- Export to PDF
- Get the short link of this page
- Share this page onTwitterFacebookLinkedin
Ir-Rapport Annwali tal-2021
Annual Report - Date Wednesday | 18 May 2022
Introduzzjoni
L-2021 kompliet tiġi ddominata mill-pandemija. Fl-UE, konna fortunati ħafna li esperjenzajna l-introduzzjoni maġġuri tal-vaċċini kontra l-COVID-19, iżda d-dibattitu pubbliku dwar it-teħid tal-vaċċin u kif għandu jitrażżan il-virus xeħet dawl qawwi fuq il-kwistjoni tal-fiduċja fl-amministrazzjonijiet pubbliċi.
L-Uffiċċju tiegħi kompla jimplimenta l-“Istrateġija Lejn l-2024” tagħna permezz ta’ ġestjoni effiċjenti tal-ilmenti u t-tnedija ta’ inkjesti strateġiċi f’oqsma ta’ importanza pubblika ġenerali, inkluż dwar l-impatt tal-pandemija fuq il-ħidma tal-istituzzjonijiet.
Din is-sena, qed niffoka mill-ġdid fuq kif l-istituzzjonijiet tal-UE jiġġestixxu l-moviment tal-persunal mill-amministrazzjoni pubblika tal-UE għas-settur privat, l-hekk imsejjaħ fenomenu “revolving doors”. Mingħajr sorveljanza adegwata tar-riskji involuti, l-effetti jistgħu jkunu ta’ dannu u jagħmlu ħsara lill-fiduċja tal-pubbliku. Dan m’għandux jiġi sottovalutat.
Ftaħt inkjesta wiesgħa dwar kif il-Kummissjoni tiġġestixxi r-“revolving doors”, u tlabt dettalji tad-deċiżjonijiet li kienet ħadet relatati mal-persunal li jimxi lejn is-settur privat. L-inkjesta kopriet dipartimenti ekonomikament importanti kif ukoll il-kabinetti tal-kummissarji u s-Servizz Legali. L-għan huwa li jiġi vvalutat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fejn dan jista’ jittejjeb.
B’mod separat, iżda marbuta mal-kwistjoni usa’, sibt amministrazzjoni ħażina fil-mod kif l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża indirizzat iċ-ċaqliq mill-eks kap eżekuttiv tagħha għal Airbus u ftaħt inkjesta dwar kif il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) indirizza applikazzjoni minn wieħed mill-viċi presidenti tiegħu biex imur jaħdem ma’ Iberdrola, kumpanija tal-enerġija.
Għamilt suġġerimenti lill-Frontex dwar kif tista’ ttejjeb ir-responsabbiltà tal-ħidma tagħha u ktibt lill-BEI bi proposti biex jippubblika aktar informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet ambjentali tal-proġetti li jiffinanzja.
Bħala parti mill-monitoraġġ ġenerali tagħna ta’ kif l-istituzzjonijiet jindirizzaw kwistjonijiet importanti, ktibt lill-Kummissjoni u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex nistaqsi kif ir-regoli dwar l-intelliġenza artifiċjali se jaħdmu fil-prattika – kwistjoni ta’ tħassib għan-Network Ewropew tal-Ombudsmen li miegħu l-Uffiċċju organizza seminars regolari matul is-sena. Tlabt ukoll dettalji dwar kif il-Kummissjoni tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali li tinnegozja.
F’din is-sena li fiha qed nikkommemoraw l-20 anniversarju tal-“Liġi dwar it-Trasparenza” tal-UE (ir-Regolament 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti), ospitajt konferenza pubblika dwar jekk il-liġi teħtieġx li tiġi modernizzata. Kwistjonijiet rikorrenti, bħal dewmien fil-mod kif l-istituzzjonijiet jindirizzaw talbiet għal aċċess jew persuni li ma jkunux sodisfatti bir-raġunament mogħti għar-rifjut ta’ aċċess, flimkien mal-bidliet teknoloġiċi sinifikanti f’dawn l-aħħar għoxrin sena, ifissru li wasal iż-żmien li jiġi kkunsidrat jekk ir-regoli humiex qed jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-pubbliku f’dan il-qasam.
Kien pjaċir tiegħi li norganizza t-tielet edizzjoni tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba, fejn il-premju ġenerali ġie mogħti b’mod konġunt lill-persunal fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni Ċivili u l-Għajnuna Umanitarja u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għall-isforzi tagħhom biex jirripatrijaw persuni maqbuda barra mill-pajjiż minħabba l-pandemija. Għal darb’oħra, il-premju kien tfakkira tal-ħidma eċċellenti li qed titwettaq mill-amministrazzjoni tal-UE. Nittama li dan se jispira lil oħrajn biex jissottomettu proġetti fil-futur.
Dan ir-rapport annwali jġorr il-logo l-ġdid tal-Ombudsman Ewropew, imfassal b’mod ulterjuri biex jinkorpora immaġni pubblika kontemporanja u biex isaħħaħ il-fehim tar-rwol tagħna fl-amministrazzjoni tal-UE. Il-preżenza tal-bandiera tal-UE tagħmilha ċara li aħna parti mill-ġabra tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, filwaqt li t-tliet elementi tal-logo jirrappreżentaw l-għanijiet ewlenin tal-missjoni tagħna: ir-responsabbiltà, it-trasparenza u l-fiduċja.
Fl-aħħar nett, nirringrazzja lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni assoluta tiegħu ta’ Statut ġdid li jżomm is-setgħat tal-Uffiċċju, isaħħaħ il-bażi ġuridika tal-Ombudsman u jintroduċi salvagwardji li jiggarantixxu aktar l-indipendenza tal-Uffiċċju.
Jien nqis l-Istatut il-ġdid bħala validazzjoni tal-ħidma tal-Uffiċċju tagħna biex l-istituzzjonijiet tal-UE jinżammu fuq quddiem nett tal-amministrazzjoni pubblika eċċellenti.
Emily O’Reilly
1. Daqqa t’għajn lejn l-2021
06 ta’ Ġunju
11 ta’ Novembru
2. Suġġetti ewlenin
L-Ombudsman jgħin lin-nies, lin-negozji u lill-organizzazzjonijiet meta jkollhom xi kwistjoni mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE. Il-problemi jistgħu jvarjaw minn nuqqas ta’ trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet, għaċ-ċaħda ta’ aċċess għad-dokumenti, għal ksur tad-drittijiet fundamentali, u għal kwistjonijiet kuntrattwali. Id-diversi taqsimiet jagħtu ħarsa ġenerali lejn il-każijiet ewlenin relatati ma’ qasam partikolari.
2.1. “Revolving doors”
L-indirizzar ta’ #revolving doors huwa sfida ewlenija: spezzjonajna 100 fajl tal-persunal u issa staqsejna mistoqsija speċifika lill-@EU_Commission dwar kif tiġġestixxi każijiet ta’ persunal li jibda jaħdem xi mkien ieħor.
ombudsman.europa.eu/news-document/...
L-indirizzar ta’ “revolving doors” huwa sfida ewlenija: spezzjonajna 100 fajl tal-persunal u issa staqsejna mistoqsijiet speċifiċi lill-Kummissjoni Ewropea dwar kif tiġġestixxi każijiet ta’ persunal li jibda jaħdem xi mkien ieħor.
Emily O’Reilly: “Sentejn ilu ħeġġiġna lill-Kummissjoni biex tieħu approċċ aktar robust dwar ir-“revolving doors”, iżda d-dipartiment li huwa strateġikament importanti għall-politika tal-Kompetizzjoni, pereżempju, ikompli jpoġġi lill-avukati ewlenin fis-settur privat b’interessi kummerċjali maġġuri fir-regolamentazzjoni tal-kompetizzjoni. Dan il-pass li jmiss se jagħti ħarsa aktar profonda lejn il-prattiki tal-Kummissjoni, kemm b’mod ġenerali kif ukoll fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi.”
Fl-2021 l-Uffiċċju tal-Ombudsman kompla jiffoka fuq kif l-amministrazzjoni tal-UE tindirizza l-hekk imsejħa “revolving doors” — fejn l-uffiċjali tal-UE jieħdu pożizzjonijiet fis-settur privat jew impjegati mis-settur privat jingħaqdu mas-servizz pubbliku. L-għan ġenerali tal-Ombudsman huwa li jinħoloq bilanċ bejn id-dritt li wieħed jaħdem u bejn l-interess pubbliku li jkun hemm amministrazzjoni tal-UE li topera bl-ogħla standards ta’ integrità u responsabbiltà.
Bħala parti minn dan il-fokus, l-Ombudsman fetħet inkjesta strateġika wiesgħa dwar kif il-Kummissjoni tindirizza sitwazzjonijiet ta’ “revolving doors”. It-tim ta’ inkjesta tal-Ombudsman spezzjona fajls relatati ma’ deċiżjonijiet mill-Kummissjoni — fl-2019, fl-2020 u fl-2021 — dwar talbiet minn maniġers ta’ livell għoli — u ta’ livell medju, għall-approvazzjoni ta’ impjieg ġdid jew ta’ liv bla ħlas sabiex iwettqu attività oħra. Il-fajls koprew total ta’ 14-il direttorat ġenerali minbarra l-kabinetti kollha tal-kummissarji, is-Servizz Legali tal-Kummissjoni, is-Segretarjat Ġenerali, il-grupp ta’ riflessjoni intern tal-Kummissjoni u l-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju.
Wara li analizzat id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, l-Ombudsman talabitha għal aktar kjarifiki, inkluż kemm-il darba pprojbixxiet membru tal-persunal, previst skont l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal, milli jieħu kariga maħsuba u kif tirribatti r-riskju li l-eks membri tal-persunal jistgħu jkunu qed jagħtu pariri lill-kollegi l-ġodda tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mar-rwoli preċedenti tagħhom. L-inkjesta kompliet fl-2022.
L-Ombudsman fetħet ukoll inkjesti bbażati fuq ilmenti relatati ma’ “revolving doors”. Wieħed kien jikkonċerna trasferiment tal-Viċi President Spanjol tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għal kumpanija tal-utilitajiet Spanjola li kienet irċeviet self mill-bank. L-ilmentaturi — żewġ Membri tal-Parlament Ewropew — qajmu tħassib dwar ir-riskji ta’ kunflitti ta’ interess, u l-miżuri proposti mill-BEI biex itaffi dawn ir-riskji. L-Ombudsman spezzjonat dokumenti li jikkonċernaw id-deċiżjoni tal-BEI li japprova t-trasferiment, u talbet lill-BEI biex iwieġeb għal għadd ta’ mistoqsijiet.
Inkjesta oħra dwar “revolving doors” kienet tikkonċerna l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), li approvat talba mill-eks kap eżekuttiv tagħha biex isir konsulent strateġiku f’Airbus, wieħed mill-akbar atturi fl-industrija tad-difiża Ewropea. L-inkjesta fuq inizjattiva proprja kkonkludiet li l-EDA kellha tipprojbixxi t-trasferiment minħabba raġunijiet ta’ kunflitt ta’ interess. L-Ombudsman irrakkomandat li fil-futur l-EDA għandha tipprojbixxi lill-persunal tagħha f’karigi għoljin milli jieħu karigi fejn ikun hemm kunflitt ta’ interess ċar. Jeħtieġ li tistabbilixxi wkoll kriterji għall-projbizzjoni ta’ tali trasferimenti, u kwalunkwe applikant għal karigi għolja jeħtieġ li jiġi infurmat dwar il-kriterji. L-EDA essenzjalment qablet li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li potenzjalment jipprojbixxu l-persunal milli jieħu ċerti pożizzjonijiet u li tipprovdi linji gwida lill-persunal dwar kif kieku tapplika tali miżura.
Aħna sibna li l-@EUDefenceAgency kellha tipprojbixxi lill-eks Kap Eżekuttiv tagħha milli jsir konsulent strateġiku ma’ @AirbusDefence. L-EDA għandha, fil-futur, timblokka dawn il-movimenti jekk ikun hemm kunflitt ta’ interess ċar.
ombudsman.europa.eu/news-document/...
Aħna sibna li l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) kellha tipprojbixxi lill-eks Kap Eżekuttiv tagħha milli jsir konsulent strateġiku ma’ Airbus Defence. L-EDA għandha, fil-futur, timblokka dawn il-movimenti jekk ikun hemm kunflitt ta’ interess ċar.
2.2. Aċċess għal dokumenti
Iċ-ċittadini tal-UE għandhom drittijiet wiesgħa biex jaċċessaw dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE. L-Ombudsman iservi bħala mekkaniżmu ta’ rimedju għal dawk li jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu aċċess għal dawn id-dokumenti.
Fl-2021, ilmentatur li kien qed ifittex aċċess għal messaġġi testwali mibgħuta mill-President tal-Kummissjoni Ewropea lis-CEO ta’ kumpanija farmaċewtika ewlenija enfasizza jekk l-amministrazzjoni tal-UE tirreġistrax test relatat max-xogħol u messaġġi istantanji. L-Ombudsman staqsiet lill-Kummissjoni għall-politika tagħha dwar din il-kwistjoni u kif fittxet il-messaġġi testwali msemmija mill-ilmentatur.
Staqsejna lil diversi istituzzjonijiet u aġenziji tal-UE x’miżuri għandhom fis-seħħ biex iżommu rekords ta’ test relatat max-xogħol u messaġġi istantanji, bil-ħsieb li titfassal lista ta’ prattiki tajba.
ombudsman.europa.eu/mt/news-document/...
Staqsejna lil diversi istituzzjonijiet u aġenziji tal-UE x’miżuri għandhom fis-seħħ biex iżommu rekords ta’ test relatat max-xogħol u messaġġi istantanji, bil-ħsieb li titfassal lista ta’ prattiki tajba.
F’azzjoni separata, l-Ombudsman staqsiet tmien istituzzjonijiet u aġenziji tal-UE (il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, il-Frontex u l-Bank Ċentrali Ewropew) x’miżuri għandhom fis-seħħ biex jiddokumentaw test relatat max-xogħol u messaġġi istantanji.
L-Ombudsman irċieva lmenti fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti relatati ma’ istituzzjonijiet u korpi differenti tal-U.
Aktar trasparenza tinforma d-dibattitu pubbliku dwar in-negozjati dwar il-vaċċini kontra l-#COVID19.
Inħeġġu lill-@EU_Commission biex issa tippubblika, tal-anqas, il-lista tas-seba’ Stati Membri fit-tim tan-negozjati.
Aktar trasparenza tinforma d-dibattitu pubbliku rigward in-negozjati dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19.
Inħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea biex issa tippubblika, tal-anqas, il-lista tas-seba’ Stati Membri fit-tim tan-negozjati.
Matul inkjesta dwar l-aċċess għad-dettalji ta’ kuntratt li l-Kummissjoni kienet iffirmat ma’ kumpanija farmaċewtika għax-xiri ta’ vaċċini kontra l-COVID-19, il-Kummissjoni ppubblikat verżjonijiet redatti tal-kuntratt u kuntratti simili ma’ kumpaniji farmaċewtiċi oħra. Fil-kuntest ta’ inkjesta tal-Ombudsman, l-Aġenzija Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) qablet li l-minuti futuri tal-Bord tas-Superviżuri tagħha se jkun fihom informazzjoni dwar il-voti tal-membri rigward deċiżjonijiet dwar standards regolatorji.
Aġenzija oħra tal-UE b’setgħa regolatorja importanti, l-Awtorità Bankarja Ewropea, qablet li tirrilaxxa dettalji tal-voti tal-Bord tas-Superviżuri tagħha fir-rigward ta’ investigazzjoni dwar ksur tal-liġi tal-UE mill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tas-superviżjoni ta’ żewġ banek speċifiċi.
Sar progress tajjeb f’inkjesta dwar kif il-Frontex tipproċessa talbiet għal aċċess pubbliku permezz tal-portal online tagħha. L-ilmentaturi qajmu kwistjonijiet fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Frontex dwar id-drittijiet tal-awtur, il-perjodi taż-żamma għad-dokumenti kif ukoll kif il-portal tal-Frontex jinteraġixxi ma’ portali online oħra. L-inkjesta kompliet fl-2022.
Sfortunatament, l-amministrazzjoni tal-UE mhux dejjem segwiet il-proposti tal-Ombudsman fl-aċċess għal inkjesti dwar dokumenti. L-Ombudsman sabet amministrazzjoni ħażina wara li l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess għal informazzjoni dwar l-importazzjonijiet taż-żejt tat-tisjir użat. Il-Kummissjoni qalet li, filwaqt li tiġbor id-data mitluba, hija ma tipproduċix dokumenti li jestrattaw l-informazzjoni mitluba mill-ilmentatur u għalhekk irrifjutat li ssegwi proposta ta’ soluzzjoni magħmula mill-Ombudsman. L-Ombudsman sabet ukoll amministrazzjoni ħażina wara li l-Kummissjoni rrifjutat li tirrilaxxa dokumenti relatati max-xiri ta’ 1.5 miljun maskra medika li ma ssodisfawx l-istandards ta’ kwalità meħtieġa. L-Ombudsman innotat l-interess pubbliku qawwi fir-rilaxx ta’ tali informazzjoni.
Fl-2018, l-Ombudsman nediet Proċedura Rapida biex tindirizza malajr l-aċċess pubbliku għall-ilmenti ta’ dokumenti. Din il-proċedura ġiet rieżaminata fl-2021, u wriet riżultati eċċellenti, inklużi:
- Tnaqqis sinifikanti fiż-żminijiet tal-ipproċessar.
- Żieda fl-għadd ta’ lmenti dwar l-aċċess għad-dokumenti.
- Is-sodisfazzjon ġenerali tal-partijiet ikkonċernati bil-Proċedura Rapida.
2.3. Kwistjonijiet etiċi
Għadd ta’ inkjesti tal-Ombudsman huma dwar l-iżgurar li l-istituzzjonijiet tal-UE jimplimentaw ir-regoli eżistenti biex jiżguraw standard għoli ta’ etika fl-amministrazzjoni kollha tal-UE.
Wara lment minn Membru tal-Parlament Ewropew, l-Ombudsman eżaminat l-kompożizzjoni tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU - Capital Markets Union) tal-UE proposta. Il-Kummissjoni qieset ir-rakkomandazzjonijiet tal-Forum, li ġabar flimkien eżekuttivi għolja tal-industrija, esperti internazzjonali u akkademiċi, għall-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar is-CMU. Matul l-evalwazzjoni tagħha tal-applikanti li kellhom jinħatru sabiex jaġixxu b’mod indipendenti, il-Kummissjoni sabet li ħamsa kellhom interessi li kienu jikkompromettu, jew li setgħu jiġu pperċepiti bħala li jikkompromettu, il-kapaċità tagħhom li jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Madankollu, hija mbagħad ma segwietx ir-regoli tagħha stess dwar il-ġestjoni ta’ dawn il-kunflitti ta’ interess. L-Ombudsman sabet amministrazzjoni ħażina u pproponiet li kwalunkwe rapport minn grupp ta’ esperti għandu jispeċifika wkoll it-tipi ta’ membri tal-grupp ta’ esperti.
Żewġ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ressqu lmenti dwar il-parteċipazzjoni tal-President tal-Kummissjoni u Viċi President tal-Kummissjoni f’filmat li jappoġġja l-kampanja elettorali ta’ partit politiku Kroat. L-ilmentaturi staqsew jekk dan kienx konformi mal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Kummissjoni għall-membri tagħha. Bi tweġiba għall-ittra tal-Ombudsman li titlob li l-kwistjoni tiġi ċċarata, il-Kummissjoni qalet li kellha l-ħsieb li tfassal linji gwida dwar kif il-kummissarji jistgħu jipparteċipaw fil-kampanji elettorali nazzjonali.
Wara inkjesta tal-Ombudsman relatata mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar marbuta ma’ vjaġġ uffiċjali fiċ-Ċina, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-2021 qabel li jtejjeb it-trasparenza fir-rigward tal-ispejjeż u l-indennizzi tal-membri tiegħu billi jippubblika b’mod proattiv tali informazzjoni fuq is-sit web tiegħu. L-informazzjoni addizzjonali tinkludi dettalji dwar ir-regoli dwar ir-rimborż u l-indennizzi, kif ukoll informazzjoni dwar avvenimenti speċifiċi li jseħħu barra mill-pajjiż u l-ispejjeż relatati tagħhom.
Aħna nilqgħu l-fatt li l-@Europarl_EN - b’kont meħud tal-inkjesta tagħna fl-għoti ta’ studju dwar #sustainablefinance lil #BlackRock - talab lill-@EU_Commission biex taġġorna l-liġi finanzjarja tal-UE biex jiġu indirizzati kunflitti ta’ interess possibbli għal kuntratti relatati mal-politika.
europarl.europa.eu/doceo/document/...
Aħna nilqgħu l-fatt li l-Parlament Ewropew - b’kont meħud tal-inkjesta tagħna fl-għoti ta’ studju dwar il-finanzi sostenibbli lil BlackRock - talab lill-Kummissjoni Ewropea biex taġġorna l-liġi finanzjarja tal-UE biex jiġu indirizzati kunflitti ta’ interess possibbli għal kuntratti relatati mal-politika.
F’April, il-Kummissjoni rreaġixxiet b’mod kostruttiv għas-suġġerimenti tal-Ombudsman wara inkjesta fid-deċiżjoni tagħha li tagħti lil BlackRock Investment Management kuntratt biex twettaq studju f’qasam ta’ interess finanzjarju u regolatorju għall-kumpanija. Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni qalet li qed tikkunsidra li toħroġ gwida addizzjonali dwar il-kunflitti ta’ interess biex tassisti lill-persunal tagħha li jindirizza l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-Kummissjoni qalet ukoll li qed tirrifletti dwar jekk tipproponix emendi għar-Regolament Finanzjarju — id-dritt tal-UE li jirregola kif jitwettqu l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ffinanzjati mill-baġit tal-UE — biex tinkludi l-obbligu għall-offerenti li jiżvelaw kunflitti ta’ interess potenzjali. Is-sejbiet tal-Ombudsman kienu appoġġjati mill-Parlament, li talab lill-Kummissjoni taġġorna r-Regolament Finanzjarju biex jiġu indirizzati l-kunflitti ta’ interess possibbli għal kuntratti relatati mal-politika.
2.4. Id-drittijiet fundamentali
F’Marzu, l-Ombudsman fetħet inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar kif l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) tikkonforma mal-obbligi tagħha tad-drittijiet fundamentali u tiżgura l-obbligu ta’ rendikont fir-rigward tar-responsabbiltajiet imsaħħa tagħha. Dawn ir-responsabbiltajiet akbar bdew f’Diċembru 2019, bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid tal-Frontex 2019/1896. L-inkjesta għandha l-għan li tiċċara kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-“operazzjonijiet konġunti” tal-Frontex, l-attivitajiet relatati mar- “ripatrijazzjoni” tal-immigranti u l-appoġġ għall-immigrazzjoni fl-iskrinjar fil-fruntieri esterni tal-UE.
#Frontex tilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-@EUOmbudsman u se tkompli ttejjeb il-viżibbiltà u l-aċċess għall-mekkaniżmu tal-ilmenti
frontex.europa.eu/accountability...
Tlabna lil @Frontex biex ittejjeb ir-responsabbiltà ġenerali tagħha billi:
- tiżgura li n-nies ikunu
jafu li hemm mekkaniżmu għall-ilmenti li jistgħu jużaw
- ittejjeb il-mod kif jiġu indirizzati
l-ilmenti
- tagħmel pubblika aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha
Aqra s-suġġerimenti
kollha tagħna: http://europa.eu/!xx44QcR
Il-Frontex tilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew u se tkompli ttejjeb il-viżibbiltà u l-aċċess għall-mekkaniżmu tal-ilmenti.
L-Ombudsman Ewropew:
Tlabna lill-Frontex biex ittejjeb ir-responsabbiltà ġenerali tagħha billi:
- tiżgura li n-nies ikunu jafu li hemm mekkaniżmu għall-ilmenti li jistgħu jużaw,
- ittejjeb il-mod kif jiġu indirizzati l-ilmenti,
- tagħmel pubblika aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha.
L-inkjesta ssegwi inkjesta separata tal-Ombudsman dwar il-“mekkaniżmu tal-ilmenti” tal-Frontex, li fiha l-Ombudsman ġibdet l-attenzjoni għad-dewmien mill-Frontex fl-implimentazzjoni tal-obbligi l-ġodda tagħha li jikkonċernaw kemm il-mekkaniżmu kif ukoll l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali. It-tim ta’ inkjesta tal-Ombudsman identifika wkoll nuqqasijiet fil-mekkaniżmu tal-ilmenti li jistgħu jagħmluha aktar diffiċli għall-individwi biex jirrapportaw allegat ksur tad-drittijiet fundamentali u jfittxu rimedju. L-Ombudsman għamlet diversi proposti prattiċi biex tissaħħaħ l-indipendenza tal-mekkaniżmu tal-ilmenti u tħeġġeġ lin-nies jużawh. Dawn kienu jinkludu li l-informazzjoni pubblika dwar il-mekkaniżmu għandha tispeċifika li t-tressiq ta’ lmenti dwar allegati abbużi tad-drittijiet fundamentali ma jippreġudikax id-deċiżjonijiet dwar l-ażil.
Inkjesta ewlenija oħra marbuta mad-drittijiet fundamentali tiffoka fuq kif il-Kummissjoni tfittex li tiżgura li l-awtoritajiet Kroati jirrispettaw id-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri. L-ilmentatur, Amnesty International, qajjem dubji dwar jekk il-Kroazja kinitx waqqfet “mekkaniżmu ta’ monitoraġġ” biex tiżgura li l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri jkunu konformi bis-sħiħ mad-drittijiet fundamentali u mad-dritt tal-UE. Matul is-sajf, il-Kroazja ħabbret li kienet waqqfet mekkaniżmu bħal dan. Is-sejbiet ġenerali tal-Ombudsman se jiġu ppubblikati fil-bidu tal-2022.
L-Ombudsman fetħet inkjesta fuq inizjattiva proprja biex teżamina kif il-Kummissjoni Ewropea timmonitorja li l-fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jintużaw biex jippromwovu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni akbar fl-età għal għajxien indipendenti. L-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni twieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet u mbagħad wettqet konsultazzjoni mmirata mal-partijiet ikkonċernati.
L-Ombudsman spiss tuża inizjattivi ta’ ġbir ta’ informazzjoni biex tiffoka l-attenzjoni fuq kwistjoni mingħajr ma tiftaħ inkjesta formali. F’waħda minn dawn l-inizjattivi, l-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni biex tipprovdi dettalji dwar kif tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali li l-UE tiffirma. L-inizjattiva għandha l-għan li teżamina l-użu ta’ “klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem” f’dawn il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali, kif ukoll li tħares lejn kif id-drittijiet tal-bniedem jiġu indirizzati ladarba l-ftehimiet kummerċjali jkunu daħlu fis-seħħ. It-talba għal informazzjoni ssegwi diversi inkjesti tal-Ombudsman f’dan il-qasam, inkluż l-aktar reċenti inkjesta mill-2020 dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tiffinalizza valutazzjoni tal-impatt fuq is-sostenibbiltà aġġornata qabel ma tikkonkludi l-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur. Id-deċiżjoni tal-Ombudsman, ippubblikata f’Marzu, sabet li l-Kummissjoni kien imissha kkonkludiet valutazzjoni aġġornata qabel ma ntlaħaq qbil dwar il-ftehim kummerċjali. L-Ombudsman talbet li, f’negozjati kummerċjali futuri, tali valutazzjonijiet jitlestew qabel il-ftehim finali.
Wara li f’April il-Kummissjoni ħabbret li biħsiebha tipproponi regoli dwar l-intelliġenza artifiċjali (IA), l-Ombudsman kitbet kemm lilha kif ukoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) biex tfittex aktar informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet potenzjali tar-regoli l-ġodda proposti. It-tim ta’ inkjesta tal-Ombudsman imbagħad iltaqa’ ma’ rappreżentanti mill-Kummissjoni biex jiddiskuti kwistjonijiet relatati ma’ kif ir-regoli dwar l-IA jistgħu joperaw. Il-kwistjonijiet imqajma kienu jinkludu għal xiex l-amministrazzjoni tal-Kummissjoni attwalment tuża l-IA, u kif tiżgura li r-regoli futuri se jqisu l-interess pubbliku.
2.5. Ir-responsabbiltà fit-teħid tad-deċiżjonijiet
B’segwitu għall-ħidma preċedenti dwar ir-responsabbiltà fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, f’Novembru l-Ombudsman fetħet inkjesta dwar kif il-Kummissjoni tiżgura li l-interazzjonijiet tagħha mal-lobbyists tat-tabakk ikunu trasparenti. Il-Kummissjoni ntalbet tipprovdi għal spezzjoni d-dokumenti kollha relatati mal-interazzjonijiet mal-lobbyists tat-tabakk fl-2020 u l-2021, inklużi talbiet għal aċċess pubbliku għal dokumenti li jikkonċernaw tali interazzjonijiet. L-Ombudsman talbet ukoll li tispezzjona kwalunkwe gwida interna li ngħatat lill-persunal tal-Kummissjoni.
Ftaħna inkjesta dwar it-#trasparenza tal-interazzjonijiet li l-@EU_Commission jkollha ma’ lobbyists tat-#tabakk, f’konformità mal-konvenzjoni #FCTC tal-@WHO.
Id-dipartimenti kollha għandhom isegwu d-direzzjoni ta’ @EU_Health u @EU_Taxud fit-trasparenza proattiva.
Din hija l-ittra tagħna lil @vonderleyen:
ombudsman.europa.eu/mt/news-document...
Ftaħna inkjesta dwar it-trasparenza tal-interazzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea jkollha mal-lobbyists tat-tabakk, f’konformità mal-konvenzjoni ta’ qafas dwar il-kontroll fuq it-tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Id-dipartimenti kollha għandhom isegwu t-tmexxija dwar it-trasparenza proattiva tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari u tad-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali.
L-UE hija parti għall-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li skontha għandha tipprevjeni lill-industrija tat-tabakk milli jkollha impatt negattiv fuq il-politiki tas-saħħa pubblika. Fost affarijiet oħra, dan jeħtieġ li l-Kummissjoni tkun trasparenti b’mod sħiħ u proattiv dwar il-laqgħat mar-rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk. Madankollu, minbarra d-DĠ SANTE u d-DĠ TAXUD, id-dipartimenti tal-Kummissjoni ma jippubblikawx b’mod proattiv dettalji dwar il-laqgħat li jseħħu taħt il-livell tad-diretturi ġenerali.
Wara inkjesta ta’ sitt xhur, ressaqna proposti lill-@ECDC_EU sabiex ikun hemm aktar skrutinju pubbliku u fehim tal-ħidma tiegħu.
Din hija parti mill-monitoraġġ usa’ tagħna ta’ kif l-istituzzjonijiet tal-UE wieġbu għall-#COVID19.
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA: europa.eu/!uu38Vu
Wara inkjesta ta’ sitt xhur, ressaqna proposti liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard sabiex ikun hemm aktar skrutinju pubbliku u fehim tal-ħidma tiegħu.
Din hija parti mill-monitoraġġ usa’ tagħna ta’ kif l-istituzzjonijiet tal-UE wieġbu għall-COVID-19.
B’reazzjoni għall-inkjesta tal-Ombudsman li teżamina t-trasparenza tar-rispons tiegħu għall-pandemija tal-COVID-19, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) stabbilixxa miżuri biex itejjeb ir-responsabbiltà tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. Dawn kienu jinkludu li l-pubbliku jibda jsibha aktar faċli li jsegwi l-evoluzzjoni tal-parir xjentifiku tiegħu u li jara d-data sottostanti għall-valutazzjonijiet xjentifiċi tiegħu. Dan impenja ruħu wkoll sabiex ikun hemm aktar trasparenza fir-rigward tal-iskambji ma’ sħab internazzjonali u biex il-komunikazzjoni tiegħu mal-pubbliku ġenerali tmur għall-aħjar.
Il-valutazzjoni tal-Ombudsman tar-rispons tal-Kunsill għall-pandemija sabet li, għax-xhur inizjali tal-kriżi, il-laqgħat ministerjali li saru b’mod remot ma ssodisfawx l-istandards ta’ trasparenza li japplikaw għal-laqgħat tal-Kunsill wiċċ imb wiċċ f’ċirkostanzi normali. Madankollu, l-Ombudsman innota wkoll li xi wħud mill-prattiki adottati mill-Kunsill matul dan il-perjodu tejbu l-obbligu ta’ rendikont u talbu li dawn ikomplu. Dawn inkludew l-użu usa’ ta’ kummenti bil-miktub qabel u wara l-laqgħat tal-impjegati taċ-ċivil nazzjonali, li żied id-dokumentazzjoni dwar id-diskussjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma.
Biex in-nies ikunu jistgħu jsegwu kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE, jeħtieġu repożitorju ta’ dokumenti li jistgħu jitolbu aċċess għalih. Biex ikunu sinifikanti u ta’ għajnuna, dawn ir-reġistri pubbliċi ta’ dokumenti għandhom ikunu aġġornati u kompluti. Wara inkjesta mill-Ombudsman, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) qablet li ttejjeb u taġġorna r-reġistru tad-dokumenti tagħha – inkluż billi toħloq paġna web iddedikata għar-reġistru tagħha – biex tagħmlu għodda aktar utli għall-pubbliku.
L-Ombudsman eżaminat ukoll ir-reġistru pubbliku tad-dokumenti tal-Frontex, wara lment li sostna li dan ma nżammx kif suppost. L-Ombudsman stabbiliet għadd ta’ proposti ta’ soluzzjoni biex jittejjeb ir-reġistru, li l-Frontex imbagħad qablet li se timplimenta.
It-tħassib dwar it-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ambjentali kompla jkun sors ta’ lmenti fl-2021.
F’April 2021, l-Ombudsman fetħet inkjesta dwar ir-rwol tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-proġetti tal-gass elenkati bħala proġetti ta’ sinifikat reġjonali mill-Komunità tal-Enerġija (li tlaqqa’ flimkien l-UE, il-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent, fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed, u n-Norveġja). L-ilmentatur kien tal-fehma li l-proġetti ma ngħatawx valutazzjoni tas-sostenibbiltà adegwata qabel ma ġew inklużi fil-lista, peress li l-metodoloġija użata kienet simili għal dik li qabel kienet tintuża għall-valutazzjoni tal-“proġetti ta’ interess komuni” tal-UE, li l-Kummissjoni minn dak iż-żmien qieset bħala inadegwata.
Wara lment minn grupp ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-Ombudsman fetħet inkjesta dwar kif il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar l-inizjattiva ta’ Governanza Korporattiva Sostenibbli, li għandha l-għan li tħeġġeġ lill-kumpaniji jiġġestixxu aħjar il-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà fl-operazzjonijiet tagħhom. L-ilmentaturi sostnew li, fir-rappurtar dwar l-eżitu tal-konsultazzjoni, il-Kummissjoni ma kkunsidratx kif xieraq il-fehmiet ta’ dawk kollha li wieġbu għall-konsultazzjoni.
F’Ġunju, l-Ombudsman ippreżentat sejbiet preliminari lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) dwar it-trasparenza tal-informazzjoni ambjentali dwar il-proġetti li jirrigwardaw il-finanzi tiegħu, kemm direttament kif ukoll indirettament.
L-Ombudsman issuġġeriet li l-BEI għandu jagħmel ħafna aktar dettall dwar l-implikazzjonijiet ambjentali tal-proġetti li jiffinanzja disponibbli għall-pubbliku. L-Ombudsman talbet lill-BEI jippubblika dokumenti sors li jkun fihom il-fatti, kif ukoll is-suppożizzjonijiet tekniċi u l-kalkoli użati fil-valutazzjoni tal-proġetti. Għal proġetti b’impatt ambjentali sinifikanti, l-Ombudsman ipproponiet ukoll li l-BEI għandu jipprijoritizza t-trasparenza proattiva msaħħa, sabiex ir-rapporti ta’ monitoraġġ tiegħu tal-proġetti li għaddejjin ikunu jistgħu jiġu ppubblikati malajr.
Huwa ċar li se jkun hemm interess pubbliku għoli fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RFF - Recovery and Resilience Facility) tal-UE – fondi maħsuba biex jintefqu biex jgħinu lill-UE tirkupra mill-pandemija u tindirizza sfidi bħall-kriżi klimatika. Għal dan il-għan, l-Ombudsman kitbet lill-Kummissjoni u talbitha tantiċipa l-interess qawwi fin-negozjati tagħha mal-Istati Membri dwar il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza. Filwaqt li nnotat il-probabbiltà ta’ talbiet għal aċċess għal dokumenti relatati ma’ din il-kwistjoni, l-Ombudsman issuġġeriet li l-Kummissjoni għandha tipprovdi aktar informazzjoni dwar id-dokumenti rilevanti li għandha.
3. L-Istatut Rivedut tal-Ombudsman
F’Ġunju 2021, b’maġġoranza kbira ħafna – 602 minn 692 vot mitfugħ – il-Parlament adotta statut aġġornat għall-Uffiċċju tal-Ombudsman. L-Istatut il-ġdid jikkodifika ħafna mill-prattiki ta’ ħidma ta’ suċċess tal-Uffiċċju matul dawn l-aħħar snin. L-Ombudsman se jkun jista’ jniedi inkjesti fuq inizjattiva proprja kull meta jsib raġunijiet, f’konformità mat-trattat. L-approvazzjoni qawwija tal-istatut il-ġdid tista’ titqies bħala validazzjoni tal-ħidma tal-Uffiċċju fl-indirizzar tal-ilmenti taċ-ċittadini u fit-twettiq tal-inkjesti.
Iqis il-bażi ġuridika l-ġdida fit-Trattat ta’ Liżbona, u huwa Regolament tal-Parlament aktar milli Deċiżjoni. L-Istatut kien l-ewwel att leġiżlattiv skont it-Trattat ta’ Liżbona li huwa bbażat fuq id-dritt ta’ inizjattiva tal-Parlament. L-istatut rivedut jipprovdi qafas legali msaħħaħ għall-Uffiċċju u jintroduċi salvagwardji ġodda li jiggarantixxu aktar l-indipendenza tiegħu, inkluż baġit adegwat biex jappoġġja l-attivitajiet tal-Uffiċċju. Hemm perjodu ġdid ta’ preklużjoni ta’ sentejn għall-politiċi, inklużi l-Membri tal-Parlament Ewropew, li jixtiequ jsiru kandidati għall-elezzjoni bħala Ombudsman Ewropew. Dan se jgħin biex titħares l-indipendenza tal-Uffiċċju, li hija kruċjali għar-rwol tiegħu bbażat fuq it-trattat.
L-istatut rivedut iżomm is-setgħat ta’ inkjesta qawwija tal-Ombudsman, inkluż li l-istituzzjonijiet iridu jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-inkjesti tiegħu. Fejn xieraq, fir-rigward ta’ inkjesta, l-Ombudsman jista’ jinstema’ quddiem il-Parlament, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Parlament.
L-Uffiċċju bħalissa qed jaġġorna d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu għall-Istatut li jagħtu dettalji dwar il-proċeduri ta’ ħidma tal-Uffiċċju.
4. 20 sena tar-Regolament 1049/2001
It-trasparenza u l-aċċess għad-dokumenti ilhom ta’ prijorità għall-Ombudsman, u jammontaw għal madwar kwart tal-inkjesti li jwettaq l-Uffiċċju. L-Ombudsman iservi bħala mekkaniżmu ta’ rimedju għal dawk li ġew miċħuda l-aċċess għad-dokumenti tal-UE, li jagħti lill-Uffiċċju għarfien espert konsiderevoli dwar kif dan id-dritt fundamentali jiġi applikat fil-prattika mill-amministrazzjoni tal-UE.
L-2021 mmarkat l-għoxrin anniversarju mid-dħul fis-seħħ tal-“liġi dwar it-trasparenza” tal-UE (ir-Regolament 1049/2001), li tat espressjoni konkreta għad-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-UE u żiedet b’mod sinifikanti r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tal-UE. Fl-istess waqt, l-Ombudsman għamlet l-aċċess għad-dokumenti fokus speċjali għall-Uffiċċju matul is-sena.
Dan wassal għal konferenza pubblika, li saret fil-15 ta’ Novembru fi Brussell – Aċċess għad-dokumenti tal-UE: xi jmiss? Il-konferenza, li saret f’format “ibridu”, kienet maqsuma f’żewġ partijiet: panel ta’ livell għoli li kkunsidra l-futur tal-aċċess għar-regoli tad-dokumenti u panel ta’ esperti li eżamina l-esperjenzi li n-nies ikollhom meta jitolbu xi dokumenti.
Għall-panel ta’ livell għoli, l-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly, kienet akkumpanjata minn Věra Jourová, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Valuri u t-Trasparenza, Heidi Hautala, il-Viċi President tal-Parlament Ewropew u Reijo Kemppinen, Direttur Ġenerali għall-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Sabiex tħejji l-konferenza, l-Ombudsman wettqet stħarriġ ad hoc ta’ xi partijiet ikkonċernati dwar l-esperjenza tagħhom meta talbu aċċess għad-dokumenti tal-UE.
Aktar kmieni fis-sena, l-Ombudsman wettqet inizjattiva biex issir taf kif l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE jagħmlu lill-pubbliku konxju tad-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti. L-inizjattiva rriżultat fi gwida għall-istituzzjonijiet tal-UE dwar liema politiki u prattiki għandu jkollhom fis-seħħ biex jagħtu effett lid-dritt ta’ aċċess pubbliku, li ġie ppubblikat fil-jum tal-konferenza (15 ta’ Novembru).
Kwistjoni ewlenija, imqajma matul il-konferenza u permezz tal-ilmenti, hija kif l-amministrazzjoni tal-UE tindirizza t-test u l-messaġġi istantanji u teknoloġiji ġodda oħra fil-kuntest tal-obbligi ta’ trasparenza tagħha. F’Lulju, l-Ombudsman nehdiet inizjattiva strateġika dwar kif l-amministrazzjoni tirreġistra t-test u l-messaġġi istantanji mibgħuta/riċevuti mill-membri tal-persunal fil-kapaċità professjonali tagħhom. L-inizjattiva għandha l-għan li tieħu kont tar-regoli u l-prattiki attwali dwar iż-żamma ta’ rekords dwar dawn il-messaġġi, bil-ħsieb li jiġu identifikati prattiki tajbin fi ħdan l-amministrazzjoni tal-UE.
5. Premju għal Amministrazzjoni Tajba
Il-Premju tal-Ombudsman għal Amministrazzjoni Tajba 2021 onora l-isforzi straordinarji fir-ripatrijazzjoni ta’ aktar minn nofs miljun ċittadin tal-UE maqbuda mad-dinja kollha minħabba l-pandemija.
Il-proġetti rebbieħa konġunti kienu twettqu minn persunal fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni Ċivili u l-Għajnuna Umanitarja (DĠ ECHO) u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).
Ir-rebbieħa ġenerali u dawk f’diversi kategoriji tħabbru matul ċerimonja diġitali f’Ġunju, li bdiet b’diskors bil-vidjo mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen.
Meta tkellmet dwar l-effetti tal-COVID-19, kemm dwar il-ħidma interna kif ukoll dwar dik esterna tal-amministrazzjoni tal-UE, l-Ombudsman O’Reilly innotat li “ħafna mill-proġetti ppreżentati wrew l-isforzi kbar li l-persunal tal-UE għamel sabiex jgħin liċ-ċittadini matul il-pandemija”.
F’Settembru, kien hemm ċerimonja ta’ segwitu qasira fil-Ġnien taċ-Ċittadini fi Brussell, fejn il-premjijiet ingħataw personalment.
Il-Premju biennali – introdott minn Emily O’Reilly fl-2017 – jirrikonoxxi l-azzjonijiet mill-amministrazzjoni pubblika tal-UE li għandhom impatt pożittiv viżibbli u dirett fuq il-ħajja tan-nies fl-Ewropa kollha u lil hinn minnha. Ingħataw ukoll premjijiet f’erba’ kategoriji.
In-nomini ġew ivvalutati minn bord konsultattiv indipendenti u r-rebbieħa ntgħażlu mill-Ombudsman.
6. Ilmenti u investigazzjonijiet: kif ngħinu lill-pubbliku
L-Ombudsman Ewropew jgħin lin-nies, lin-negozji u lill-organizzazzjonijiet li jkunu qed jiffaċċjaw problemi mal-amministrazzjoni tal-UE billi jindirizza l-ilmenti li jressqu, iżda wkoll billi jfittex li jippromwovi prattika amministrattiva tajba billi jidentifika b’mod proattiv kwistjonijiet sistemiċi usa’ mal-istituzzjonijiet tal-UE.
L-Ombudsman qiegħed kostantament ifittex li jtejjeb il-proċeduri interni, bil-ħsieb li jiżgura li l-Uffiċċju jindirizza l-inkjesti bl-aktar mod effiċjenti u l-ilmentaturi jkollhom l-aħjar esperjenza. Id-Direttorat tal-Inkjesti simplifikat, li ġie stabbilit fl-2020, għamel aktar titjib sabiex jintlaħaq dan l-għan. Dan inkluda li jiġu rfinati l-għarfien espert u l-aħjar prattiki permezz ta’ timijiet ta’ inkjesti tematiċi, li għen biex jitjiebu aktar il-konsistenza u l-effiċjenza tal-inkjesti tal-Ombudsman.
Filwaqt li l-proċeduri ta’ ħidma ibrida baqgħu fis-seħħ matul l-2021, is-sistema tal-ilmenti online tal-Ombudsman fissret li kien hemm kontinwità f’dan il-qasam ewlieni tal-ħidma tal-Uffiċċju. L-għadd ta’ lmenti indirizzati mill-Uffiċċju żdied, meta mqabbel mal-2020.
Ġie introdott aktar titjib rigward kif l-inkjesti tal-Ombudsman jiġu ppreżentati u ppubblikati online, bil-ħsieb li jkun aktar faċli għall-pubbliku li jsegwi l-ħidma tal-Uffiċċju. Taqsima ġdida “L-aqwa inkjesti” fuq is-sit web tpoġġi enfasi fuq l-inkjesti tal-Ombudsman b’importanza pubblika usa’. Ġiet introdotta taqsima ġdida li tkopri l-ħidma tal-Ombudsman dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti. Il-funzjonalità tat-tiftix fuq is-sit web tjiebet ukoll.
It-tim varjat tal-Uffiċċju li jindirizza l-każijiet, u s-sit web, jirriflettu l-impenn tal-Ombudsman li jikkomunika ma’ dawk li jfittxu l-għajnuna bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE.
Filwaqt li l-Ombudsman mhux dejjem ikun f’pożizzjoni li jinvestiga l-ilmenti kollha li jirċievi, l-Uffiċċju xorta waħda jipprova jgħin lil dawk kollha li jfittxu assistenza, pereżempju billi jipprovdi pariri dwar possibbiltajiet oħra għal rimedju.
6.1. Tip u sors tal-ilmenti
6.1.1. Ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti u l-inkjesti strateġiċi
L-Ombudsman jista’ jiftaħ inkjesta biss dwar ilmenti li jaqgħu fil-mandat tiegħu u li jkunu ssodisfaw il-“kriterji ta’ ammissibbiltà” meħtieġa, bħal pereżempju li qabel kienu pprovaw isolvu l-kwistjoni direttament mal-istituzzjoni involuta. L-istruttura organizzazzjonali l-ġdida wasslet għal aktar titjib fil-mod kif l-Ombudsman jindirizza l-ilmenti, bi tnaqqis ulterjuri fl-ammont ta’ żmien meħud biex jiġu pproċessati l-ilmenti u jitlestew l-investigazzjonijiet.
It-temi tal-ħidma tal-Uffiċċju joħorġu mill-mandat tal-Ombudsman u mill-ilmenti li jaslu, minħabba li dawn jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tal-każijiet. L-2021 mmarkat l-għoxrin anniversarju mid-dħul fis-seħħ tal-“liġi dwar it-trasparenza” tal-UE (ir-Regolament 1049/2001). Fl-istess waqt, l-Ombudsman għamlet l-aċċess għad-dokumenti punt fokali għall-Uffiċċju matul is-sena. Bħal fis-snin preċedenti, it-trasparenza għadha s-suġġett ewlieni tal-ilmenti, u dan huwa rifless ukoll fil-ħidma strateġika tal-Ombudsman.
Minbarra l-ħidma ewlenija tal-Ombudsman dwar l-ilmenti, l-Ombudsman iwettaq ukoll inkjesti u inizjattivi strateġiċi usa’ fi kwistjonijiet sistemiċi mal-istituzzjonijiet tal-UE. F’konformità mal-istrateġija “Lejn l-2024” tal-Ombudsman, l-2021 rat żieda fil-ħidma strateġika tal-Ombudsman, b’għadd akbar ta’ inkjesti u inizjattivi miftuħa dwar firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet.
6.1.2. Ilmenti barra mill-mandat tal-Ombudsman
Fl-2021, l-Ombudsman Ewropew ipproċessat aktar minn 1 400 ilment li ma kinux jaqgħu taħt il-mandat tagħha, l-aktar għaliex ma kinux jirrigwardaw il-ħidma tal-amministrazzjoni tal-UE. Aktar minn 40 % ta’ dawn l-ilmenti ġew minn Spanja, il-Polonja u l-Ġermanja.
Fil-biċċa l-kbira, in-nies avviċinaw lill-Ombudsman bi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kura tas-saħħa, it-trattament ugwali jew id-diskriminazzjoni, u l-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll ilmenti li jikkonċernaw il-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-ilmenti li ma kinux jaqgħu taħt il-mandat kienu primarjament relatati ma’ problemi li ltaqgħu magħhom fir-rigward ta’ korpi pubbliċi nazzjonali, reġjonali jew lokali kif ukoll qrati nazzjonali jew internazzjonali (bħall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem). Kien hemm ukoll għadd kbir ta’ lmenti li jikkonċernaw is-settur privat. Ilmenti oħra li ma kinux jaqgħu taħt il-mandat kienu jikkonċernaw il-ħidma politika jew leġiżlattiva tal-istituzzjonijiet tal-UE.
L-Ombudsman wieġbet lil dawk kollha li kienu qed ifittxu l-għajnuna bil-lingwa tal-ilment jew tal-preferenza tagħhom. Dawn it-tweġibiet spjegaw il-mandat tal-Ombudsman u, sa fejn possibbli, taw parir lill-ilmentaturi dwar liema korpi jistgħu jirrikorru għandhom għall-għajnuna. Bil-qbil tal-ilmentatur, l-Ombudsman ittrasferiet ukoll ilmenti lil membri adatti tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen (ENO - European Network of Ombudsmen).
Fejn l-ilmentaturi ma kinux kuntenti bil-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE, l-Ombudsman ġeneralment tathom parir li jirrikorru għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew. L-ilmentaturi li qajmu kwistjonijiet oħra, inkluża l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, ġew riferuti lill-Kummissjoni Ewropea, lill-ombudsmen nazzjonali jew reġjonali, jew lin-networks tal-UE bħal Europe Direct u Solvit.
6.2. Kontra min?
6.3. Dwar xiex?
6.4. Riżultati miksuba
6.5. Impatt u kisbiet
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Ombudsman Ewropew huwa li jinkiseb titjib tanġibbli għall-ilmentaturi u l-pubbliku fl-amministrazzjoni tal-UE. L-Ombudsman jikseb dan billi jagħmel proposti fil-forma ta’ soluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti. L-Ombudsman jista’ wkoll jippromwovi titjib permezz ta’ inizjattivi strateġiċi, li mhumiex inkjesti formali. Jista’ wkoll iħeġġeġ istituzzjoni biex issolvi kwistjoni anki qabel ma ssir proposta jew rakkomandazzjoni għal soluzzjoni formali.
6.5.1. Rata ta’ aċċettazzjoni
Ir-rata ta’ aċċettazzjoni hija l-perċentwal ta’ tweġibiet pożittivi għall-għadd totali ta’ proposti (soluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti) magħmula mill-Ombudsman. Peress li l-Ombudsman jagħti lill-istituzzjonijiet sa sitt xhur biex isegwu s-suġġerimenti li saru fid-deċiżjonijiet tiegħu li jagħlqu l-inkjesti, ir-rata ta’ aċċettazzjoni għall-2021 tkopri l-każijiet magħluqa fl-2020.
Fl-2020, l-istituzzjonijiet tal-UE kkooperaw b’mod sodisfaċenti mal-Ombudsman f’81 % tal-każijiet. Din ir-rata tirrappreżenta titjib fuq is-sena ta’ qabel (Sal-2020, ir-rapport Putting it Right? ta rendikont ta’ kif l-istituzzjonijiet tal-UE wieġbu lill-Ombudsman f’każijiet magħluqa fis-sena preċedenti. Wara l-adozzjoni tal-Istatut il-ġdid tal-Ombudsman fl-2021, din il-valutazzjoni issa hija inkluża fir-Rapport Annwali.).
B’mod ġenerali, l-istituzzjonijiet tal-UE rreaġixxew b’mod pożittiv għal 29 mis-36 proposta li għamlet l-Ombudsman biex jiġu kkoreġuti jew mtejba l-prattiki amministrattivi tagħhom. Minn 12-il istituzzjoni li l-Ombudsman għamlet proposti għalihom, 10 ikkonformaw bis-sħiħ mas-soluzzjonijiet, is-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet kollha. Miż-żewġ istituzzjonijiet l-oħra, il-Kummissjoni kkonformat ma’ 16 mit-22 proposta magħmula mill-Ombudsman, filwaqt li l-Kunsill ikkonforma ma’ waħda miż-żewġ proposti li saru mill-Ombudsman.
6.5.2. Impatt usa’
Ir-rata ta’ aċċettazzjoni tiġbor it-tweġibiet mill-istituzzjonijiet għall-proposti f’mument partikolari u ma tirriflettix bis-sħiħ l-impatt tal-ħidma tal-Ombudsman maż-żmien.
L-investigazzjonijiet tal-Ombudsman jistgħu jiġbdu l-attenzjoni għal kwistjonijiet sistemiċi, u l-bidliet pożittivi li jirriżultaw mhux dejjem jiġu riflessi fiċ-ċifri annwali.
Eżempju tajjeb ta’ dan huwa l-inkjesta tal-Ombudsman dwar l-isponsorizzazzjoni korporattiva tal-presidenzi tal-Kunsill tal-UE. Bi tweġiba għas-sejbiet tal-Ombudsman, il-Kunsill eventwalment qabel dwar linji gwida dwar l-isponsorizzazzjoni korporattiva għall-Istati Membri li għandhom dawn il-presidenzi ta’ sitt xhur. L-inkjesta wasslet għal trasparenza mtejba fir-rigward ta’ din il-kwistjoni hekk kif l-Istati Membri li għandhom il-Presidenza bdew jelenkaw l-isponsorizzazzjoni korporattiva tagħhom fuq is-siti web uffiċjali tal-presidenza tagħhom, u dan ippermetta lill-Parlament u lill-midja jimmonitorjaw il-kwistjoni.
L-impatt jista’ jinkiseb ukoll billi jiżdied id-dibattitu dwar suġġett. Il-ħidma tal-Ombudsman, flimkien mal-Parlament u ħafna oħrajn, jista’ jkollha “effett dissważiv” importanti. L-istituzzjonijiet huma konxji li azzjoni amministrattiva li ma tilħaqx l-istandards għoljin li l-pubbliku jistenna tista’ twassal għal inkjesta tal-Ombudsman jew għal skrutinju pubbliku usa’.
Eżempju speċifiku ta’ dan jikkonċerna l-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tal-Membri tal-Kummissjoni Ewropea fil-kampanji elettorali nazzjonali. L-Ombudsman irċeviet żewġ ilmenti relatati mal-parteċipazzjoni mill-President tal-Kummissjoni u Viċi President tal-Kummissjoni f’filmat tal-kampanja għal partit politiku Kroat. Filwaqt li l-Ombudsman ma sabitx raġunijiet biex tiftaħ inkjesta, hija talbet lill-Kummissjoni tiċċara kif il-Kodiċi ta’ Kondotta huwa applikat fil-kuntest tal-kampanji elettorali. Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni ħabbret li se tfassal linji gwida ġodda dwar kif il-kummissarji jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet nazzjonali.
7. Komunikazzjoni u kooperazzjoni
7.1. Il-komunikazzjoni
L-Uffiċċju kompla bl-isforzi tiegħu biex jippromwovi l-ħidma tal-Ombudsman Ewropew lill-akbar udjenza possibbli. Intużat komunikazzjoni mmirata u innovattiva biex titqajjem sensibilizzazzjoni pubblika dwar inkjesti speċifiċi u dwar kwistjonijiet ġenerali, bħat-trasparenza u l-etika, kif ukoll dwar ir-rwol tal-Ombudsman fil-promozzjoni ta’ standards għoljin ta’ responsabbiltà għall-amministrazzjoni tal-UE.
Is-sit web kompla jevolvi bħala ċentru tal-kontenut dinamiku għall-ħidma tal-Ombudsman, li jagħmilha sempliċi kemm jista’ jkun għall-pubbliku biex isib inkjesti rilevanti, l-aħħar aġġornamenti tal-aħbarijiet kif ukoll spjegazzjonijiet dwar kwistjonijiet ewlenin.
Ġiet introdotta taqsima ġdida “L-aqwa inkjesti” fuq is-sit web, li tpoġġi enfasi fuq l-inkjesti b’importanza pubblika usa’. L-inkjesti huma elenkati abbażi tal-aħħar aġġornamenti u bl-użu ta’ paġni ta’ każijiet qosra b’testi li jqajmu interess bħala punti ta’ dħul għal dawk li qed ifittxu informazzjoni dwar inkjesta. Il-funzjonalità tat-tiftix fuq is-sit web tjiebet, u b’hekk sar aktar faċli għall-viżitaturi biex isibu d-dokumenti li jkunu qed ifittxu.
Ġew introdotti taqsimiet ġodda fuq is-sit web tal-Ombudsman, li jkopru l-ħidma tal-Uffiċċju dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-UE, kif ukoll dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Ombudsman. L-enfasi fuq l-aċċess għad-dokumenti kienet ikkumplimentata minn kampanja ta’ komunikazzjoni kif ukoll storja fuq il-web li tista’ tiskrollja fiha u filmat qasir ta’ spjegazzjoni.
Għall-ewwel darba, ir-Rapport Annwali tal-Ombudsman tal-2020 ġie ppreżentat bħala storja fuq il-web, li għamlitha faċli li wieħed jara x’inhuma l-oqsma ewlenin tal-ħidma tal-Ombudsman u fejn l-Uffiċċju kellu l-akbar impatt.
L-Ombudsman ippreżentat il-ħidma tal-Uffiċċju matul il-konferenza stampa annwali f’Mejju. Matul il-konferenza stampa, l-Ombudsman ħabbret il-ftuħ ta’ inkjesta wiesgħa dwar kif il-Kummissjoni tittratta r-“revolving doors” (ara hawn fuq), u ppreżentat l-inkjesti ewlenin li għaddejjin u li tlestew dan l-aħħar.
Biex tinxtered il-kelma dwar ir-rebbieħa tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba u biex tiġi mħeġġa l-kondiviżjoni ta’ ideat u prattiki tajbin, kampanja tal-midja soċjali dwar iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet ġiet segwita minn rappreżentazzjoni viżiva separata tal-proġetti rebbieħa.
L-Ombudsman ipparteċipat fl-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ (EYE2021) fi Strasburgu fit-8 ta’ Ottubru, li ġie organizzat bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni għall-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. F’dibattitu moderat mill-awtriċi u l-attivista Nini Tsiklauri, l-Ombudsman wieġbet mistoqsijiet miż-żgħażagħ dwar il-ħidma tal-Uffiċċju, kif ukoll dwar kwistjonijiet bħat-trasparenza u d-demokrazija, u l-futur tal-UE.
Fl-2021, simili għas-sena ta’ qabel, il-kont tal-midja soċjali li qed jikber bl-aktar rata mgħaġġla kien Instagram (tkabbir ta’ 46 %, li huwa ekwivalenti għal 1 195 segwaċi ġodda). Fuq LinkedIn, l-għadd ta’ segwaċi żdied b’24 % (+ 1 148), filwaqt li fuq Twitter, fejn l-Ombudsman għandu l-akbar udjenza fost il-mezzi kollha tal-midja soċjali, l-għadd ta’ segwaċi laħaq il-31 300 f’Diċembru 2021, li jirrappreżenta żieda ta’ 7 % (+ 2 140).
Fl-aħħar nett, l-Ombudsman u l-membri tal-persunal komplew bl-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħhom billi taw intervisti lill-istampa, tkellmu f’konferenzi akkademiċi u legali ewlenin u tkellmu mal-gruppi ta’ viżitaturi.
(© Anka Wessang)
7.2. Ir-relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet tal-UE
7.2.1. Il-Parlament Ewropew
Ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn l-Ombudsman Emily O’Reilly u l-Parlament komplew jiġu kkonsolidati fl-2021. Fil-bidu tas-sena, l-Ombudsman indirizzat sessjoni plenarja tal-Parlament u matul is-sena hija u l-membri tal-persunal tagħha attendew il-laqgħat tal-kumitat biex jippreżentaw il-ħidma tal-Ombudsman dwar inkjesti speċifiċi. L-Ombudsman iltaqgħet regolarment ma’ Membri tal-Parlament fl-ispettru politiku kollu jew permezz ta’ filmat jew personalment fi Brussell u Strasburgu. Minħabba l-pandemija, it-trasferiment tar-Rapport Annwali tal-Ombudsman tal-2020 lill-President tal-Parlament Ewropew sar b’mod diġitali fis-6 ta’ Settembru 2021.
7.2.2. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew huwa parti min-Network Ewropew tal-Ombudsmen u huwa l-kumitat parlamentari inkarigat mir-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew. Kollaborazzjoni b’saħħitha bejn iż-żewġ korpi hija importanti biex tiżdied ir-responsabbiltà demokratika tal-istituzzjonijiet tal-UE. Matul is-sena, l-Ombudsman irċeviet appoġġ sod għall-ħidma tagħha mill-Kumitat u l-President tiegħu, Dolors Montserrat, li magħha ltaqgħet regolarment. L-Ombudsman u l-persunal tagħha pparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat dwar suġġetti ta’ interess komuni u diversi riżoluzzjonijiet mill-Kumitat irreferew għall-inkjesti tal-Ombudsman, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza u r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tal-UE fil-kuntest tal-COVID-19.
7.2.3. Il-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea hija l-akbar istituzzjoni tal-UE. Il-firxa tal-ħidma tagħha bħala l-fergħa eżekuttiva tal-UE jfisser li, proporzjonalment, il-maġġoranza tal-ilmenti riċevuti mill-Ombudsman jikkonċernaw il-ħidma tal-Kummissjoni. Ir-relazzjoni ta’ ħidma bejn l-Ombudsman Ewropew u l-Kummissjoni kompliet tkun kostruttiva ħafna fl-2021. Il-Viċi President tal-Kummissjoni Jourová tkellmet f’konferenza organizzata mill-Ombudsman f’Novembru dwar l-aċċess għad-dokumenti (ara hawn fuq) — kwistjoni li dwarha l-Ombudsman jirċievi ħafna lmenti — u ħabbret li l-Kummissjoni se taħdem biex ittejjeb ir-regoli fil-qasam. Kien hemm kuntatti regolari fil-livell ta’ servizz bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, li ppermettew lill-persunal iżomm relazzjonijiet kostruttivi.
Nilqa’ l-inizjattiva ta’ #EOdebate dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti.
@EU_Commission tappoġġja bis-sħiħ livell għoli ta’ #transparency u l-aċċess għad-dokumenti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE. Aħna nimmiraw li ssir reviżjoni tar-regoli eżistenti biex inġibuhom kompletament konformi mar-realtà.
Nilqa’ l-inizjattiva tal-Ombudsman Ewropew dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti.
Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja bis-sħiħ livell għoli ta’ trasparenzau l-aċċess għad-dokumenti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE. Aħna nimmiraw li ssir reviżjoni tar-regoli eżistenti biex inġibuhom kompletament konformi mar-realtà.
7.2.4. Istituzzjonijiet, aġenziji u organizzazzjonijiet oħrajn
Ir-relazzjonijiet ma’ partijiet differenti tal-amministrazzjoni tal-UE huma parti integrali mill-istrateġija tal-Ombudsman “Lejn l-2024”. Impatt dejjiemi u pożittiv fuq l-amministrazzjoni tal-UE jista’ jinkiseb biss permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib. L-Ombudsman iżomm relazzjonijiet mill-qrib ma’ ħafna istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE. Fl-2021, l-Ombudsman Ewropew iltaqgħet, fost l-oħrajn, mal-President tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Kap Prosekutur Ewropew, id-Direttur tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), il-President u d-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), kif ukoll membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. L-Ombudsman iżomm ukoll relazzjonijiet tajbin mas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Hija ltaqgħet mas-Segretarju Ġenerali tal-OECD u l-Uffiċċju tagħha issa huwa parti min-Network informali tal-OECD dwar it-Trasparenza u r-Responsabbiltà. Il-persunal tal-Ombudsman tkellem f’avvenimenti organizzati mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), l-Akkademja tal-Liġi Ewropea (ERA) u l-Kumitat Meijers, network ta’ riċerka Netherlandiż dwar id-dritt tal-UE.
7.2.5. Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà
Bħala membru tal-Qafas tal-UE għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà (UN CPRD), l-Ombudsman jipproteġi, jippromwovi u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-amministrazzjoni tal-UE. Fl-2021, il-Qafas kien ippresedut mill-Parlament Ewropew. Il-Qafas segwa mill-qrib l-iżviluppi li jikkonċernaw l-Istrateġija tal-UE għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà 2021–30 li għaliha kkontribwixxa l-Qafas. Dan beda wkoll it-tħejjijiet għar-rieżami tal-UE tal-implimentazzjoni tal-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat CRPD.
B’segwitu għal żewġ inkjesti — li ngħalqu fl-2019 u fl-2020 rispettivament — dwar kif jintefqu l-fondi tal-UE b’rabta mal-istituzzjonijiet tal-kura soċjali, l-Ombudsman fetħet inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar kif il-Kummissjoni timmonitorja l-fondi tal-UE użati biex jippromwovu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni akbar fl-età għal għajxien indipendenti. L-Ombudsman bħalissa qed tevalwa t-tweġiba tal-Kummissjoni, wara li kkonsultat ukoll lill-organizzazzjonijiet involuti fid-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni akbar fl-età.
Peress li l-ġestjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej hija kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, l-Ombudsman talbet lill-membri tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen (ENO) għal kontribut dwar il-kwistjoni. L-Ombudsman kellha wkoll webinar mal-membri tal-ENO biex tiddiskuti l-kura istituzzjonali, l-użu tal-fondi, u t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19.
F’Ġunju 2021, l-Ombudsman għalqet inizjattiva strateġika dwar kif il-Kummissjoni takkomoda l-ħtiġijiet speċjali tal-membri tal-persunal b’diżabbiltà fil-kuntest tal-COVID-19. Abbażi tar-rispons tal-Kummissjoni għall-pandemija u l-kontribut espert, inkluż mill-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà u l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, l-Ombudsman fasslet lista indikattiva tal-aħjar prattiki biex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà matul l-emerġenzi.
L-Ombudsman irċeviet ilment dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti, skont ir-regoli tagħha, allowance akbar għat-tfal lil membru tal-persunal b’wild b’diżabbiltà. L-Ombudsman fetħet inkjesta u stiednet lill-Kummissjoni twieġeb għall-ilment u għal sett ta’ mistoqsijiet speċifiċi.
L-Uffiċċju ppreżenta l-ħidma tiegħu relatata mad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà f’diversi avvenimenti matul is-sena, inkluż wieħed organizzat mill-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà.
7.3. In-Network Ewropew tal-Ombudsmen
L-Ombudsman Ewropew fittxet li jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-metodi ta’ ħidma tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen (ENO), li huwa network informali li l-Ombudsman Ewropew jikkoordina. L-ENO jikkonsisti f’madwar 100 uffiċċju f’36 pajjiż Ewropew u jinkludi wkoll il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Fl-2021, l-Ombudsman Ewropew fittxet li tespandi r-rwol tal-ENO fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika. Għal dan il-għan, ġew organizzati tliet webinars immirati għall-esperti fl-uffiċċji tal-membri tal-ENO, li kienu jinkludu l-parteċipazzjoni ta’ esperti mill-amministrazzjoni tal-UE. Dawn il-webinars iffukaw fuq suġġetti differenti: l-intelliġenza artifiċjali u l-gvern elettroniku fl-amministrazzjonijiet pubbliċi; il-mekkaniżmu tal-ilmenti tal-Frontex u l-monitoraġġ ta’ ripatrijazzjonijiet furzati; u l-kura istituzzjonali, l-użu tal-fondi tal-UE u t-tagħlimiet mill-pandemija.
In-Network Ewropew tal-Ombudsmen qed jiltaqa’ llum biex jiddiskuti l-isfidi li jirriżultaw mill-intelliġenza artifiċjali #AI u l-#EGovernment fl-amministrazzjonijiet pubbliċi.
Aktar dwar il-#ENOnetwork u r-rwol
tiegħu:
europa.eu/!JQ34MG
In-Network Ewropew tal-Ombudsmen qed jiltaqa’ llum biex jiddiskuti l-isfidi li jirriżultaw mill-intelliġenza artifiċjali u l-gvern elettroniku fl-amministrazzjonijiet pubbliċi.
L-Ombudsman Ewropew kompliet bil-“ħidma parallela” tagħha mal-ENO fl-2021. Il-membri nazzjonali tal-ENO ġew ikkonsultati u involuti fl-inkjesta fuq inizjattiva proprja tal-Ombudsman Ewropew dwar kif l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) tindirizza l-ilmenti dwar l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali permezz tal-mekkaniżmu tagħha għall-ilmenti. Huma ġew ikkonsultati u involuti wkoll fl-inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar kif il-Kummissjoni Ewropea timmonitorja l-fondi tal-UE użati biex jippromwovu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltajiet u tal-persuni akbar fl-età għal għajxien indipendenti.
Permezz tal-proċedura ta’ “mistoqsija”, l-Ombudsman Ewropew jassisti wkoll lill-membri tal-ENO biex jiksbu tweġibiet esperti mit-taqsima rilevanti tal-amministrazzjoni tal-UE dwar kwistjonijiet tal-UE li jkunu qamu matul l-inkjesti tagħhom. Fl-2021, is-suġġetti ta’ mistoqsijiet kienu jinkludu l-eliġibbiltà għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE u l-obbligi ta’ Spanja li jikkonċernaw il-protezzjoni tan-natura u tal-bijodiversità.
L-Ombudsman kellha laqgħat ma’ ombudsmen nazzjonali u reġjonali matul is-sena.
7.4. Premju Europa — Università ta’ Flensburg
F’Novembru, l-Ombudsman irċeviet il-“Premju Europa” tal-Università ta’ Flensburg, mogħti b’rikonoxximent tal-ħidma tagħha biex ittejjeb ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-amministrazzjoni tal-UE. Fid-diskors ta’ aċċettazzjoni tagħha, l-Ombudsman tkellmet dwar l-importanza tar-rispett tal-istat tad-dritt.
“Nipprova niżgura li l-istituzzjonijiet tal-UE jfittxu konverġenza b’mod attiv bejn ir-retorika tagħhom dwar l-istat tad-dritt u l-valuri demokratiċi u r-responsabbiltà u t-trasparenza u bejn l-azzjonijiet tagħhom fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċittadini. Atti ħżiena, anke dawk żgħar li ma jkunux daqshekk notevoli, li jmorru kontra l-valuri li l-amministrazzjoni tal-UE hija obbligata li tħaddan, jagħmlu pressjoni fuq dik ir-riżorsa demokratika, prezzjuża u fraġli u jippermettu lil individwi b’intenzjonijiet ħżiena biex jilagħbu l-logħob mhux demokratiku tagħhom”,, qalet l-Ombudsman fid-diskors tagħha.
Ċerimonja sabiħa għall-Premju Europa lill-@EUombudsman O’Reilly għall-ħidma tagħha. #EUF
Ċerimonja sabiħa għall-Premju Europa lill-Ombudsman Ewropew O’Reilly għall-ħidma tagħha.
8. Riżorsi
8.1. Baġit
Il-baġit tal-Ombudsman huwa taqsima indipendenti tal-baġit tal-UE. Huwa maqsum fi tliet titoli. It-Titolu 1 ikopri salarji, allowances, u nfiq ieħor relatat mal-persunal. It-Titolu 2 ikopri bini, għamara, tagħmir u nfiq operazzjonali mixxellanju. It-Titolu 3 ikopri n-nefqa li tirriżulta mill-funzjonijiet ġenerali li jitwettqu mill-istituzzjoni. Fl-2021, l-approprjazzjonijiet ibbaġitjati kienu jammontaw għal EUR 12 501 836.
Bl-għan li tiġi żgurata ġestjoni effettiva tar-riżorsi, l-awditur intern tal-Ombudsman jivverifika b’mod regolari s-sistemi ta’ kontroll interni u l-operazzjonijiet finanzjarji li jitwettqu mill-Uffiċċju. Bħal fil-każ ta’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tivverifika wkoll lill-Ombudsman.
8.2. Użu tar-riżorsi
Kull sena, l-Ombudsman jadotta Pjan ta’ Ġestjoni Annwali, li jidentifika azzjonijiet konkreti li l-uffiċċju jistenna li jieħu biex jagħti effett lill-objettivi u l-prijoritajiet tal-istrateġija ta’ ħames snin tal-Ombudsman “Lejn l-2024”. Il-Pjan ta’ Ġestjoni Annwali tal-2021 huwa l-ewwel wieħed ibbażat fuq din l-istrateġija l-ġdida.
L-Ombudsman għandu persunal multilingwi u bi kwalifiki għoljin. Dan jiżgura li l-Uffiċċju jkun jista’ jindirizza lmenti fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE u jqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-ħidma tal-Ombudsman fl-UE kollha. Filwaqt li bena fuq l-esperjenza tiegħu fl-2020, l-Uffiċċju fl-2021 kompla jwieġeb b’mod pożittiv u rapidu għall-isfidi ppreżentati mill-pandemija tal-COVID-19. Dan adotta politika moderna ta’ ħidma ibrida biex jibbenefika mill-ambjent tax-xogħol diġitali l-ġdid filwaqt li jiżgura effiċjenza għolja u benesseri tal-persunal.
Fl-2021, kien hemm 73 kariga fil-pjan ta’ stabbiliment tal-Ombudsman, li barra minn hekk, kien hemm medja ta’ sitt aġenti kuntrattwali li jaħdmu mal-Uffiċċju, filwaqt li 16-il apprendist kisbu esperjenza ta’ xogħol matul is-sena.
F’Ġunju 2021, l-Ombudsman lestiet r-riorganizzazzjoni tal-Uffiċċju bil-ħolqien ta’ Direttorat għall-Amministrazzjoni. Marie-Pierre Darchy inħatret bħala Direttur għall-Amministrazzjoni wara proċess miftuħ ta’ reklutaġġ. L-entità l-ġdida hija responsabbli mill-kwistjonijiet kollha relatati mal-amministrazzjoni tal-istituzzjoni, ir-riżorsi umani, il-baġit, il-bini, l-IT u l-ġestjoni tar-rekords.
Kif tikkuntattja lill-Ombudsman Ewropew
Bit-telefon
+33 (0)3 88 17 23 13
B’email
Indirizz postali
Médiateur européen
1 avenue du Président Robert Schuman
CS 30403
F-67001 Strasbourg Cedex
Online
- ombudsman.europa.eu
- twitter.com/EUombudsman
- instagram.com/euombudsman
- linkedin.com/company/272026
- youtube.com/user/eotubes
L-uffiċċji tagħna
Strasburgu
Indirizz għall-viżitaturi
Bâtiment Václav Havel (HAV)
Allée Spach
F-67000 Strasbourg
Brussell
Indirizz għall-viżitaturi
Bâtiment Froissart (FRS)
Rue Froissart 87
B-1000 Bruxelles
© L-Unjoni Ewropea, 2022
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, ir-ritratti u l-istampi kollha huma koperti mid-drittijiet tal-awtur ©
l-Unjoni Ewropea, ħlief il-qoxra (© golubovy / Stocklib u © f9photos / envatoelements).
Ir-riproduzzjoni
għal finijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija awtorizzata, dment li s-sors jiġi rikonoxxut.
Issettjat fi
FrutigerNext.
HTML | ISBN 978-92-9483-293-1 | ISSN 1830-6926 | doi:10.2869/850348 | QK-AA-22-001-MT-Q |
- Export to PDF
- Get the short link of this page
- Share this page onTwitterFacebookLinkedin