• Lodge a complaint
  • Request for information
60th Rome Treaty anniversaryYour Europe - The portal to on-line European and national public services

L-Ombudsman Ewropew tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni Ewropea

Available languages: bg.es.cs.da.de.et.el.en.fr.ga.hr.it.lv.lt.hu.mt.nl.pl.pt.ro.sk.sl.fi.sv
  • Case: OI/6/2014/NF
    Opened on 12 May 2014 - Recommendation on 29 Jan 2016 - Decision on 14 Nov 2017

L-isfond

Nhar id-19 ta' Diċembru 2013, l-Ombudsman għalqet l-inkjesta tagħha dwar l-ilment 1682/2010/BEH li kien jittratta, fost ħwejjeġ oħra, il-kwestjoni tal-kompożizzjoni ekwilibrata tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni[1]. Jirriżulta mill-inkjesta tal-Ombudsman, mir-rapporti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mill-iskambju fil-qafas tad-djalogu informali dwar il-gruppi tal-esperti bejn il-Kummissjoni u ċerti Membri tal-Parlament (MEP), li seħħ xi progress. B'danakollu, dawn ir-reżokonti jindikaw ukoll problemi persistenti fil-ksib ta' kompożizzjoni ekwilibrata, tant li tleħħen it-tħassib l-aktar dwar il-gruppi tal-esperti mwaqqfin minn Settembru 2012 'il quddiem.

Id-deċiżjoni tat-tnedija tal-inkjesta fuq inizjattiva proprja

Fid-dawl tal-impenn tagħha li żżomm għajnejha miftuħin fuq is-sitwazzjoni, l-Ombudsman iddeċidiet li tiftaħ inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar il-kompożizzjoni tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni.

Portata u objettiv tal-inkjesta fuq inizjattiva proprja

L-inkjesta fuq inizjattiva proprja preżenti tikkonċerna l-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni imma ma tasalx sal-valutazzjoni tal-eżitu ta' dawn il-gruppi.

Filwaqt li l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tiffoka fuq gruppi ta' esperti attivi tal-Kummissjoni mwaqqfin mill-2012 'il quddiem, dan ma jipprekludix lill-Ombudsman milli tifli l-kompożizzjoni tal-gruppi mwaqqfin f'dati anterjuri, kemm-il darba jkollha raġuni għalfejn tagħmel dan.

L-inkjesta fuq inizjattiva proprja tikkonċerna kwestjonijiet sistemiċi. Għalhekk mhix maħsuba li ssolvi każijiet individwali, bħal, ngħidu aħna, każijiet li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta' organizzazzjoni partikolari tas-soċjetà ċivili fi grupp ta' esperti tal-Kummissjoni. B'danakollu, dawn il-każijiet jistgħu, naturalment, jitressqu quddiem l-Ombudsman permezz tal-ilmenti individwali.

L-inkjesta fuq inizjattiva proprja għandha l-objettiv li tinkoraġġixxi u ssostni l-isforzi favur il-ksib ta' kompożizzjoni aktar ekwilibrata tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni.

F'Diċembru 2013, il-Kummissjoni waqqfet qafas ġdid għad-djalogu ċivili fi kwestjonijiet koperti mill-politika agrikola komuni (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/767/UE). Billi l-għażla tal-membri ta' 14-il grupp ta' djalogu ċivili ospitati mid-DG Agrikoltura tal-Kummissjoni bħalissa għaddejja proprju fuq din il-bażi, hu imperattiv li l-Ombudsman timmonitorja l-proċess tal-għażla bl-akbar reqqa. L-Ombudsman għalhekk iddeċidiet li tniedi inkjesta fuq inizjattiva proprja separata u simultanja (OI/7/2014/BEH) dwar il-kwestjoni tal-kompożizzjoni ekwilibrata tal-gruppi ta' djalogu ċivili ospitati mid-DG Agrikoltura. Isegwi li dawn il-gruppi ma humiex koperti mill-inkjesta fuq inizjattiva proprja preżenti.

Konsultazzjoni pubblika - stedina għat-tressiq ta' kontribuzzjonijiet

Sabiex l-istakeholders kollha li għandhom interess fil-kwestjoni jingħataw l-opportunità li jleħħnu fehmiethom, u b'hekk jippermettu lill-Ombudsman tieħu dawk il-fehmiet inkonsiderazzjoni, l-Ombudsman iddeċidiet li tniedi konsultazzjoni pubblika bħala l-ewwel pass għall-inkjesta tagħha  fuq inizjattiva proprja. Meta tirċieva l-fehmiet tal-istakeholders, l-Ombudsman tkun tista' ssawwar l-inkjesta tagħha ħalli tiffoka fuq il-problemi tal-ħajja reali li huma ta' interess dirett għall-partijiet interessati u, bħala tieni pass, ħalli tindirizza lill-Kummissjoni dwar il-kwestjoni.

Il-konsultazzjoni pubblika se tkun fl-24 ilsien uffiċjali tal-UE.

X'qiegħda tfittex l-Ombudsman?

Bi tkomplija mal-kwestjonijiet li l-Uffiċċu tal-Ombudsman ġa indirizza fil-qafas tal-ilment 1682/2010/BEH u billi tibbaża ruħha fuq ir-rapporti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-djalogu informali dwar il-gruppi ta' esperti bejn il-Kummissjoni u xi MEPs, l-Ombudsman tistieden lill-istakeholders kollha li għandhom interess fil-kwestjoni jressqu l-kummenti tagħhom dwar il-lista li ġejja ta' mistoqsijiet:

1. Liema gruppi ta' esperti speċifiċi tal-Kummissjoni tqis li ma għandhomx rappreżentanza ekwilibrata f'oqsma relevanti ta' għarfien espert u ta' interess għall-membri tagħhom? Fil-fehma tiegħek, x'inhu l-kaġun li jwassal għall-kompożizzjoni mhux ekwilibrata tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li inti identifikajt?

2. Ir-regoli orizzontali tal-Kummissjoni dwar il-gruppi ta' esperti jippermettu lill-Kummissjoni taħtar esperti individwali fil-kapaċità personali tagħhom. Fl-esperjenza tiegħek, din il-possibilità twassal għal tħassib f'dak li għandu x'jaqsam ma' kompożizzjoni ekwilibrata ta' gruppi ta' esperti u/jew kunflitti ta' interess?

3. Tqis li l-livell attwali ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-kompożizzjoni tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, b'mod partikolari permezz tar-Reġistru tal-Gruppi ta' Esperti tal-Kummissjoni u Entijiet Simili Oħra, hu biżżejjed? B'mod partikolari, l-informazzjoni li l-Kummissjoni għamlet disponibbli tippermettilek tivverifika liema interessi huma rrappreżentati mill-membri tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni? Jekk le, fejn tara li hemm lok għal titjib? Tqis li l-livell attwali ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħidma tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, b'mod partikolari permezz tal-pubblikazzjoni tal-aġendi u l-minuti, hu biżżejjed?

4. Meta l-Kummissjoni tippubblika s-sejħiet għal applikazzjonijiet għal sħubija ma’ grupp ta' esperti, tqis li dawn is-sejħiet jistpulaw kriterji tal-għażla li jqisu biżżejjed il-ħtieġa ta’ kompożizzjoni ekwilibrata tal-gruppi ta' esperti? Jekk le, fejn tara li hemm lok għal titjib? Fil-fehma tiegħek, il-Kummissjoni tista’ tagħmel aktar biex tqajjem kuxjenza dwar dawn is-sejħiet, bil-ħsieb li tinkoraġġixxi aktar applikazzjonijiet? Jekk iva, liema huma l-passi konkreti li tista' tieħu f'dan is-sens?

5. Għandek xi esperjenza ta' applikazzjoni għal sħubija ma' grupp ta' esperti tal-Kummissjoni? Jekk iva, ħabbatt wiċċek ma' xi problemi matul il-proċess tal-applikazzjoni? Jekk le, taf b'xi problemi bħal dawn li setgħu ħabbtu wiċċhom magħhom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili? Skont l-esperjenza tiegħek, l-ispejjeż marbutin mal-parteċipazzjoni/nuqqas ta' skemi ta' rimborż globali jiskoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili milli japplikaw għas-sħubija?

6. Jekk jogħġbok, agħtina l-fehmiet tiegħek dwar liema miżuri jistgħu jikkontribwixxu għal kompożizzjoni aktar ekwilibrata tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni.

7. Għandek xi kummenti oħrajn?

Kif tikkontribwixxi

Il-kontribuzzjonijiet għandhom jaslu għand l-Ombudsman sal-31 ta’ Awwissu 2014.

B'ittra: European Ombudsman, 1 avenue du Président Robert Schuman, CS 30403, F - 67001 Strasbourg Cedex, France;

Bil-faks: +33 (0)3 88 17 90 62;

B'email: http://www.ombudsman.europa.eu/shortcuts/contacts.faces

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru fi kwalunkwe wieħed mill-24 ilsien uffiċjali tal-UE.

L-Ombudsman għandha l-ħsieb li tinforma lill-Kummissjoni bil-kummenti li tirċievi mingħand il-kontributuri u tista' tiddeċiedi li tippubblikahom online. Il-kontributuri li jqisu li isimhom m'għandux jidher u/jew li l-kummenti tagħhom ma għandhomx isiru pubbliċi, għandhom jiddikjaraw dan u jispjegaw ir-raġunijiet għaliex. Fil-każ tal-aħħar, il-kontributuri huma mistednin jibagħtu taqsira mhux kunfidenzjali li tintbagħat lill-Kummissjoni u li tista' tkun ppubblikata fuq il-website tal-Ombudsman.

 


[1] http://www.ombudsman.europa.eu/cases/decision.faces/en/52942/html.bookmark

Related documents