You have a complaint against an EU institution or body?

Ir-Rapport Annwali tal-2019

Introduzzjoni

Emily O’Reilly, l-Ombudsman Ewropew.
Emily O’Reilly, l-Ombudsman Ewropew.
© picture alliance/Philipp von Ditfurth

Huwa ta’ pjaċir kbir għalina li nippreżentaw il-ħidma tal-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew fl-2019, li jiġbor fih dan ir-Rapport Annwali.

It-trattament tal-ilmenti jibqa’ l-attività prinċipali tal-Uffiċċju tal-Ombudsman. Fl-2019, komplejna nirċievu għadd kbir ta’ lmenti minn membri tal-pubbliku, is-soċjetà ċivili, in-negozji u l-midja. Nemmen li dan ma għandux jitqies bħala sinjal li l-amministrazzjoni tal-UE mhijiex qed tagħti riżultati tajbin iżda, pjuttost, bħala riżultat ta’ għarfien dejjem jiżdied dwar il-ħidma li qed jagħmel l-Uffiċċju tiegħi u l-eżiti pożittivi li nistgħu niksbu.

L-effettività tal-istituzzjonijiet tal-ombudsman tiddependi fuq li jkun hemm relazzjonijiet kostruttivi mal-organizzazzjonijiet li xogħolhom huma jiskrutinizzaw. Għal dan il-għan, jiena nilqa’ b’sodisfazzjon il-kooperazzjoni kontinwa tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE għall-kooperazzjoni tagħhom.

B’mod partikolari, jiena napprezza l-appoġġ kontinwu u r-relazzjoni kostruttiva mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet. F’Jannar 2019, il-Parlament ta l-appoġġ kbir tiegħu għar-Rapport Speċjali dwar ir-responsabbiltà tal-Kunsill u t-trasparenza ta’ kif jittratta l-leġiżlazzjoni.

Kif iddikjarajt qabel, jiena nemmen li din hija kwistjoni kruċjali għall-kredibbiltà tal-UE. Proċess tat-tfassil tal-liġijiet aktar trasparenti jista’ jgħin sabiex jisfaxxaw il-miti li l-gvernijiet nazzjonali jew l-Istati Membri huma sempliċement “dawk li jieħdu l-liġijiet” minn Brussell.

Filwaqt li l-Kunsill għad irid jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-Rapport Speċjali, hemm appoġġ dejjem akbar fost il-gvernijiet tal-Istati Membri għal trasparenza akbar fir-rigward tal-ħidma tal-korpi leġiżlattivi tal-Kunsill.

Abbażi ta’ dan, jien nedejt ukoll għadd ta’ investigazzjonijiet aktar speċifiċi dwar il-proċess ta’ tfassil tal-politika u tal-liġijiet tal-UE. Dawn kienu jinkludu: kif il-Grupp tal-Euro jittratta d-dokumenti li jispjegaw fid-dettall il-ħidma tiegħu, u jekk dawn humiex disponibbli għall-pubbliku; in-nuqqas ta’ trasparenza fid-deċiżjonijiet annwali dwar il-kwoti tas-sajd mill-gvernijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill; u n-nuqqas ta’ għoti ta’ aċċess pubbliku għall-pożizzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali dwar ir-riskju tal-pestiċidi għan-naħal fil-kumitat tal-UE responsabbli għal dan.

Aħna komplejna nagħmlu progress fit-titjib tal-effiċjenza ta’ kif l-Uffiċċju jittratta l-ilmenti. Iż-żmien medju tal-investigazzjonijiet naqas, u l-proċedura rapida (‘Fast-Track’) għat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti wasslet għal riżultati tajbin għall-ilmentaturi.

F’April, aħna ospitajna l-konferenza annwali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen. Il-konferenza saret fil-Parlament Ewropew u, qabel l-elezzjonijiet Ewropej, it-tema ewlenija kienet dwar kif tista’ tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku.

F’Ġunju, jiena kont kuntenta ħafna nippreżenta r-rebbieħa tat-tieni edizzjoni tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba. Il-premju ra 54 proġett ta’ ispirazzjoni nnominati mill-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE, kif ukoll ħafna aġenziji u korpi oħrajn. Il-Premju ġenerali għal Amministrazzjoni Tajba mar għand it-timijiet mill-Kummissjoni Ewropea li ħadmu fuq l-inizjattiva tal-UE biex jitnaqqas it-tniġġis tal-plastik u jiżdied l-għarfien dwar il-problema.

Din hija biss stampa tal-attivitajiet tal-Uffiċċju tiegħi fl-2019, li dan ir-rapport jiddeskrivi f’aktar dettall. Dan huwa wkoll ir-rapport finali tal-ewwel mandat tiegħi bħala Ombudsman. Ninsab onorata li l-Parlament Ewropew, f’Diċembru, eleġġieni biex inservi t-tieni mandat tiegħi.

Fl-2020, ser inkun qed nistabbilixxi l-istrateġija għat-tieni mandat tiegħi bħala Ombudsman. Madankollu, it-temi ġenerali ser jibqgħu l-istess: inkomplu nwasslu r-riżultati għaċ-ċittadini Ewropej u niżguraw li l-istituzzjonijiet tal-UE joperaw fl-ogħla standards amministrattivi, filwaqt li jiġu promossi t-trasparenza u l-etika.

Emily O’Reilly

Emily O’Reilly

1. Daqqa t’għajn lejn l-2019

Jannar

Il-Parlament Ewropew jappoġġja l-proposti tal-Ombudsman dwar it-trasparenza leġiżlattiva tal-Kunsill

Frar

L-Ombudsman tfaħħar ir-rekord tal-UE dwar it-trasparenza tal-Brexit

Marzu

L-Ombudsman tagħmel proposti dwar kif tista’ tittejjeb l-implimentazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE tar-regoli dwar bibien iduru (‘revolving door’)

April

Il-konferenza tan-Netwerk Ewropew tal-Ombdusmen fi Brussell

Mejju

Konferenza stampa annwali – enfasi fuq it-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri

Ġunju

Premju għal Amministrazzjoni Tajba mogħti lill-Kummissjoni Ewropea għall-istrateġija tagħha biex tnaqqas it-tniġġis tal-plastik

Lulju

Deċiżjoni dwar kif l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini tittratta l-laqgħat ma’ kumpaniji farmaċewtiċi

Awwissu

Is-servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jaqbel li jagħti aktar aċċess għall-informazzjoni dwar il-korp konsultattiv, il-Global Tech Panel

Settembru

Rapport Annwali tal-2018 ippreżentat lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Ottubru

L-Ombudsman titlob lill-Kunsill għal trasparenza proattiva dwar id-dokumenti relatati mal-iffissar tal-kwoti annwali tas-sajd

Novembru

L-Ombudsman titkellem waqt il-konferenza li tfakkar l-10 anniversarju tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

Diċembru

Elezzjoni tal-Ombudsman Ewropew

2. Suġġetti ewlenin

L-Ombudsman Ewropew tgħin lill-membri tal-pubbliku meta jkollhom xi kwistjoni mal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Il-problemi li jinqalgħu jvarjaw minn nuqqas ta’ trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet jew ċaħda ta’ aċċess għad-dokumenti għal ksur tad-drittijiet fundamentali u għal kwistjonijiet kuntrattwali.

2.1 Ir-responsabbiltà fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE

Sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt demokratiku tagħhom li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, u sabiex dawk involuti jinżammu responsabbli, id-deliberazzjonijiet leġiżlattivi jridu jkunu trasparenti biżżejjed.

L-Ombudsman għamlet serje ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex itejjeb it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tiegħu. Il-Parlament Ewropew appoġġja bil-qawwa l-proposti tal-Ombudsman fil-bidu tal-2019. L-investigazzjoni u l-appoġġ tagħha wasslu għal aktar riflessjonijiet dwar it-trasparenza fil-Kunsill. Għaxar Stati Membri ħadu l-inizjattiva, billi appoġġjaw bażi ta’ data leġiżlattiva interistituzzjonali, u ssuġġerew li l-linji gwida dwar l-immarkar tad-dokumenti bħala ristretti mill-aċċess pubbliku jiġu aġġornati, u li l-eżitu tan-negozjati dwar l-abbozzi ta’ liġijiet jiġi ppubblikat b’mod proattiv. L-Ombudsman laqgħet b’sodisfazzjon id-dokument informali li nnota li “huwa importanti li tiġi rikonoxxuta r-rabta bejn in-nuqqas ta’ fehim u involviment taċ-ċittadini, minn naħa waħda, u n-nuqqas ta’ fiduċja korrispondenti, min-naħa l-oħra, li jistgħu jkebbsu kultura kontra l-UE”.

European Ombudsman

Risk assessment of pesticides on bees - public access to Member State positions: we have received over 400 messages in support of our inquiry.

We appreciate the encouragement!

Following reply from @EU_Commission, we are considering next steps.

https://europa.eu/!mN68Xq

Bees

Valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi għan-naħal – aċċess pubbliku għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri: aħna rċevejna aktar minn 400 messaġġ li jappoġġjaw l-investigazzjoni tagħna. Aħna napprezzaw l-inkoraġġiment! Wara t-tweġiba mill-Kummissjoni Ewropea, qegħdin nikkunsidraw il-passi li jmiss.

Il-mod kif il-gvernijiet nazzjonali jieħdu d-deċiżjonijiet fi Brussell kien il-punt fokali ta’ bosta investigazzjonijiet oħrajn tal-Ombudsman. Wara lment li sar mill-grupp Franċiż tas-soċjetà ċivili POLLINIS, l-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni biex tagħmel disponibbli l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-gwida għall-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi għan-naħal. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fasslet il-gwida fl-2013, iżda din għad trid tiġi adottata minħabba nuqqas ta’ qbil fost l-awtoritajiet nazzjonali. L-Ombudsman innotat li l-għoti ta’ aċċess usa’ għal dawn id-dokumenti huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ibbażat fuq it-Trattat li jipparteċipaw fil-proċess demokratiku tal-UE. Il-Kummissjoni rrifjutat li ssegwi s-suġġeriment tal-Ombudsman, iżda qalet li ser tkompli tirrifletti fuq kif tista’ tiżgura aktar trasparenza f’deċiżjonijiet bħal dawn. L-Ombudsman għalqet il-każ, filwaqt li kkonfermat is-sejba tagħha ta’ amministrazzjoni ħażina, u ddikjarat li kienet ser tkompli tissorvelja l-progress mill-qrib.

Ilment mill-NGO ClientEarth wassal lill-Ombudsman biex titlob lill-Kunsill iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dokumenti relatati mad-deċiżjonijiet annwali tal-Istati Membri dwar il-kwoti tas-sajd. Dawn id-deċiżjonijiet jistabbilixxu l-qabdiet totali permissibbli (TACs) ta’ ċerti stokkijiet ta’ ħut fil-Grigal tal-Atlantiku. Fil-valutazzjoni tagħha tal-każ, l-Ombudsman kitbet li biex tiġi żgurata r-responsabbiltà “huwa essenzjali li l-pubbliku jkollu aċċess għad-diversi għażliet u pożizzjonijiet li qed jiġu diskussi”.

European Ombudsman

@mariofcenteno agrees to improve #Eurogroup #transparency after our request.

We welcome that he will make public:

• agendas well ahead of meetings

• more info in summing-up notes

• Euro Working Group meeting dates

•…

More: https://europa.eu/!GU99mp

Meeting

Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno jaqbel li tittejjeb it-trasparenza fl-istituzzjoni tiegħu wara t-talba tagħna.

Aħna nilqgħu b’sodisfazzjon li huwa ser jippubblika: l-aġendi ferm qabel il-laqgħat; aktar informazzjoni fin-noti fil-qosor; id-dati tal-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Grupp tal-Euro …

F’nofs l-2019, l-Ombudsman dawret l-attenzjoni tagħha lejn il-korpi li jħejju l-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, fejn jiltaqgħu l-ministri għall-finanzi taż-żona tal-euro. Hija talbet lill-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno biex jieħu approċċ aktar ambizzjuż għat-trasparenza tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Grupp tal-Euro. B’rispons għal dan, il-ministri għall-finanzi taż-żona tal-euro qablu li l-abbozzi tal-aġendi tal-laqgħat tal-Grupp tal-Euro ser jiġu ppubblikati bil-quddiem aktar kmieni minn qabel u li l-ittra li tiġbor fil-qosor il-laqgħat ser tkun aktar dettaljata.

Huma qablu wkoll li d-dati tal-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Grupp tal-Euro jiġu ppubblikati u li s-sit web tiegħu jipprovdi aktar informazzjoni dwar dak li jagħmel il-grupp ta’ ħidma.

Parti mir-rwol ta’ ombudsman hija li jiġi żgurat li jinżammu l-istandards u li l-impenji minn amministrazzjoni biex ittejjeb l-oqsma tax-xogħol tagħha fil-fatt jitwettqu. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ investigazzjonijiet ibbażati fuq ilmenti jew inkella l-ombudsman tista’ taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess biex issegwi investigazzjonijiet preċedenti.

Eżempju wieħed ta’ dan fil-ħidma tal-Ombudsman kien jikkonċerna gruppi ta’ esperti, li jagħtu pariri speċjalizzati lill-Kummissjoni f’diversi oqsma ta’ politika. Fl-2017, l-Ombudsman wettqet analiżi ewlenija tas-sistema ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni, li wasslet għal titjib importanti fit-trasparenza. Madankollu, l-Ombudsman sussegwentement irċeviet ilment li jikkonċerna l-informazzjoni magħmula disponibbli mill-Kummissjoni dwar il-Kumitat tal-Programm “As-If” għar-Riċerka dwar id-Difiża, li jagħti pariri lill-Kummissjoni fuq ir-riċerka dwar id-difiża. L-ilmentatur, NGO imsejħa Vredesactie, sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx għamlet disponibbli xi informazzjoni importanti dwar il-grupp, bħall-minuti ta’ laqgħa u kummenti minn parteċipanti fil-laqgħat preċedenti. Fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-Ombudsman, il-Kummissjoni aġġornat ir-reġistru billi żiedet l-aġendi u l-minuti tal-laqgħat, u impenjat ruħha li tevita li jkun hemm dewmien fil-ġejjieni. Hija qablet ukoll li tivvaluta liema dokumenti ta’ sfond jistgħu jiġu ppubblikati fir-reġistru.

European Commission

Transparency in the #Brexit negotiations is one of our priorities.

@EUombudsman has commended our work including the publication of 100+ negotiating documents, making @MichelBarnier‘s calendar publicly available, and meeting only registered lobbyists.

https://ombudsman.europa.eu/en/press-release/en/109859…

Graph Transparency Brexit

It-trasparenza fin-negozjati tal-Brexit hija waħda mill-prijoritajiet tagħna. L-Ombudsman Ewropew faħħret il-ħidma tagħna, inkluża l-pubblikazzjoni ta’ aktar minn 100 dokument ta’ negozjati, id-disponibbiltà għall-pubbliku tal-kalendarju ta’ Michel Barnier u l-laqgħat ma’ lobbisti rreġistrati biss.

L-Ombudsman għalqet inizjattiva fuq medda ta’ sentejn li tissorvelja n-negozjati tal-Brexit billi faħħret il-livell ġeneralment għoli ta’ trasparenza. Hija ħeġġet lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iżommu dawn l-istandards fi kwalunkwe negozjati futuri dwar ir-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. Passi pożittivi meħuda mit-Task Force tal-Kummissjoni dwar il-Brexit jinkludu l-pubblikazzjoni ta’ aktar minn 100 dokument ta’ negozjati, li l-kalendarju tal-Kap Negozjatur isir disponibbli għall-pubbliku u li jsiru laqgħat ma’ lobbisti rreġistrati biss. It-Task Force kellha proċess ta’ ħidma trasparenti, li kien iddeterminat mill-Kunsill Ewropew.

2.2 It-trasparenza fil-lobbjar

F’analiżi ewlenija ta’ kif il-Kummissjoni Ewropea timplimenta r-regoli tagħha dwar bibien iduru (‘revolving doors’), l-Ombudsman sabet li hija naqset f’xi aspetti ewlenin. Għalhekk, hija għamlet għadd ta’ proposti biex jiġi żgurat approċċ aktar sistematiku u effettiv biex jiġu ttrattati l-persuni li qabel kienu membri tal-persunal li jidħlu fis-settur privat jew il-persuni li jitilqu mis-settur privat biex jidħlu fil-Kummissjoni. L-għan tal-Ombudsman huwa li jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal-lobbjar ta’ eks kollegi jew l-aċċess mhux xieraq għal informazzjoni kunfidenzjali. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timplimenta ħafna mill-proposti tal-Ombudsman. Dawn kienu jinkludu li l-persuna li tiċċaqlaq lejn is-settur privat tintalab tipprovdi aktar informazzjoni dwar l-organizzazzjoni li tkun sejra fiha, flimkien ma’ aktar dettalji dwar in-natura tal-impjieg ġdid tagħha.

Aidan O’Sullivan

In 2015 @EUombudsman urged @JunckerEU for more transparency on assessments of new Commissioner jobs. Today it was implemented for first time…

https://ombudsman.europa.eu/en/correspondence/en/60612

Fl-2015, l-Ombudsman Ewropew ħeġġet lill-president tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, għal aktar trasparenza dwar il-valutazzjonijiet tal-impjiegi l-ġodda tal-Kummissarju. Illum ġiet implimentata għall-ewwel darba.

L-Ombudsman eżaminat ukoll it-trasparenza tal-“korpi konsultattivi” li jinfluwenzaw l-iżvilupp tal-politika tal-UE. Din l-investigazzjoni kienet tikkonċerna l-“Grupp ta’ Personalitajiet” li twaqqaf mill-Kummissjoni biex jgħin fl-għoti ta’ pariri dwar kif l-UE tista’ tappoġġja r-riċerka relatata mal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni. NGO, imsejħa ‘European Network Against Arms Trade’ (Netwerk Ewropew Kontra l-Kummerċ tal-Armi), ilmentat mal-Ombudsman dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-Grupp ta’ Personalitajiet. L-Ombudsman sabet li, minħabba l-iskop tal-grupp, hija għandha tapplika l-istess standards ta’ trasparenza bħall-“gruppi ta’ esperti” tipiċi, li jagħtu pariri lill-Kummissjoni dwar il-politika. Il-Kummissjoni wieġbet b’mod pożittiv, fejn impenjat ruħha li tippubblika l-aġendi tal-laqgħat, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti għall-grupp preċedenti, u wiegħdet li, għal kwalunkwe grupp bħal dan fil-ġejjieni, tapplika l-istess standards ta’ trasparenza bħall-gruppi ta’ esperti.

Wara investigazzjoni bbażata fuq l-ilmenti, l-Ombudsman talbet lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-UE biex iżomm rekord sħiħ ta’ kwalunkwe laqgħa bejn il-lobbisti u l-President tal-Kunsill Ewropew u/jew il-membri tal-kabinett tiegħu. Hija qalet ukoll li l-membri tal-kabinett tal-President għandhom jiltaqgħu biss ma’, jew jattendu avvenimenti organizzati minn, rappreżentanti interessati li huma rreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza.

European Ombudsman

We welcome @eucopresident publication of meetings with lobbyists, however next #EUCO President should also publish their cabinet’s meetings with lobbyists https://europa.eu/!Yx74PC

Aħna nilqgħu b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-laqgħat tal-President tal-Kunsill Ewropew mal-lobbisti; madankollu, il-President tal-Kunsill Ewropew li jmiss għandu jippubblika wkoll il-laqgħat tal-kabinett tagħhom mal-lobbisti.

2.3 Aċċess għad-dokumenti

Kif kien il-każ għal bosta snin, l-akbar proporzjon ta’ investigazzjonijiet jikkonċernaw it-trasparenza, inkluż l-aċċess għal każijiet ta’ dokumenti. Dawn l-ilmentaturi qed ifittxu dokumenti li jvarjaw minn minuti ta’ laqgħat għal opinjonijiet legali u dokumenti preparatorji. Meta jikkunsidra dawn l-investigazzjonijiet, l-Ombudsman iqis jekk hemmx interess pubbliku prevalenti favur l-għoti ta’ aċċess pubbliku jew jekk hemmx fatturi oħrajn li jissuperaw dan, bħal meta d-dokumenti jkunu relatati ma’ investigazzjoni li tkun għaddejja minn istituzzjoni.

Akkademiku ressaq ilment quddiem l-Ombudsman wara li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) żammet l-aċċess għal ċerti dokumenti dwar il-laqgħat li kellha ma’ rappreżentanti tal-industrija dwar kwistjoni partikolari. L-Ombudsman eżaminat il-kwistjoni u sabet li l-ESMA żammet noti interni dwar dawn il-laqgħat, li suppost kellha tikkunsidra li tiddivulga. L-ESMA mbagħad ħarġet parzjalment tmien dokumenti. L-Ombudsman talbet li, fil-ġejjieni, l-ESMA tindika jekk il-librerija online tagħha ta’ informazzjoni għall-pubbliku fihiex rekords dettaljati tal-laqgħat tagħha mal-lobbisti.

Każ ieħor kien jikkonċerna dokumenti relatati ma’ laqgħat bejn il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-lobbisti. Wara li l-Kummissjoni naqset li twieġeb it-talba għal sitt xhur, l-ilmentatur irrikorra għall-Ombudsman. Wara li l-Ombudsman fetħet investigazzjoni, il-Kummissjoni mbagħad tat aċċess parzjali għad-dokumenti, u b’hekk ippermettiet lill-Ombudsman tagħlaq il-każ.

F’serje ta’ investigazzjonijiet oħrajn, l-Ombudsman sabet li għandu jingħata aċċess pubbliku għad-dokumenti mitluba. Dawn kienu jinkludu l-opinjoni legali tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew; rapport mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – li sar mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – dwar kif il-flus mislufa lill-produttur Ġermaniż tal-karozzi Volkswagen intużaw biex jagħmlu apparati li pproduċew riżultati qarrieqa fit-testijiet tal-emissjonijiet; u dokumenti tal-Parlament Ewropew relatati mar-reviżjoni tal-lista ta’ spejjeż li jistgħu jiġu koperti minn pagamenti ta’ kwoti lill-Membri tal-Parlament Ewropew.

2.4 Id-drittijiet fundamentali

L-Ombudsman tirċievi regolarment ilmenti dwar drittijiet fundamentali bħall-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u d-dritt li persuna tinstema’.

L-Ombudsman ittrattat każ li jikkonċerna l-mod kif l-interpreti u l-intervistaturi tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) jagħmlu intervisti ma’ dawk li jfittxu l-asil. L-ilmentatur, l-NGO Advocates Abroad, qajmet tħassib serju dwar intervista speċifika ma’ persuna li kienet qed tfittex l-asil, li sussegwentement ġiet deportata. L-EASO rrikonoxxa li l-intervistatur segwa linja ta’ interrogazzjoni mhux xierqa u li kien hemm problemi bl-interpretu.

B’rispons għal dan, l-EASO qal li ser iwaqqaf mekkaniżmu ta’ lmenti, pass li ntlaqa’ b’sodisfazzjon mill-Ombudsman, li min-naħa tagħha qalet li l-mekkaniżmu għandu jiddaħħal fis-seħħ mill-aktar fis possibbli. Sabiex jiġu evitati problemi simili fil-ġejjieni, l-Ombudsman talbet lill-EASO biex jinforma minnufih u sistematikament lill-awtoritajiet nazzjonali jekk jiskopri li jkunu saru żbalji sinifikanti matul l-intervisti ma’ persuni li jfittxu l-asil.

Każ ieħor kien jikkonċerna kif il-Kummissjoni ttrattat ilment dwar ksur possibbli mill-Italja fir-rigward tad-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali u l-kundizzjonijiet tad-djar tan-nies tar-Rom. L-ilmentatur, Amnesty International, ressaq il-kwistjoni quddiem il-Kummissjoni fl-2012. Sussegwentement, il-Kummissjoni fetħet proċedura “EU Pilot” biex tinvestiga l-kwistjoni. Wara kważi sitt snin, il-Kummissjoni kienet għadha ma ħaditx deċiżjoni dwar jekk għandhiex tniedi proċedimenti formali ta’ ksur kontra l-Italja — dewmien li ġiegħel lill-NGO tressaq il-kwistjoni quddiem l-Ombudsman. L-Ombudsman sabet li d-dewmien kien ġustifikat, iżda ħeġġet lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli.

Wara l-informazzjoni li rċeviet mingħand membri tal-persunal, l-Ombudsman kitbet lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinformawha dwar il-politiki interni tagħhom rigward id-drittijiet tal-liv tal-membri tal-persunal li jsiru ġenituri permezz tal-maternità surrogata. L-inizjattiva kellha l-għan li tgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE jipproteġu l-aħjar interessi tat-tfal fil-politiki tal-persunal tagħhom. Il-membri tal-persunal li kkuntattjaw lill-Ombudsman ġibdu l-attenzjoni għal inkonsistenzi bejn l-istituzzjonijiet differenti tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-liv għall-membri tal-persunal li jsiru ġenituri permezz tal-maternità surrogata.

Dan Merly-Sobovitz

Thank you @EUombudsman for taking a moral stance on equality of #LGBT & #surrogacy children. Unfortunately this Strategic Investigation is too late for my children but I hope it will pave the way for future #RainbowFamilies #LoveIsLove

Grazzi, Ombudsman Ewropew, talli ħadt pożizzjoni morali dwar l-ugwaljanza tal-persuni LGBT u tat-tfal minn maternità surrogata. Sfortunatament, din l-Investigazzjoni Strateġika hija tard wisq għat-tfal tiegħi, iżda nittama li ser twitti t-triq għall-ġejjieni.

Il-Kummissjoni wieġbet li, mill-2012, il-prattika standard tagħha kienet li tagħti, fuq bażi ad hoc, liv ta’ 20 ġimgħa, l-istess bħal dak li jingħata lill-membri tal-persunal li jsiru ġenituri permezz tal-adozzjoni. Hija ddikjarat li għandha l-ħsieb li tifformalizza din il-prattika. Il-Kunsill wieġeb li ser isegwi l-prattika tal-Kummissjoni, filwaqt li l-Parlament qal li kien lest jidħol fi djalogu interistituzzjonali biex isib approċċ komuni għall-kwistjoni.

Investigazzjoni oħra wasslet biex il-Kummissjoni tbiddel il-prattika tagħha għall-valutazzjoni tal-kwalifiki akkademiċi. Il-bidla ġiet wara lment dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta applikazzjoni għal traineeship minħabba li l-persuna kienet kisbet il-grad ta’ baċellerat tagħha fi żmien sentejn minflok tliet snin. Filwaqt li l-investigazzjoni kienet għadha għaddejja, il-Kummissjoni aċċettat l-ilmentatur għall-proċedura tal-għażla u issa qed taċċetta applikanti li kisbu lawrja standard ta’ baċellerat f’anqas minn tliet snin.

European Ombudsman

@EU_Commission changed its practice for assessing academic qualifications of #EUtrainees.

Do you have a three-year degree obtained in less than three years? You are now eligible to apply!

Read more about @EUombudsman‘s decision here: https://europa.eu/!gu43Yu

EU trainees

Il-Kummissjoni Ewropea biddlet il-prattika tagħha għall-valutazzjoni tal-kwalifiki akkademiċi tal-applikanti għal traineeship.

Għandek lawrja ta’ tliet snin miksuba f’anqas minn tliet snin? Issa inti eliġibbli biex tapplika!

2.5 Kwistjonijiet etiċi

L-amministrazzjoni pubblika tal-UE għandha ħafna regoli fis-seħħ biex tipprevjeni kunflitti ta’ interess jew ksur etiku ieħor. L-Ombudsman għandha r-rwol li tiżgura li r-regoli jiġu implimentati, kif ukoll li tgħin lill-istituzzjonijiet jevitaw kwalunkwe perċezzjoni li jista’ jkun hemm żelqiet etiċi.

L-NGO foodwatch ilmentat mal-Ombudsman dwar l-isponsorizzazzjoni korporattiva tal-Presidenza Rumena tal-UE. L-Ombudsman talbet lill-Kunsill biex jikkunsidra li jemenda l-linji gwida tiegħu għal Stati Membri li għandhom presidenzi tal-UE biex jindirizzaw il-kwistjoni ta’ sponsorizzazzjoni privata.

Investigazzjoni dwar ir-rifjut tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) li tagħti aċċess pubbliku għad-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-persunal tal-maniġment intermedju tagħha wasslet biex l-EFSA tadotta politika ġdida ta’ trasparenza. Skont il-politika riveduta, id-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-ġestjoni operattiva kollha tagħha jiġu magħmula disponibbli għall-pubbliku. L-EFSA segwiet ukoll it-talba tal-Ombudsman li tippubblika d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-Kap Xjenzjat, tal-Koordinatur tax-Xjenza Superjuri u tal-Konsulent tal-Politika Superjuri tagħha. L-Ombudsman kienet kuntenta tinnota li l-EFSA għandha wkoll fis-seħħ sistema xierqa għall-ipproċessar tat-talbiet ta’ aċċess għad-dokumenti.

L-Ombudsman ikkonfermat is-sejba tagħha li l-proċess li wassal għall-ħatra tal-ogħla impjegat taċ-ċivil tal-Kummissjoni kien mgħarraq minn erba’ każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina. Hija talbet lill-Kummissjoni biex timplimenta proċedura speċifika għall-ħatra tas-Segretarju Ġenerali tagħha biex tevita li tirrepeti ruħha sitwazzjoni simili. Dan għandu jinkludi l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ post battal u t-tqegħid tal-ħatra fuq l-aġenda tal-laqgħa ta’ kull ġimgħa tal-Kummissarji kmieni biżżejjed bil-quddiem sabiex tkun tista’ tiġi diskussa sewwa. Lejn l-aħħar tal-2019, il-Kummissjoni għamlet kif irrakkomandat l-Ombudsman, billi bdiet proċedura speċifika għall-ħatra tal-kariga ta’ Segretarju Ġenerali, li tinkludi avviż ta’ post battal u skeda ta’ żmien definita sewwa.

2.6 L-aġenziji u korpi oħrajn tal-UE

Matul is-snin, l-Ombudsman wettqet bosta investigazzjonijiet li jinvolvu lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) fi sforz biex ittejjeb it-trasparenza fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw is-saħħa pubblika. Dan wassal għal trasparenza akbar f’oqsma bħall-provi kliniċi. Abbażi ta’ din il-kooperazzjoni tajba mal-EMA, l-Ombudsman fetħet investigazzjoni fuq inizjattiva proprja dwar kif l-EMA tinvolvi ruħha ma’ kumpaniji farmaċewtiċi qabel ma japplikaw għal awtorizzazzjonijiet biex jikkummerċjalizzaw il-mediċini tagħhom. L-investigazzjoni, li kienet tinkludi wkoll konsultazzjoni pubblika, wasslet biex l-EMA tintroduċi miżuri li jtejbu l-indipendenza u l-oġġettività tal-proċess. L-EMA qablet li tintroduċi reġistru tal-pariri xjentifiċi dwar il-mediċini fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni tas-suq. Dawn il-pariri ser jiġu ppubblikati ladarba l-mediċina tiġi approvata għall-bejgħ fl-Ewropa. L-EMA qalet ukoll li, kemm jista’ jkun possibbli, l-esperti li huma involuti b’mod prominenti fil-konsulenza ta’ kumpaniji farmaċewtiċi fil-fażi tal-applikazzjoni qabel it-tqegħid fis-suq mhux ser ikunu dawk li jabbozzaw ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-EMA għal mediċina ġdida.

The Consumer Voice

Great that @EMA agrees to make scientific advice on medicines more transparent & independent. To truly boost consumers’ trust in medicines, reports about interactions between the EMA and pharma companies must go in to the details, as we’ve asked before (http://bit.ly/2KRoNVe)

Hija xi ħaġa mill-aqwa li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini taqbel li tagħmel il-parir xjentifiċi dwar il-mediċini aktar trasparenti u indipendenti. Sabiex tassew tingħata spinta lill-fiduċja tal-konsumaturi fil-mediċini, ir-rapporti dwar l-interazzjonijiet bejn l-EMA u l-kumpaniji farmaċewtiċi jridu jidħlu fid-dettalji, kif tlabna qabel.

Kumpanija Spanjola ressqet ilment quddiem l-Ombudsman wara li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) naqset milli twieġeb għall-mistoqsijiet li ressqet meta kienet qed tħejji l-offerta tagħha għal kuntratt biex torganizza avveniment, filwaqt li l-ENISA kienet wieġbet għall-mistoqsijiet minn offerent ieħor. L-Ombudsman sabet amministrazzjoni ħażina u rrakkomandat li l-ENISA tikkumpensa lill-ilmentatur għaż-żmien u r-riżorsi investiti fit-tħejjija tal-offerta tagħha. L-ENISA aċċettat il-proposta tal-Ombudsman u offriet lill-kumpanija pagament ‘ex-gratia’ ta’ EUR 2 500. L-ilmentatur kien sodisfatt bl-eżitu u l-Ombudsman għalqet il-każ.

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kien is-suġġett ta’ lment wara li rrifjuta li jagħti aċċess pubbliku sħiħ għad-dokumenti li jikkonċernaw il-Global Tech Panel, bord li jlaqqa’ flimkien mexxejja mid-dinja tat-teknoloġija, tas-soċjetà ċivili u tad-diplomazija biex jindirizzaw sfidi globali. Ġurnalist investigattiv kien talab għal aċċess għad-dokumenti kollha relatati mal-bord. Huwa rrikorra għall-Ombudsman minħabba li s-SEAE, filwaqt li ta aċċess għal erba’ dokumenti, għatta bl-iswed partijiet konsiderevoli tad-dokumenti. F’pass milqugħ b’sodisfazzjon mill-Ombudsman, is-SEAE qabel li jiddivulga aktar mill-kontenut tad-dokumenti.

European Ombudsman

We welcome @EU_EEAS decision to grant an investigative journalist increased access to #GlobalTechPanel documents, as a result of one of our inquiries.

https://europa.eu/!MB76Rn

Monde

Aħna nilqgħu b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li jagħti lil ġurnalist investigattiv aċċess akbar għad-dokumenti tal-Global Tech Panel, bħala riżultat ta’ waħda mill-investigazzjonijiet tagħna.

2.7 Il-kuntratti u l-għotjiet tal-UE

Kull sena l-Ombudsman tittratta diversi każijiet dwar kif il-Kummissjoni amministrat proġetti ffinanzjati mill-UE, ġeneralment abbażi ta’ kwistjonijiet wara awditi li jkunu saru. Jekk tiġi żvelata problema minn awditu, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tirkupra l-fondi. Madankollu, xi drabi, minħabba nuqqas ta’ ftehim jew żbalji fl-awditu, l-irkupru tal-fondi jista’ ma jkunx ġustifikat. L-Ombudsman tinsab f’pożizzjoni tajba li tgħin biex jinstabu soluzzjonijiet f’każijiet bħal dawn, minħabba li għandha s-setgħa li tispezzjona d-dokumenti kollha relatati.

Kumpanija Ġermaniża rrikorriet għall-Ombudsman wara li l-Kummissjoni rkuprat madwar EUR 100 000 mingħandha. Bejn l-2010 u l-2014, il-kumpanija pparteċipat fi proġett iffinanzjat mill-UE fin-Namibja, li kellu l-għan li jiżviluppa l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali tan-Namibja li jamministraw il-fondi u l-programmi tal-UE. Il-Kummissjoni rkuprat il-flus wara li awditu li sar qies l-ispejjeż relatati mal-persunal bħala ineliġibbli, minħabba li xi impjegati ma kellhomx il-kwalifiki korretti u xi wħud ħadmu fil-btajjel pubbliċi, bi ksur tal-liġi tan-Namibja. L-Ombudsman indikat li għalkemm il-kuntratt kien irrakkomanda li l-impjegati jkollhom kwalifiki bħal dawn, dan ma kienx rekwiżit. Wara l-intervent tal-Ombudsman, il-Kummissjoni ħallset is-somma ta’ EUR 97 461 lill-ilmentatur.

Każ ieħor kien jikkonċerna kif il-Kummissjoni Ewropea ttrattat awditu tan-nefqa ddikjarata fi tliet proġetti ffinanzjati mill-UE. Il-Kummissjoni talbet lill-ilmentatur biex jipprovdi aktar evidenza biex jissostanzja l-ispejjeż għall-persunal u għal attivitajiet oħrajn. Hija mbagħad iddeċidiet li titlob lura l-ispejjeż tal-persunal minħabba li sabet li d-dokumenti addizzjonali ppreżentati mill-ilmentatur ma pprovdewx informazzjoni affidabbli biżżejjed. L-Ombudsman sabet li l-Kummissjoni kienet aġixxiet b’mod sproporzjonat billi rrifjutat l-ispejjeż kollha tal-persunal. Sabiex jiġi evitat li jseħħu każijiet simili fil-ġejjieni, hija talbet lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi lista ċara ta’ dokumenti li jistgħu jservu bħala evidenza alternattiva affidabbli, f’każ li s-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin li tintuża minn organizzazzjoni li twettaq proġett jew kuntratt sussegwentement tinstab li mhijiex affidabbli minn awditu.

L-Ombudsman tista’ tinvestiga wkoll problemi bil-proċeduri ta’ akkwist. Każ wieħed kien jikkonċerna l-proċedura ta’ akkwist għal kuntratt iffinanzjat mill-UE, ġestit mid-Delegazzjoni tal-UE fil-Bolivja. Id-delegazzjoni qalet lill-ilmentatur, ditta ta’ konsulenza Ġermaniża, li hija kienet ingħatat il-kuntratt, iżda li dan ma kienx ser jiġi ffirmat qabel ma jkun għadda perjodu ta’ “waqfien” obbligatorju ta’ sebat ijiem. L-ilmentatur ġie mgħarraf li, jekk l-informazzjoni li waslet matul il-perjodu ta’ waqfien kienet tiġġustifika eżami aktar dettaljat tal-offerti, din tiġi nnotifikata minnufih. Xahar wara, id-delegazzjoni għarrfet lill-ilmentatur li kienet għażlet kumpanija li l-offerta tagħha kienet oriġinarjament miċħuda. L-Ombudsman sabet li ma kienx hemm amministrazzjoni ħażina fil-mod kif id-delegazzjoni evalwat l-offerta li oriġinarjament kienet ġiet irrifjutata. Madankollu, hija kienet tal-fehma li d-delegazzjoni suppost kellha tinforma lill-ilmentatur li kienet irċeviet informazzjoni mingħand offerent ieħor matul il-perjodu ta’ waqfien li jista’ jkollu impatt fuq l-għoti tal-kuntratt. Fuq talba tal-Ombudsman, id-delegazzjoni qalet li hija ser tikkumpensa lill-ilmentatur għaż-żmien u r-riżorsi użati, wara l-perjodu ta’ waqfien, fuq it-tħejjija ta’ dokumenti ta’ sostenn għall-offerta.

2.8 Il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politika tal-UE

L-Ombudsman tinsisti fuq id-dritt taċ-ċittadini li jkunu involuti fil-proċess demokratiku tal-UE, pereżempju billi jieħdu sehem f’konsultazzjonijiet pubbliċi, jew isibu informazzjoni dwar politiki jew liġijiet. In-nies jistgħu jagħmlu dan biss jekk iħossu li l-amministrazzjoni pubblika tal-UE qed taħdem għalihom ukoll. Dan jimplika li l-pubbliku għandu jkun jista’ jikkomunika b’mod effettiv mal-amministrazzjoni tal-UE bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE.

Għal dan il-għan, l-Ombudsman fasslet abbozzi ta’ linji gwida dwar l-użu tal-lingwi fuq is-siti web tal-istituzzjonijiet tal-UE, abbażi tal-286 tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika tagħha dwar il-kwistjoni. Il-linji gwida ntbagħtu lil firxa ta’ korpi tal-UE għall-kummenti, li ħafna minnhom wieġbu qabel l-aħħar tas-sena. L-Ombudsman għandha l-għan li tiffinalizza l-linji gwida fl-ewwel parti tal-2020. Dawn jinkludu proposti li l-istituzzjonijiet ikollhom politika lingwistika speċifika, li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jirċievu tweġiba bl-istess lingwa uffiċjali tal-UE li jkunu użaw biex kitbu lil istituzzjoni, u li l-istituzzjonijiet jikkunsidraw l-użu ta’ traduzzjoni awtomatika, fejn possibbli.

European Ombudsman

Our multilingual staff is ready to help you in any of the EU’s 24 languages. Happy European day of languages!

Multilinguism

Il-membri tal-persunal multilingwi tagħna huma lesti biex jgħinuk bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa tal-UE. Awguri fil-jum Ewropew tal-lingwi!

L-Ombudsman użat ukoll investigazzjonijiet ibbażati fuq ilmenti biex tippromwovi l-għan li jiġi żgurat li l-lingwi uffiċjali tal-UE jintużaw kemm jista’ jkun mill-istituzzjonijiet. Negozju żgħir fi Franza lmenta mal-Ombudsman li l-paġni web tal-Kummissjoni dwar “ikel ġdid” – tipi ta’ ikel li jiġu prodotti b’metodi ġodda – kienu bl-Ingliż biss. Matul l-investigazzjoni tal-Ombudsman, il-Kummissjoni bdiet tittraduċi f’aktar lingwi l-informazzjoni dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel ġdid. Il-paġni web ġew riveduti wkoll biex jinkludu l-informazzjoni li l-applikazzjonijiet jistgħu jitressqu bi kwalunkwe lingwa tal-UE.

3. Komunikazzjoni u kooperazzjoni

3.1 Il-Komunikazzjoni

Videos
L-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly, għamlet filmat li jħeġġeġ liċ-ċittadini biex jivvotaw fl-Elezzjonijiet Ewropej f’Mejju 2019.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman saħħaħ il-komunikazzjonijiet online tiegħu fl-2019 billi uża l-paġna ewlenija tas-sit web tal-Ombudsman Ewropew biex jenfasizza l-investigazzjonijiet konklużi b’suċċess. L-istorja ewlenija fuq is-sit web tiġi aġġornata fuq bażi regolari biex jiġu ppreżentati aġġornamenti relatati ma’ investigazzjoni tal-Ombudsman. Dan jagħti lill-pubbliku informazzjoni li tinftiehem faċilment dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman. Eżempji jinkludu storja dwar il-miżuri meħuda mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini b’rispons għal investigazzjoni tal-Ombudsman, li l-pariri xjentifiċi dwar il-mediċini jsiru aktar trasparenti u indipendenti, u messaġġ li jirringrazzja lil mijiet ta’ persuni li kkuntattjaw lill-Ombudsman biex jesprimu appoġġ u inkoraġġiment għal investigazzjoni speċifika.

L-attivitajiet tal-Ombudsman fuq Twitter, LinkedIn u Instagram żdiedu wkoll. L-Uffiċċju juża dawn il-mezzi tal-midja soċjali biex jipprovdi l-informazzjoni b’mod ċar u attraenti dwar dak li jagħmel l-uffiċċju, lil min jgħin u l-kisbiet tiegħu. Il-mezzi tal-midja soċjali ġibdu wkoll l-attenzjoni għar-rwol tal-Ombudsman fuq kwistjonijiet usa’, bħal fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, u ngħaqdu mal-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE biex jiċċelebraw dati sinifikanti, bħall-10 anniversarju tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Fl-2019, l-aktar mezz li kien qed jikber malajr kien l-Instagram. L-udjenza kibret b’47 % matul is-sena. Fuq LinkedIn, l-għadd ta’ segwaċi żdied b’21 %, filwaqt li fuq Twitter, fejn l-uffiċċju għandu l-akbar udjenza, l-għadd ta’ segwaċi żdied minn 22 600 fl-aħħar tal-2018 għal 26 300 f’Diċembru 2019, li jirrappreżenta żieda ta’ 16 %.

L-avveniment ewlieni tal-komunikazzjonijiet offline għall-Ombudsman huwa l-konferenza stampa annwali li matulha l-Ombudsman tippreżenta r-rapport annwali tas-sena ta’ qabel u tħabbar investigazzjonijiet sinifikanti ġodda. Fl-2019, il-konferenza stampa ffokat fuq it-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri fi Brussell, inkluża d-deċiżjoni li jsir Rapport Speċjali dwar it-Trasparenza tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew.

3.2 Ir-relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet tal-UE

3.2.1 Il-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew huwa sieħeb b’saħħtu u neċessarju għall-Ombudsman Ewropew. Il-Parlament jeleġġi l-Ombudsman, u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu jżomm lill-Ombudsman responsabbli. Fl-2019, il-Parlament Ewropew appoġġja lill-Ombudsman għar-Rapport Speċjali tagħha dwar it-Trasparenza tal-Kunsill b’riżoluzzjoni li ġiet approvata b’mod qawwi mill-plenarja tal-Parlament. Il-Parlament Ewropew il-ġdid beda l-mandat tiegħu wara li ġie elett f’Mejju 2019. Minn dak iż-żmien, l-Ombudsman kellha laqgħat mal-President tal-Parlament David Sassoli u ma’ Membri tal-Parlament Ewropew ġodda mill-gruppi politiċi ewlenin kollha. Matul l-2019, l-Ombudsman indirizzat is-sessjoni plenarja tal-Parlament u tkellmet, fuq stedina, quddiem bosta kumitati waqt laqgħat regolari u seduti ta’ smigħ speċjalizzati. Fl-2019, il-Parlament eleġġa mill-ġdid l-Ombudsman preżenti, Emily O’Reilly, għat-tieni mandat. L-Ombudsman hija ħerqana biex tissokta r-relazzjoni produttiva mal-Parlament fl-2020.

David Sassoli

Congratulations to Emily O’Reilly on her reappointment as @EUombudsman. I look forward to working with her to increase transparency in the EU institutions and build citizens’ trust.

EOR Sassoli

Awguri lil Emily O’Reilly għall-ħatra mill-ġdid tagħha bħala Ombudsman Ewropew. Ninsab ħerqan li naħdem magħha biex tiżdied it-trasparenza fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tinbena l-fiduċja taċ-ċittadini.

3.2.2 Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Ombudsman komplew ikollhom relazzjoni ta’ ħidma mill-qrib fl-2019 sabiex jiżguraw li t-tħassib taċ-ċittadini jiġi indirizzat fil-livelli xierqa. Filwaqt li l-Ombudsman tittratta l-ilmenti kontra istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jittratta petizzjonijiet li jikkonċernaw l-oqsma ta’ attività tal-UE madwar l-Ewropa. L-Ombudsman laqgħet il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet preċedenti, u tinsab ħerqana li taħdem mal-Membri l-ġodda matul is-snin li ġejjin.

PETI Committee Press

#EPlenary approves joint @EP_Petitions @EPInstitutional report on the @EUombudsman strategic inquiry on transparency in the preparatory bodies of the Council – 479/18/81

PETI Resolution

Il-Plenarja tal-Parlament Ewropew tapprova r-rapport konġunt tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-PE u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-PE dwar l-investigazzjoni tal-Ombudsman Ewropew dwar it-trasparenza fil-korpi preparatorji tal-Kunsill – 479/18/81.

3.2.3 Il-Kummissjoni Ewropea

Bħala l-akbar istituzzjoni tal-UE, b’impatt enormi fuq il-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni, huwa naturali li perċentwal kbir tal-ilmenti lill-Ombudsman jikkonċernaw il-ħidma tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni hija l-fergħa eżekuttiva tal-ħidma amministrattiva tal-UE u, għalhekk, fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Ir-relazzjoni ta’ ħidma mal-Kummissjoni tat il-frott fuq bosta investigazzjonijiet ewlenin u d-djalogu jkompli fil-livelli kollha. Fl-2019, il-Kulleġġ il-ġdid tal-Kummissjoni, taħt il-President Ursula von der Leyen, irċieva l-mandat tiegħu mill-Parlament Ewropew. L-Ombudsman kienet kuntenta tara li l-portafoll tal-Viċi President Věra Jourová espliċitament jinkludi t-trasparenza u l-etika, li huwa żvilupp ġdid.

Emily O’Reilly iltaqgħet ma’ Michel Barnier, Kap Negozjatur tal-UE tat-Task Force għall-Brexit, fi Strasburgu.
Emily O’Reilly iltaqgħet ma’ Michel Barnier, Kap Negozjatur tal-UE tat-Task Force għall-Brexit, fi Strasburgu.
3.2.4 Istituzzjonijiet, aġenziji u organizzazzjonijiet oħrajn

L-Ombudsman iżżomm ukoll relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji l-oħrajn tal-UE sabiex tosserva u tappoġġja l-kultura amministrattiva u l-kooperazzjoni interistituzzjonali. Fl-2019, l-Ombudsman kienet f’kuntatt mill-qrib mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS), mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u ma’ bosta aġenziji.

European Central Bank

As part of #GlobalEthicsDay, we heard from Mihails Kozlovs from @EUAuditors about their special report on the ethical frameworks of EU institutions, and Rosita Hickey from the @EUombudsman, who shared the Ombudsman’s views on integrity and good governance for public institutions.

ECB

Bħala parti mill-Jum Globali tal-Etika, aħna smajna minn Mihails Kozlovs mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ir-rapport speċjali tagħhom dwar l-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE, u minn Rosita Hickey mill-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, li kkondividew il-fehmiet tal-Ombudsman dwar l-integrità u l-governanza tajba għall-istituzzjonijiet pubbliċi.

3.2.5 Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità

Bħala membru tal-Qafas tal-UE, l-Ombudsman tipproteġi, tippromwovi u tissorvelja l-implimentazzjoni mill-amministrazzjoni tal-UE tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD). L-Ombudsman ippresediet il-Qafas tal-UE fl-2019.

Flimkien mal-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà, il-Parlament Ewropew u l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, l-Ombudsman ħadmet fuq ideat li għandhom jitressqu lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta Strateġija Ewropea tad-Diżabilità wara l-2020 li tkun aktar ambizzjuża u komprensiva. Għal dan il-għan, l-Uffiċċju tal-Ombudsman ipparteċipa f’seduta ta’ smigħ taħt il-patroċinju tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u f’konferenza dwar il-jum Ewropew tal-persuni b’diżabbiltà li titlob li jsir titjib fl-amministrazzjoni tal-UE.

EESC President

Very happy to exchange views with @EUombudsman Emily O’Reilly about our @EU_EESC rules of procedure and code of conduct and new @EESC_SOC report on the real right of persons with disabilities to vote in #EUelections2019 #thistimeimvoting

EESC EOR-Jahier

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Luca Jahier: Ninsab kuntent ħafna li qed niskambja opinjonijiet mal-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly dwar ir-regoli ta’ proċedura tal-KESE, il-kodiċi ta’ kondotta tagħna u r-rapport il-ġdid tas-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC) tal-KESE dwar id-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jivvotaw fl-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju 2019.

L-Ombudsman segwiet is-suġġerimenti għat-titjib li sar fil-kuntest tal-investigazzjoni strateġika tagħha dwar l-aċċessibbiltà tas-siti web tal-Kummissjoni u l-għodod online għall-persuni b’diżabbiltà. Wara li eżaminat l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkonforma mas-suġġerimenti tagħha, l-Ombudsman laqgħet l-inizjattiva tagħha li tagħmel aktar informazzjoni disponibbli f’format “faċli biex jinqara”. Il-Kummissjoni għamlet disponibbli verżjoni li tinqara faċilment tas-sit web uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li huwa l-portal għall-UE u sors siewi ta’ informazzjoni. Hija laqgħet ukoll l-impenji ulterjuri tal-Kummissjoni biex tissodisfa standards internazzjonali ogħla, l-intenzjoni tagħha li tadotta pjan ta’ azzjoni tal-aċċessibbiltà għall-web u taħriġ imtejjeb għall-persunal.

Fil-qasam tal-amministrazzjoni diġitali, l-Ombudsman staqsiet dwar l-aċċessibbiltà tal-għodod online użati mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF). Wara lment minn persuna b’insuffiċjenza fil-vista, li ma setgħetx tirrapporta każ ta’ frodi lill-OLAF, minħabba li s-sit web tiegħu kien jirrikjedi metodu ta’ verifika inkompatibbli mal-qarrej tal-iskrin, l-Ombudsman talbet lill-OLAF biex jagħmel l-għodod online tiegħu aktar aċċessibbli. Wara li għamel titjib immedjat f’uħud mill-għodod tiegħu, l-OLAF wiegħed li jirriforma l-għodod li fadal fuq is-sit web tiegħu fix-xhur li ġejjin. Dan juri kif ilment wieħed jista’ jkollu implikazzjonijiet usa’ u jwassal għal titjib fil-politika globali ta’ istituzzjoni.

European Ombudsman

#WebAccessibility: @Euombudsman is satisfied the @EU_Commission is taking steps to improve and makes six suggestions: https://europa.eu/!rg33uW

EO web accessibility

L-aċċessibbiltà tal-web: l-Ombudsman Ewropew hija sodisfatta li l-Kummissjoni Ewropea qed tieħu passi biex titjieb u tagħmel sitt suġġerimenti.

L-Ombudsman ittrattat ilment dwar ir-rispons tal-Kummissjoni għal allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem f’dar għal persuni b’diżabbiltà fl-Ungerija, li kienet kofinanzjata mill-UE. Hija esprimiet tħassib li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dispożizzjoni ewlenija tal-UNCRPD dwar l-għajxien indipendenti ma taqbilx ma’ dik tal-Kumitat responsabbli tan-NU. Filwaqt li aċċettat li l-Kummissjoni ma kellhiex il-bażi ġuridika biex tirkupra l-fondi tal-UE mogħtija lill-istituzzjoni f’dak il-każ partikolari, l-Ombudsman issuġġeriet li l-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tal-bażi ġuridika biex tiżgura li l-fondi tal-UE jintefqu f’konformità mal-Konvenzjoni fil-ġejjieni. Wara li għamlet għadd ta’ suġġerimenti għal titjib, l-Ombudsman issa qed issegwi din il-kwistjoni f’ilment separat dwar kif l-Istati Membri qegħdin jonfqu l-fondi tal-UE.

Il-Kummissjoni informat lill-Ombudsman dwar il-passi li ħadet biex tiżgura li l-ġenituri ta’ tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali, li ma jistgħux jiġu akkomodati fl-Iskejjel Ewropej, ma jkunux meħtieġa jikkontribwixxu għall-ispejjeż edukattivi tat-tfal tagħhom. Il-Kummissjoni qalet li kienet ser tkopri dawn it-tariffi kompletament u li ser tieħu l-inizjattiva biex tbiddel il-linji gwida rilevanti għal kif istituzzjonijiet oħrajn tal-UE jittrattaw din il-kwistjoni.

3.3 In-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen

L-Ombudsman Ewropew waqt il-Konferenza tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen (ENO), li saret fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
L-Ombudsman Ewropew waqt il-Konferenza tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen (ENO), li saret fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Il-punt fokali tas-sena għan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen (ENO) – li jikkonsisti f’96 uffiċċju f’36 pajjiż Ewropew u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew – kien il-konferenza annwali f’April. Il-konferenza saret fil-Parlament Ewropew fi Brussell, u laqqgħet membri tan-netwerk ma’ rappreżentanti mill-istituzzjonijiet tal-UE u minn organizzazzjonijiet ibbażati fi Brussell.

Is-sessjoni pubblika tal-konferenza tat ħarsa lejn kif tista’ tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku. Is-sessjoni, li saret eżatt qabel l-elezzjonijiet Ewropej, eżaminat inizjattivi ġodda dwar il-mobilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-ħajja ċivika, u kif l-istrutturi u l-istituzzjonijiet eżistenti għandhom jadattaw għalihom, inkluż ir-rwol li għandu jkollhom l-ombudsmen. Il-konferenza eżaminat ukoll kwistjonijiet topiċi li huma rilevanti għall-ħidma tal-ombudsmen, bħat-tibdil demografiku jew ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, u s-“setgħat ta’ persważjoni” disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-ombudsman.

Parti mill-motivazzjoni għall-organizzazzjoni tal-konferenzi tal-ENO fi Brussell hija li dawn jikkapitalizzaw fuq l-għarfien espert tal-istituzzjonijiet tal-UE li jinsabu hemmhekk. Għal dak il-għan, il-konferenza tal-2019 kienet tinkludi serje ta’ sessjonijiet konġunti ma’ SOLVIT, in-netwerk ikkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea li jipprovdi appoġġ lil individwi u organizzazzjonijiet li qed jiffaċċjaw problemi transkonfinali fl-UE.

L-ENO kompla jiffoka fuq investigazzjonijiet u inizjattivi paralleli fost l-uffiċċji tal-ombudsman interessati. F’Lulju 2019, l-Ombudsman għalqet inizjattiva strateġika li eżaminat il-mekkaniżmi tal-ilmenti fl-Istati Membri tal-UE għal kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fondi strutturali u ta’ investiment tal-UE. Seba’ uffiċċji tal-ombudsman nazzjonali ħadmu flimkien mal-Ombudsman Ewropew fuq l-inizjattiva. Fl-ittra tal-għeluq tagħha, is-Sa O’Reilly ħeġġet lill-Kummissjoni biex iżżid il-monitoraġġ tagħha tal-mekkaniżmi tal-ilmenti u biex tagħti attenzjoni għal kif tittratta direttament l-ilmenti, kif ukoll tagħmel użu sħiħ mis-setgħat tagħha biex tindirizza l-problemi bil-mekkaniżmi tal-ilmenti fl-Istati Membri.

Il-proċedura ta’ mistoqsijiet, li permezz tagħha l-Ombudsman Ewropew tassisti lill-membri tal-ENO billi tikkollabora ma’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE biex jinkisbu tweġibiet immirati fuq kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kompliet tkun riżorsa prezzjuża. Waħda minn dawn il-mistoqsijiet kienet ġejja mill-Ombudsman Parlamentari Daniż, u kienet tikkonċerna l-mod kif ir-regoli tal-UE dwar l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri tal-UE. Mistoqsija oħra mill-Ombudsmen Federali Belġjani kienet tikkonċerna l-viżi tad-dħul għall-membri tal-familja mhux mill-UE ta’ ċittadini tal-UE, u kif id-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini hija applikata f’każijiet bħal dawn.

European Ombudsman

‘What happens in Brussels, should not stay in Brussels. We need to use as many channels as possible to reach and communicate with citizens’ says @maitepagaza #ENO2019

EO Maite Pagazaurtundúa

“X’jiġri fi Brussell, ma għandux jibqa’ fi Brussell. Jeħtieġ li nużaw kemm jista’ jkun mezzi biex nilħqu liċ-ċittadini u nikkomunikaw magħhom”, tgħid il-Membru tal-Parlament Ewropew Maite Pagazaurtundúa waqt il-Konferenza tal-ENO li saret fl-2019.

Id-diskussjonijiet matul il-grupp ta’ ħidma konġunt ENO-SOLVIT.
Id-diskussjonijiet matul il-grupp ta’ ħidma konġunt ENO-SOLVIT.
L-ilmentaturi taw parir biex jiġu kkuntattjati istituzzjonijiet u korpi oħrajn mill-Ombudsman Ewropew fl-2019 u l-ilmenti ttrasferiti
L-ilmentaturi taw parir biex jiġu kkuntattjati istituzzjonijiet u korpi oħrajn mill-Ombudsman Ewropew fl-2019 u l-ilmenti ttrasferiti

F’Diċembru saret laqgħa reġjonali tan-netwerk tal-ENO f’Lisbona, il-Portugall. Il-laqgħa laqqgħet flimkien rappreżentanti mill-uffiċċji tal-ombudsman tal-Bulgarija, ta’ Ċipru, ta’ Malta, tal-Portugall u ta’ Spanja, kif ukoll l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew. Il-laqgħa tat rendikont tal-investigazzjoni dwar il-fondi strutturali, u esplorat temi futuri possibbli għal investigazzjonijiet paralleli.

Filwaqt li kompliet biż-żjarat regolari tagħha fl-uffiċċji tal-kontropartijiet nazzjonali tagħha, is-Sa O’Reilly ivvjaġġat lejn Ħelsinki, fejn iltaqgħet kemm mal-Ombudsman Parlamentari Finlandiż kif ukoll mal-Kanċillier tal-Ġustizzja. L-attenzjoni ewlenija taż-żjara, li saret f’Ġunju, kienet fuq it-trasparenza, li tkopri t-tfassil tal-liġijiet fil-Kunsill tal-UE u t-trasparenza tal-lobbjar.

Il-pubblikazzjoni <i>Network in Focus 2019</i> tiġbor il-punti ewlenin tal-konferenza tal-ENO li saret fl-2019.
Il-pubblikazzjoni Network in Focus 2019 tiġbor il-punti ewlenin tal-konferenza tal-ENO li saret fl-2019.

EP Suomessa

Vielä ehdit mukaan! Onko avoimuudella rajat? Aiheesta @Eurooppasali​ssa 6.6. klo 10-11.30 Mukana @EUombudsman Emily O’Reilly, @oikeuskansleri, @oikeusasiamies, @HeidiHautala & Transparency Intl Suomen pj. Korhonen. Juonto @ooseuri. Infoa ja ilmoittaudu: http://eptwitter.eu/qhGb

EP Suomessa - Photo personnes

L-Uffiċċju tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Finlandja organizza diskussjoni dwar il-limiti għat-trasparenza f’Dar l-Ewropa fis-6 ta’ Ġunju, mill-10 ta’ filgħodu sal-11:30 ta’ filgħodu, mal-Ombudsman Ewropew Emily O’Reilly, mal-Kanċillier Finlandiż tal-Ġustizzja, mal-Ombudsman Parlamentari tal-Finlandja, mal-Membru Parlamentari Ewropew Heidi Hautala u mal-president ta’ Transparency International tal-Finlandja Jaakko Korhonen. Immoderata mill-ġurnalist Olli Seuri.

3.4 Premju għal Amministrazzjoni Tajba

F’Ġunju, l-Ombudsman ospitat iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet għat-tieni edizzjoni tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba. Il-premju ra 54 proġett jiġu nnominati mill-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE, kif ukoll ħafna aġenziji u korpi oħrajn. Il-Premju ġenerali għal Amministrazzjoni Tajba mar għand it-timijiet mill-Kummissjoni Ewropea li ħadmu fuq l-inizjattiva tal-UE biex jitnaqqas it-tniġġis tal-plastik u titqajjem kuxjenza dwar il-problema.

Fiċ-ċerimonja, li saret fi Brussell, l-Ombudsman tat ukoll premjijiet għal proġetti f’sitt kategoriji tematiċi, inklużi l-komunikazzjoni u l-amministrazzjoni miftuħa. Ir-rebbieħa tal-kategoriji kienu jinkludu proġett innovattiv mill-Europol, li uża l-intelliġenza kollettiva li tgħin biex jinstabu t-tfal sfruttati sesswalment, u proġett mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel maħsub biex iqajjem kuxjenza dwar it-theddid għan-naħal. Il-membri tal-persunal tal-Parlament Ewropew rebħu premju speċjali għall-kampanja tagħhom, fid-dawl tal-moviment #MeToo, dwar it-tolleranza żero għall-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol.

Award
Iċ-ċerimonja tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba saret fil-Librerija Solvay fi Brussell.
Iċ-ċerimonja tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba saret fil-Librerija Solvay fi Brussell.
Emily O’Reilly waqt iċ-ċerimonja.
Emily O’Reilly waqt iċ-ċerimonja.

L-Ombudsman introduċiet il-Premju għal Amministrazzjoni Tajba fl-2017 biex tirrikonoxxi l-eċċellenza fis-servizz pubbliku tal-UE u tinkoraġġixxi l-kondiviżjoni ta’ ideat u prattiki tajbin. Minbarra r-rebbieħa elenkati hawn fuq, l-54 nomina kienu jinkludu wkoll proġetti li jagħmlu l-applikazzjonijiet għall-finanzjament mill-UE aktar faċli, li jippreżentaw kunċetti relattivament ġodda – bħall-etika diġitali – b’modi innovattivi, billi jintroduċu politiki ekoloġiċi internament u jinformaw b’mod proattiv lin-nies dwar id-drittijiet tal-UE tagħhom.

Bord konsultattiv indipendenti vvaluta n-nomini, flimkien mar-rebbieħa magħżula minn listi mqassra mill-Ombudsman, Emily O’Reilly.

European Ombudsman

And we have the ovearall WINNERS @EU_ENV & @EU_Growth for their comprehensive strategy for reducing plastics pollution and the awareness -raising campaign for the use of single-use plastics #EOaward

EO photo Award winners 1

Premju għal Amministrazzjoni Tajba: U aħna għandna r-rebbieħa globali: Id-DĠ għall-Ambjent (ENV) tal-Kummissjoni Ewropea u d-DĠ għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (GROW) tal-Kummissjoni Ewropea għall-istrateġija komprensiva tagħhom għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-plastik u l-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni għall-użu ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss.

Vytenis Andriukaitis

So proud of my colleagues in @Food_EU @EU_Healt @ECDC_EU @EFSA_EU and in all the other services of the @EU_Commission nominated for #EOaward ! So happy to share this moment with you.

Kudos to all My speech https://europa.eu/!hc69uh

Awards

Ninsab kburija ħafna bil-kollegi tiegħi fid-DĠ għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (SANTE) tal-Kummissjoni Ewropea, fiċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, fl-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u fis-servizzi l-oħrajn kollha nnominati għall-Premju għal Amministrazzjoni Tajba! Ninsab kuntenta ħafna li qed naqsam dan il-mument magħkom. Kudos għal kulħadd.

4. Każijiet u lmenti: kif naqdu lill-pubbliku

Il-missjoni tal-Ombudsman Ewropew hija li tiżgura li l-amministrazzjoni tal-UE taqdi l-interess pubbliku, u li tgħin lil dawk li jiffaċċjaw problemi mal-istituzzjonijiet tal-UE.

Il-maġġoranza kbira tal-ħidma tal-Uffiċċju tal-Ombudsman hija bbażata fuq l-ilmenti li jirċievi. Anki meta l-Ombudsman ma tiftaħx investigazzjoni, l-Uffiċċju jipprova jgħin lil dawk kollha li jfittxu l-għajnuna.

L-Ombudsman twettaq ukoll investigazzjonijiet u inizjattivi strateġiċi usa’ meta tqis li hemm raġunijiet biex tagħmel dan. L-Ombudsman tniedi dawn il-każijiet fuq inizjattiva tagħha stess, jew meta tkun identifikat kwistjoni sistemika li tkun fl-interess pubbliku, jew inkella meta tkun irċeviet ilment wieħed jew aktar dwar kwistjoni ta’ rilevanza sistemika.

Is-sit web tal-Ombudsman, li tnieda fl-2018, għandu interfaċċja faċli biex tintuża għal ilmentaturi potenzjali, iżda n-nies jistgħu u għadhom qegħdin jikkuntattjaw lill-Uffiċċju tagħna bl-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni offline. Fis-sena li ġejja huwa previst aktar titjib, inkluż fis-sistema online tal-ilmenti.

It-tim varjat tal-Uffiċċju li jittratta l-każijiet, u s-sit web, jirriflettu l-impenn tal-Ombudsman li tikkomunika ma’ dawk li jfittxu l-għajnuna bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Is-sit web tfassal ukoll biex jissodisfa standards ta’ aċċessibbiltà għolja għall-persuni b’diżabbiltà.

L-Ombudsman kompliet ittejjeb il-proċedura rapida (Fast-Track) biex tittratta l-ilmenti dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE. Bis-saħħa tal-proċedura Fast-Track, dawn l-ilmenti issa qed jiġu ttrattati tliet darbiet aktar malajr, li huwa importanti minħabba n-natura spiss għolja tagħhom sensibbli għall-fattur tal-ħin.

4.1 It-tip u s-sors tal-ilmenti

4.1.1 Ħarsa ġenerali lejn l-ilmenti u l-investigazzjonijiet strateġiċi

L-Ombudsman tista’ tiftaħ investigazzjoni biss dwar ilmenti li jaqgħu fil-mandat tagħha u li jkunu ssodisfaw il-“kriterji ta’ ammissibbiltà” meħtieġa, bħal dawk li qabel kienu pprovaw isolvu l-kwistjoni direttament mal-istituzzjoni involuta. Madankollu, l-Uffiċċju tal-Ombudsman jagħmel ħiltu biex jgħin lil dawk kollha li jressqu l-ilmenti. Minbarra dan l-approċċ flessibbli biex jiġu ttrattati l-ilmenti, kien hemm tnaqqis kontinwu fl-ammont ta’ żmien meħud biex jitlestew l-investigazzjonijiet.

It-temi tal-ħidma tal-Uffiċċju joħorġu mill-mandat tal-Ombudsman u mill-ilmenti li jaslu, minħabba li dawn jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tal-każijiet. Bħal fis-snin preċedenti, it-trasparenza għadha s-suġġett ewlieni tal-ilmenti, u dan huwa rifless ukoll fil-ħidma strateġika tal-Uffiċċju.

Pariri, ilmenti u investigazzjonijiet fl-2019
Pariri, ilmenti u investigazzjonijiet fl-2019

Filwaqt li l-maġġoranza kbira tal-ħidma tal-Uffiċċju hija każijiet ibbażati fuq ilmenti, l-Ombudsman twettaq ukoll investigazzjonijiet u inizjattivi strateġiċi usa’ meta tikkunsidra li hemm raġunijiet biex tagħmel dan. Dawn il-każijiet jitniedu fuq l-inizjattiva tal-Ombudsman stess, jew meta hija tkun identifikat kwistjoni sistemika li għandha tiġi eżaminata fl-interess pubbliku, jew meta tkun irċeviet ilment wieħed jew aktar dwar kwistjoni ta’ rilevanza sistemika.

Suġġetti ta’ ħidma strateġika fl-2019
Suġġetti ta’ ħidma strateġika fl-2019
L-oriġini nazzjonali tal-ilmenti rreġistrati u l-investigazzjonijiet miftuħa mill-Ombudsman Ewropew fl-2019
L-oriġini nazzjonali tal-ilmenti rreġistrati u l-investigazzjonijiet miftuħa mill-Ombudsman Ewropew fl-2019
4.1.2 Ilmenti barra mill-mandat tal-Ombudsman

Fl-2019, l-Ombudsman Ewropew ipproċessat 1 300 ilment li ma kinux jaqgħu taħt il-mandat tagħha, l-aktar għaliex dawn ma kinux jikkonċernaw il-ħidma ta’ istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea. L-akbar numru ta’ lmenti bħal dawn ġew minn Spanja, mill-Polonja u mill-Ġermanja.

Dawn l-ilmenti kienu jikkonċernaw primarjament problemi li jiltaqgħu magħhom l-ilmentaturi fir-rigward ta’ korpi pubbliċi lokali, reġjonali jew nazzjonali, qrati nazzjonali jew internazzjonali (bħall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem) u entitajiet privati (inklużi kumpaniji tal-ajru, banek jew negozji u pjattaformi online). Xi drabi, iċ-ċittadini rrikorrew għand l-Ombudsman abbażi tal-kunċett żbaljat li l-istituzzjoni hija korp tal-appelli b’ġurisdizzjoni fuq il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-ombudsman nazzjonali jew reġjonali.

Ilmenti bħal dawn kienu prinċipalment dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà soċjali, il-kura tas-saħħa, it-tassazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur. Fl-2019, l-Ombudsman irċeviet ukoll għadd kbir ta’ lmenti minn ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru tal-UE għajr tagħhom. Dawn in-nies ilmentaw dwar id-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom meta fittxew li jirreġistraw u/jew jivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019.

L-Ombudsman irċeviet ukoll ilmenti li, filwaqt li kienu diretti kontra istituzzjoni jew korp tal-UE, kienu jaqgħu barra mill-mandat tagħha. Din il-kategorija ta’ lmenti kienet tikkonċerna l-ħidma politika jew leġiżlattiva ta’ dawn l-istituzzjonijiet jew l-attivitajiet ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

L-Ombudsman wieġbet lill-persuni kollha li kienu qed ifittxu l-għajnuna bil-lingwa tal-ilment tagħhom. Hija spjegat il-mandat tagħha u tat pariri, kemm jista’ jkun, dwar korpi oħrajn li jistgħu jgħinu. Bil-qbil tal-ilmentatur, l-Ombudsman ittrasferixxiet ukoll ilmenti lil membri tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen (ENO).

L-ilmentaturi li esprimew skuntentizza bil-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE ġeneralment ingħataw il-parir li jirrikorru għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dawk li qajmu kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ġew riferuti lill-ombudsmen nazzjonali jew reġjonali jew lil netwerks tal-UE bħal SOLVIT u Pariri tal-Ewropa Tiegħek. B’mod alternattiv, l-ilmentaturi ġew informati dwar il-possibbiltà li jressqu lment ta’ ksur quddiem il-Kummissjoni.

Numru ta’ lmenti 2015–2019
Numru ta’ lmenti 2015–2019 Numru ta’ lmenti 2015–2019

4.2 Kontra min?

L-investigazzjonijiet li tmexxew mill-Ombudsman Ewropew fl-2019 kienu jikkonċernaw l-istituzzjonijiet li ġejjin
L-investigazzjonijiet li tmexxew mill-Ombudsman Ewropew fl-2019 kienu jikkonċernaw l-istituzzjonijiet li ġejjin

Nota: L-investigazzjoni fuq inizjattiva proprja OI/1/2019/MIG tmexxiet kontra żewġ istituzzjonijiet. Għalhekk, il-perċentwali ta’ hawn fuq jammontaw għal aktar minn 100 %.

4.3 Dwar xiex?

Suġġett tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2019
Suġġett tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2019

Nota: F’xi każijiet, l-Ombudsman għalqet investigazzjonijiet b’żewġ suġġetti jew aktar. Għalhekk, il-perċentwali ta’ hawn fuq jammontaw għal aktar minn 100 %.

4.4 Riżultati miksuba

Azzjoni meħuda mill-Ombudsman Ewropew dwar ilmenti ġodda ttrattati fl-2019
Azzjoni meħuda mill-Ombudsman Ewropew dwar ilmenti ġodda ttrattati fl-2019
Evoluzzjoni fin-numru ta’ investigazzjonijiet mill-Ombudsman Ewropew
Evoluzzjoni fin-numru ta’ investigazzjonijiet mill-Ombudsman Ewropew
Riżultati tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2019
Riżultati tal-investigazzjonijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2019

Nota: F’xi każijiet, l-Ombudsman għalqet l-investigazzjonijiet abbażi ta’ żewġ raġunijiet jew aktar. Għalhekk, il-perċentwali ta’ hawn fuq jammontaw għal aktar minn 100 %.

It-tul tal-investigazzjoni tal-każijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2019 (medja ta’ anqas minn 7 xhur)
It-tul tal-investigazzjoni tal-każijiet magħluqa mill-Ombudsman Ewropew fl-2019 (medja ta’ anqas minn 7 xhur)

4.5 Konformità mal-proposti tal-Ombudsman

Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet, l-Ombudsman tista’ tagħmel proposti lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE dwar kif jindirizzaw problema jew itejbu l-prattiki amministrattivi tagħhom. Dawn il-proposti jieħdu l-forma ta’ soluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u suġġerimenti.

Kull sena, l-Ombudsman twettaq analiżi komprensiva ta’ kif l-istituzzjonijiet jirrispondu għall-proposti tagħha f’investigazzjonijiet li jkunu ngħalqu fis-sena ta’ qabel. Din l-analiżi, li tinkludi rati ta’ konformità u eżempji konkreti oħrajn biex jintwerew l-impatt u r-rilevanza tal-ħidma tal-Ombudsman, hija ppubblikata fir-rapport annwali Putting it right? rapport.

Fl-2018, l-istituzzjonijiet tal-UE kienu konformi mal-proposti tal-Ombudsman f’77 % tal-każijiet, tnaqqis żgħir mill-81 % fl-2017. L-istituzzjonijiet irreaġixxew b’mod pożittiv għal 90 minn 117-il proposta għal titjib magħmula mill-Ombudsman. Il-proposti saru f’69 każ, bi 52 minn dawn il-każijiet wasslu biex l-istituzzjonijiet jieħdu passi biex itejbu l-mod kif jaħdmu. Ħdax-il istituzzjoni kellhom rata ta’ konformità ta’ 100 %, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea – li hija responsabbli għall-maġġoranza tal-każijiet – kellha rata ta’ konformità ta’ 70.9 %.

Ir-rapport għall-2019 ser ikun disponibbli fl-aħħar tal-2020.

5. Elezzjoni tal-Ombudsman Ewropew

F’Diċembru 2019, Emily O’Reilly ġiet eletta mill-ġdid mill-Parlament Ewropew biex isservi mandat ieħor.

L-Ombudsman Ewropew jiġi elett direttament mill-Parlament Ewropew fil-bidu ta’ kull leġiżlatura. B’mod simili għall-Membri tal-Parlament Ewropew, l-Ombudsman jibqa’ fil-kariga għal ħames snin.

Il-proċess biex jiġi elett l-Ombudsman għall-mandat li jmiss beda uffiċjalment fit-30 ta’ Awwissu, meta ġiet ippubblikata s-sejħa għan-nominazzjonijiet fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Ħames kandidati rnexxielhom jiksbu l-40 firma ta’ appoġġ meħtieġa mill-Membri tal-Parlament Ewropew sad-data ta’ skadenza tat-30 ta’ Settembru. L-Ombudsman preżenti Emily O’Reilly, li kienet qed tfittex li tiġi eletta mill-ġdid, ġiet imsieħba minn Giuseppe Fortunato (l-Italja), Julia Laffranque (l-Estonja), Nils Muižneks (il-Latvja) u Cecilia Wikström (l-Iżvezja).

Bħala parti mill-proċess ta’ verifika tal-kredenzjali tal-kandidati, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament organizza seduta ta’ smigħ fit-3 ta’ Diċembru ma’ kull wieħed mill-kandidati. Waqt is-seduti ta’ smigħ, il-kandidati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-prijoritajiet li ser jaħdmu fuqhom jekk jiġu eletti u kellhom iwieġbu l-mistoqsijiet mill-Membri tal-Parlament Ewropew.

L-elezzjoni nnifisha saret fis-17–18 ta’ Diċembru, bil-plenarja tal-Parlament tivvota għall-ħames kandidati. Billi l-ebda kandidat ma rċieva l-maġġoranza meħtieġa ta’ voti fl-ewwel żewġ rawnds, iż-żewġ kandidati bl-ogħla numru ta’ voti għaddew għat-tielet u l-aħħar rawnd. Emily O’Reilly kisbet 320 mis-600 vot mitfugħa u ġiet eletta mill-ġdid bħala Ombudsman.

F’dikjarazzjoni wara li ġiet eletta mill-ġdid, Emily O’Reilly irringrazzjat lill-Membri tal-Parlament Ewropew għall-appoġġ transpolitiku tagħhom u wegħdet li ser tkompli “tiżgura li l-UE żżomm l-ogħla standards fl-amministrazzjoni, fit-trasparenza u fl-etika”.

European Ombudsman

Emily O’Reilly has been re-elected by @Europarl_EN with 320 votes in favour out of 600 votes cast. Her second mandate will last for five years.

Press release https://europa.eu/!jV79KM

EO Photo EOR

Emily O’Reilly ġiet eletta mill-ġdid mill-Parlament Ewropew bi 320 vot minn 600 vot mitfugħa. It-tieni mandat tagħha ser idum għal ħames snin.

Emily O’Reilly: “Għall-ħames snin li ġejjin, ser ngħin biex niżgura li l-UE żżomm l-ogħla standards fl-amministrazzjoni, fit-trasparenza u fl-etika. L-Ewropej jistennew u ma ħaqqhom xejn anqas.”

6. Riżorsi

6.1 Baġit

Il-baġit tal-Ombudsman huwa taqsima indipendenti tal-baġit tal-UE. Huwa maqsum fi tliet titoli. It-Titolu 1 ikopri s-salarji, il-gratifiki u nfiq ieħor relatat mal-persunal. It-Titolu 2 ikopri l-bini, l-għamara, it-tagħmir u nefqa operazzjonali mixxellanja. It-Titolu 3 ikopri n-nefqa li tirriżulta mill-funzjonijiet ġenerali li jitwettqu mill-istituzzjoni. Fl-2019, l-approprjazzjonijiet ibbaġitjati kienu jammontaw għal EUR 11 496 261.

Bl-għan li tiġi żgurata ġestjoni effettiva tar-riżorsi, l-awditur intern tal-Ombudsman jivverifika regolarment is-sistemi ta’ kontroll interni tal-istituzzjoni u l-operazzjonijiet finanzjarji li jitwettqu mill-uffiċċju. Bħal fil-każ ta’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tivverifika wkoll lill-Ombudsman.

6.2 Użu tar-riżorsi

Kull sena, l-Ombudsman tadotta Pjan ta’ Ġestjoni Annwali, li jidentifika azzjonijiet konkreti li l-uffiċċju jistenna li jieħu biex jagħti effett lill-għanijiet u l-prijoritajiet tal-istrateġija ta’ ħames snin tal-Ombudsman “Lejn l-2019” . Il-Pjan ta’ Ġestjoni Annwali tal-2019 huwa l-ħames wieħed ibbażat fuq din l-istrateġija.

L-istituzzjoni għandha persunal multilingwi bi kwalifiki għolja b’bilanċ bejn il-ġeneri f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija. Dan jiżgura li hija tkun tista’ tittratta l-ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE u tqajjem kuxjenza dwar il-ħidma tal-Ombudsman fl-UE kollha. Fl-2019, kien hemm 66 kariga fil-pjan ta’ stabbiliment tal-Ombudsman, minbarra li impjegat 12-il aġent kuntrattwali u offriet esperjenza ta’ xogħol lil 9 trainees ġodda.

Informazzjoni dettaljata dwar l-istruttura tal-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-kompiti tad-diversi taqsimiet hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ombudsman.

Kif tikkuntattja lill-Ombudsman Ewropew

Bit-telefon

+33 (0)3 88 17 23 13

B’ittra elettronika

eo@ombudsman.europa.eu

On-line
L-uffiċċji tagħna
Our Office
Strasburgu
Indirizz postali

Médiateur européen
1 avenue du Président Robert Schuman
CS 30403
F-67001 Strasbourg Cedex

Indirizz għall-viżitaturi

Bâtiment Václav Havel (HAV)
Allée Spach
F-67070 Strasbourg

Brussell
Indirizz postali

Médiateur européen
Rue Wiertz
B-1047 Bruxelles

Indirizz għall-viżitaturi

Montoyer-Science (MTS)
30 rue Montoyer
B-1000 Bruxelles

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, ir-ritratti u l-istampi kollha huma koperti mid-drittijiet tal-awtur © l-Unjoni Ewropea, ħlief il-qoxra (© MarianVejcik / iStock).

Ir-riproduzzjoni għal skopijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija awtorizzata, sakemm is-sors jiġi rikonoxxut.

Print ISBN 978-92-9483-159-0 ISSN 1725-9762 doi:10.2869/773435 QK-AA-20-001-MT-C
PDF ISBN 978-92-9212-996-5 ISSN 1830-6926 doi:10.2869/587470 QK-AA-20-001-MT-N
HTML ISBN 978-92-9212-999-6 ISSN 1830-6926 doi:10.2869/36013 QK-AA-20-001-MT-Q