You have a complaint against an EU institution or body?

L-Ombudsman Ewropew jilqa’ osservazzjonijiet minn partijiet interessati dwar l-investigazzjoni fuq inizjattiva personali tiegħu dwar l-implimentazzjoni mill-Frontex tal-obbligi tagħha relatati mad-drittijiet fundamentali

Sfond

Skont l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Ombudsman Ewropew huwa mogħti s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet fuq inizjattiva personali tiegħu fir-rigward ta’ każijiet possibbli ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni.

Fis-6 ta’ Marzu 2012, l-Ombudsman nieda investigazzjoni fuq inizjattiva personali tiegħu dwar l-implientazzjoni mill-Frontex tal-obbligi tagħha relatati mad-drittijiet fundamentali.

Fl-ittra ta’ ftuħ tiegħu li fiha talab l-opinjoni tal-Frontex, l-Ombudsman osserva li nbidel il-qafas legali li topera fih il-Frontex. B’hekk, mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE saret legalment vinkolanti fuq il-Frontex. Barra minn hekk, ir-Regolament 1168/2011/UE (‘ir-Regolament’)[1], adottat f’Ottubru 2011, jipprevedi obbligi addizzjonali relatati mad-drittijiet fundamentali li japplikaw għall-Frontex.

Bil-ħsieb tal-qafas legali l-ġdid u l-interess kbir tas-soċjetà ċivili fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, inkluża d-dimensjoni tad-drittijiet fundamentali tagħha, l-Ombudsman qies li jkun utli li jsiru sforzi biex tiġi ċċarata, permezz ta’ investigazzjoni fuq inizjattiva personali tiegħu, l-implimentazzjoni mill-Frontex tal-obbligi msemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, għamel numru ta’ mistoqsijiet speċifiċi lill-Frontex. Dawn jikkonċernaw, pereżempju, l-adozzjoni mill-Frontex ta’ Strateġija dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-ħatra ta’ Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali.

Fis-17 ta’ Mejju 2012, Frontex ippreżentat l-opinjoni tagħha lill-Ombudsman.

Sommarju tal-opinjoni

L-opinjoni tal-Frontex tinkludi ittra qasira mid-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex u sitt annessi. Fl-ittra tiegħu, id-Direttur jiddikjara, fil-qosor, li mill-2010 u ferm qabel l-adozzjoni tar-Regolament, Frontex żviluppat Strateġija dwar id-Drittijiet Fundamentali u Pjan ta’ Azzjoni relatat, ikkummissjonat studju estern dwar l-Etika u s-Sigurtà fil-Fruntieri u żviluppat Kodiċi tal-Kondotta vinkolanti għall-persunal u l-uffiċjali barranin li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Frontex. Peress li r-Regolament jobbliga l-istabbiliment ta’ numru ta’ mekkaniżmi ulterjuri biex jiġi żgurat rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali mill-Frontex, bdiet taħdem fuq dawn il-kwistjonijiet sa minn tard is-sena l-oħra. Konsegwentement, fuq il-websajt tal-Frontex attwalment hemm avviż għal pożizzjoni ta’ Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali u d-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet dalwaqt sejra tagħlaq. Barra minn hekk, fil-futur qarib, Frontex sejra toħroġ stediniet għall-membri prospettivi tal-Forum Konsultattiv, li għandhom l-għan li jassistu lid-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex u lill-Bord ta’ Amministrazzjoni fi kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, diġà ħareġ abbozz tal-“Proċedura tal-Operazzjonijiet Standard biex jiġi żgurat rispett tad-drittijiet fundamentali f’operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota” tal-Frontex u dan dalwaqt sejjer jiġi approvat. Il-Frontex ipprovdiet iktar dettalji dwar l-istabbiliment tal-mekkaniżmi msemmija iktar ’il fuq fl-annessi għall-ittra tad-Direttur Eżekuttiv kif ġej: anness 1 “Rispons għal mistoqsijiet speċifiċi tal-Ombudsman kif saru fl-ittra tiegħu li biha fetaħ investigazzjoni fuq inizjattiva personali (din l-ittra tista’ tiġi kkonsultata minn fuq il-websajt tal-Ombudsman …); anness 2 “Strateġija tal-Frontex dwar id-Drittijiet Fundamentali”; anness 3 “Pjan ta’ Azzjoni tal-Frontex dwar id-Drittijiet”; anness 4 “Kodiċi tal-Kondotta tal-Frontex”; anness 5 “Stqarrija uffiċjali għall-istampa tal-Frontex għall-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali u l-Forum Konsultattiv”, anness 6 “Avviż dwar post battal ta’ Uffiċjal tal-Frontex għad-Drittijiet Fundamentali”.

Pubblikazzjoni tal-opinjoni tal-Frontex u stedina għall-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet

Wara li kkunsidra l-interess li kien hemm fl-investigazzjoni tiegħu mis-soċjetà ċivili, l-Ombudsman qies li jkun xieraq u tajjeb li l-opinjoni tal-Frontex tkun disponibbli fuq il-websajt tiegħu.[2]

L-Ombudsman jirrejalizza li l-investigazzjoni tiegħu tqajjem għadd ta’ kwistjonijiet tekniċi li l-opinjoni tal-Frontex tindirizza f’ċertu dettall. Barra minn hekk, huwa ferm konxju mill-interess speċifiku li hemm fl-investigazzjoni tiegħu mill-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-Ombudsman jistieden lil partijiet interessati, u b’mod partikolari lil NGOs u organizzazzjonijiet oħrajn speċjalizzati fil-qasam kopert mill-investigazzjoni tiegħu, sabiex jagħmlu osservazzjonijiet dwar l-opinjoni tal-Frontex. Attwalment, dan id-dokument huwa disponibbli biss fil-verżjoni oriġinali tiegħu, jiġifieri bl-Ingliż. Jekk parti interessata titlob dan, l-Ombudsman ser iħejji u jipprovdi traduzzjoni f’lingwi oħrajn tal-UE. Ovvjament, il-kontributi mill-partijiet interessati jistgħu jiġu ppreżentati fi kwalunkwe lingwa msemmija fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-kontributi li jidħlu sejrin ikunu aċċessibbli għall-Frontex u, fuq talba, għal partijiet terzi interessati.

Bħall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, l-Ombudsman irid jaħdem b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u d-dikjarazzjoni tal-missjoni tiegħu tħeġġeġ it-trasparenza. Jekk il-partijiet interessati li jagħtu sehemhom iqisu li isimhom ma għandux jiġi ppubblikat u/jew il-kummenti tagħhom ma għandhomx ikunu aċċessibbli pubblikament, huma mitluba jiddikjaraw dan u jispjegaw ir-raġuni tagħhom meta jibagħtu l-kummenti tagħhom.

X’inhu jfittex l-Ombudsman

L-investigazzjoni attwali tikkonċerna l-implimentazzjoni mill-Frontex tal-obbligi tagħha relatati mad-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, l-Ombudsman ikun tassew interessat li jirċievi rispons minn partijiet interessati, bħal NGOs u organizzazzjonijiet oħrajn speċjalizzati fl-oqsma koperti mill-investigazzjoni tiegħu, dwar it-tweġibiet tal-Frontex għall-mistoqsijiet li għamlilha.

L-investigazzjoni attwali ma għandhiex l-għan li teżamina u ssolvi każijiet individwali li jinvolvu l-obbligi tal-Frontex relatati mad-drittijiet fundamentali. Bla dubju, dawn il-każijiet jistgħu jiġu ppreżentati lill-Ombudsman permezz ta’ lmenti individwali. Fuq il-websajt wieħed jista’ jsib formola ta’ lmenti li tista’ tintuża għal dan il-għan.

Kif tikkontribwixxi

Il-kummenti għandhom jintbagħtu lill-Ombudsman sat-30 ta’ Settembru 2012.


[1] Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2007/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU 2011 L 304, p. 1.

[2] L-Anness 4 tal-opinjoni fih dejta personali, bħall-ismijiet ta’ ċerti uffiċjali tal-Frontex. B’konformità mal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif interpretat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-Artikolu 5 tar-Regolament 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali, id-dejta personali msemmija iktar ’il fuq tħassret, ħlief isem id-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex.