal-Bord ta' l-Ispetturi dwar il-kwistjoni jekk aktar valutazzjoni dwar il-metodi ta' tagħlim inklussivi tidhirx li hija meħtieġa.
Il-Kummissjoni se tkompli tiddefendi l-interessi ta' tfal b'BES fil-Bord ta' Gvernaturi u fil-Bordijiet Amministrattivi ta' l-Iskejjel. Dwar il-Programm BES, l-ewwel għan tal-Kummissjoni dejjem kien u dejjem se jkun il-benessri u l-progress ta' tfal b'BES.
(1) L-integrazzjoni ta' l-istudenti b'BES fl-Iskejjel Ewropej, referenza: 2003-D-4710-en-6. Dan id-dokument jirrevoka d-dokument ta' l-1999 (referenza: 811-D-1999).
(2) Ara punt 2 ta' din l-analiżi fir-rigward ta' l-integrazzjoni ta' l-istudenti b'BES.
(3) Id-Deċiżjoni dwar l-inkjesta fuq inizjattiva personali ref. OI/3/2003/JMA dwar il-Kummissjoni Ewropea (datata 4 ta' Lulju 2007).
(4) Ara punt 2.3 ta' din l-analiżi dwar il-grupp ta' politika BES u r-rwol ta' l-ispetturi BES.
(5) Ara punt 2.1 ta' din l-analiżi dwar il-modalitajiet ta' l-integrazzjoni ta' tfal b'BES.
(6) Referenza: 2007-D-431-en-2.
(7) Ara punt 2.3 ta' din l-analiżi dwar il-grupp ta' politika BES u r-rwol ta' l-ispetturi BES.
(8) Ara punt 2.2 ta' din l-analiżi dwar il-ftehim annwali.
(9) Ara punt 4.1, l-ewwel inċiż, ta' l-Integrazzjoni ta' l-istudenti b'BES fl-Iskejjel Ewropej (referenza: 2003-D-4710-en-6).
(10) Ara punt 5.5, it-tieni inċiż, tad-Deċiżjoni fuq l-inkjesta fuq inizjattiva personali OI/3/2003/JMA dwar il-Kummissjoni Ewropea.
(11) Ara punt 3.1.2 (c) ta' din l-analiżi.
(12) Ara punt 2.4 ta' din l-analiżi dwar l-istandards minimi.
(13) Ara punt X (iii) tad-Deċiżjonijiet tal-Bord ta' Gvernaturi tat-30 u l-31 ta' Jannar 2007 (Referenza: 2007-D-282-en-1.)
(14) Ara punt 1.1 ta' din l-analiżi.
(15) Ara punt X (iii) tad-Deċiżjonijiet tal-Bord ta' Gvernaturi tat-30 u l-31 ta' Jannar 2007 (Referenza: 2007-D-282-en-1.).
(16) Ara punt X, it-tieni paragrafu, tad-Deċiżjonijiet tal-Bord ta' Gvernaturi tat-30 u l-31 ta' Jannar 2007.
- Export to PDF
- Get the short link of this page
- Share this page onTwitterFacebookLinkedin