You have a complaint against an EU institution or body?

Rapport Annwali 2015

Introduzzjoni

Emily O’Reilly, Ombudsman Ewropew.

Huwa l-pjaċir tiegħi li nippreżentalek ir-Rapport Annwali tagħna għall-2015.

Din kienet sena speċjali għall-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew għax iċċelebra l-20 sena ta’ eżistenza tiegħu. Mill-1995 ‘l hawn, l-uffiċċju indirizza 48 840 ilment.

L-indipendenza u l-imparzjalità — il-prinċipji li jistabbilixxu l-approċċ sa mill-ewwel jum — malajr għamlu l-uffiċċju l-korp rispettat li huwa illum. Ninsab kburija li qiegħda nkompli din t-tradizzjoni.

Din is-sena kienet speċjali għal raġuni oħra. Urietni kif ix-xogħol ta’ ombudsman jista’ jħalli effett pożittiv tul iż-żmien fuq l-atteġġjament tal-amministrazzjoni tal-UE, f’konformità mal-istrateġija tiegħi li nżid l-impatt, ir-rilevanza u l-viżibbiltà ta’ dan l-uffiċċju.

Permezz tat-tmexxija tal-investigazzjoniijet strateġiċi għal problemi f’istituzzjonijiet tal-UE, l-uffiċċju tiegħi seta’ jgħin jgħolli aktar l-istandard tat-trasparenza u dak amministrattiv li kienu diġà għoljin fil-korpi pubbliċi tal-UE.

Dan kien il-każ f’diversi kwistjonijiet u istituzzjonijiet matul l-2015. Dwar in-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, pereżempju, il-Kummissjoni għamlet passi kbar billi ppubblikat b’mod proattiv ħafna dokumenti ta’ Investiment Trans-Atlantiku u Kummerċjali (TTIP). Elenkat ukoll it-trasparenza bħala prinċipju bażiku tal-istrateġija ġdida tagħha tal-kummerċ, ippubblikata f’Ottubru.

F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċċju tiegħi biex tindirizza kif suppost il-każijiet hekk imsejħin tar-“revolving door”, il-Kummissjoni bdiet tippubblika wkoll l-ismijiet u d-dettalji ta’ ċerti uffiċjali superjuri li jħallu l-istituzzjoni sabiex jaħdmu x’imkien ieħor.

Wara l-kuntatti tiegħi miegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew fassal regoli dwar l-inkarigi tad-diskorsi u ħabbar li se jippubblika l-laqgħat tal-membri tal-bord eżekuttiv tiegħu, filwaqt li Frontex aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet tiegħi sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tal-migranti li jiġu sfurzati jirritornaw lura lejn pajjiżhom mill-UE jiġu rrispettati.

Ħafna drabi l-uffiċċju tiegħi ma kienx l-unika attur fi kwistjonijiet bħal dawn iżda kien kapaċi jidderieġi t-tħassib espress miċ-ċittadini, mis-soċjetà ċivili jew mill-Membri tal-Parlament Ewropew, billi talab lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu passi speċifiċi.

Filwaqt li dawn ir-riżultati jirrapreżentaw gwadanni sistemiċi għaċ-ċittadini, il-qofol ta’ xogħli jibqa’ li ngħin lill-individwi meta jiltaqgħu ma’ problemi mal-amministrazzjoni pubblika tal-UE. Ninsab tassew kuntenta li r-rata ta’ konformità fost l-istituzzjonijiet tal-UE kienet rekord ta’ 90 % fl-2014, perċentwal ta’ 10 punti ogħla mis-sena ta’ qabel.

Is-sena rat ukoll it-tnedija ta’ proposti tar-riforma għan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen (ENO), bħat-twettiq ta’ investigazzjonijiet paralleli fuq livell nazzjonali u Ewropew. Il-proposti, li bnew fuq il-kooperazzjoni ta’ suċċess tagħna matul l-investigazzjoni tal-Frontex, huma maħsuba sabiex iġibu aktar benefiċċji għaċ-ċittadini billi jikkapitalizzaw fuq il-kompetenza reċiproka tagħna.

L-Ombudsmen għandhom it-tendenza li jaraw il-progress f’termini ta’ x’għad fadal xi jsir. Madankollu, naħseb li huwa ġust li ngħid li din is-sena li għaddiet tipprovdi spinta b’saħħitha għall-ħidma fil-futur.

Grazzi lil dawk kollha li jagħmlu xogħolna possibbli.

Emily O’Reilly

Kapitolu 1 - Daqqa t’għajn lejn l-2015

Is-sena 2015 kienet waħda mimlija avvenimenti għall-istituzzjoni tal-ombudsman, għaliex l-Ombusdman bniet l-istrateġija tagħha sabiex ikollha aktar impatt, viżibbiltà, u rilevanza. Hawn huma xi wħud mill-punti ewlenin mis-sena:

Jannar

Ittra lill-Kummissjoni dwar kif il-gruppi esperti tagħha jkunu iktar trasparenti u bbilanċjati

Frar

L-ombudsman tagħlaq l-investigazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess għar-regoli tal-iżvelar tal-informazzjoni protetta (whistleblowing) f’istituzzjonijiet tal-UE

Marzu

L-Ombudsman tfaħħar lill-Kummissjoni għallprogress dwar it-trasparenza tat-TTIP

April

Is-seminar tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsman f’Varsavja

Mejju

”Brussell huwa l-Washington DC il-ġdid?“ — L-avveniment tal-Ombudsman dwar il-lobbying tat-trasparenza

Ġunju

L-investigazzjoni bdiet bi ħlas tardiv min-naħa tal-Kummissjoni

Lulju

Ittra lill-Kummissjoni dwar il-Kumitat Etiku Ad Hoc

Awwissu

Rieżami tal-implimentazzjoni tal-UE tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà

Settembru

”Trilogi u tfassil trasparenti tal-liġijiet tal-UE” — avveniment tal-Ombudsman

Ottubru

Rakkomandazzjonijiet għat-trasparenza fil-lobbying dwar it-tabakk

Novembru

L-għoxrin anniversarju tal-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew

Diċembru

Il-Bank Ċentrali Ewropew jaġġorna r-regoli dwar l-inkarigi tad-diskorsi

Kapitolu 2 - Suġġetti ewlenin

L-Ombudsman Ewropew qiegħda hemm sabiex tgħin liċ-ċittadini fuq firxa ta’ kwistjonijiet li jinvolvu l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jinkludu problemi kuntrattwali sa ksur tad-drittijiet fundamentali sa nuqqas ta’ trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet jew rifjut għal aċċess ta’ dokumenti. Sa minn mindu ħadet il-kariga tagħha fl-2013, Emily O’Reilly ikkumplimentat dejjem iktar ix-xogħol ta’ ġestjoni tal-ilmenti tal-Ombudsman permezz ta’ investigazzjonijiet strateġiċi fuq inizjattiva tagħha stess. L-għan huwa li jibbenefikaw kemm jista’ jkun ċittadini billi jiġu eżaminati kwistjonijiet li jidhru ta’ natura sistemika. Jekk investigazzjoni tirriżulta li ġejja minn ilment ta’ individwu jew hija parti minn investigazzjoni strateġika, l-għan huwa li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jinqdew minn amministrazzjoni pubblika tal-UE trasparenti u li taħdem sew.

2.1 Trasparenza

Emily O’Reilly, Ombudsman Ewropew.

L-allegat nuqqas ta’ trasparenza kompla jkun l-iktar kwistjoni li nġiebet għall-attenzjoni tal-Ombudsman Ewropew, u ammontat għal total ta’ 22.4 % mill-ilmenti fl-2015. Każijiet bħal dawn jikkonċernaw, pereżempju, ir-rifjut tal-istituzzjonijiet li jagħtu aċċess għal dokumenti jew informazzjoni.

Eżempju ta’ dan it-tip hija l-investigazzjoni strateġika mnedija mill-Ombudsman fir-rigward tat-trasparenza madwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) bejn l-UE u l-Istati Uniti proposta. F’Marzu tal-2015, il-Kummissjoni wieġbet għall-proposti tal-Ombudsman dwar kif in-negozjati tat-TTIP jkunu magħmulin iktar trasparenti billi wiegħdet li tippubblika b’mod proattiv iktar dokumenti tat-TTIP, mossa mfaħħra mill-Ombudsman. L-Ombudsman kitbet ukoll lill-Kummissarju għall-Kummerċ tal-UE, Cecilia Malmström u laqgħet il-passi li ttieħdu s’issa u talbet it-trasparenza tkun parti prominenti fl-istrateġija l-ġdida tan-negozju tal-Kummissjoni. Meta l-Kummissjoni ppubblikat l-istrateġija ġdida tan-negozju tagħha f’Ottubru, it-trasparenza ġiet elenkata bħala waħda mit-tliet prinċipji fundaturi. #1

Il-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ, Cecilia Malmström, tfaħħar l-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly, għad-diskussjonijiet tajbin u kostruttivi dwar kif in-negozjati tat-TTIP isiru aktar trasparenti.

Dawn il-passi ta’ suċċess jirrappreżentaw progress kbir fir-rigward tat-trasparenza fin-negozjati kummerċjali. Il-mossi tal-Kummissjoni ma kinux biss bħala reazzjoni għall-ħidma tal-Ombudsman. Ħafna atturi — mis-soċjetà ċivili sal-Membri tal-Parlament Ewropew — esprimew tħassib. Iżda permezz tal-ftuħ tal-investigazzjoni, l-Ombudsman setgħet tidderieġi ħafna minn dan it-tħassib u tgħin sabiex takkwista riżultati tanġibbli billi tagħmel proposti speċifiċi lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri tal-UE taw mandat lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinnegozja t-TTIP f’isimhom.

Istituzzjoni oħra li għamlet progress sinifikanti fl-2015 sabiex issir iktar trasparenti, kienet il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). F’Mejju, l-Ombudsman kitbet lill-President tal-BĊE, Mario Draghi, sabiex titlob kjarifiki dwar inċident fejn informazzjoni potenzjalment sensittiva għas-suq jidher li ġiet żvelata lil udjenza limitata. Il-President Draghi wieġeb li l-ittra tal-Ombudsman ħeġġet lill-BĊE sabiex jaħseb dwar passi ulterjuri li huwa għandu jieħu sabiex titjieb it-trasparenza fil-kanali ta’ komunikazzjoni tiegħu. F’Ottubru, il-BĊE ppubblika prinċipji ta’ gwida ġodda għall-inkarigi tad-diskorsi fejn speċifika li l-ebda informazzjoni sensittiva għas-suq m’għandha tiġi żvelata f’avvenimenti mhux pubbliċi jew matul laqgħat bilaterali. Stabilixxa wkoll “perjodu ta’ silenzju” fejn diskorsi u rimarki pubbliċi, li jingħataw sebat ijiem qabel il-laqgħat tal-Kunsill Governattiv, m’għandhomx jinfluwenzaw aspettattivi dwar deċiżjonijiet tal-politika monetarja li jmiss. #2

Il-Bank Ċentrali Ewropew iħaddan it-trasparenza b’segwitu tarrakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew.

Fl-aħħar ta’ Ottubru, il-Bank ħabbar li mir-rebbiegħa tal-2016, b’intervall ta’ tliet xhur, se jibda jippubblika l-lista tal-laqgħat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv. F’Diċembru, bena fuq dawn il-passi billi ħabbar li se jestendi l-”perjodu ta’ silenzju” sabiex il-membri tal-Bord Eżekuttiv ma jiltaqgħux u ma jitkellmux mal-midja, ma’ parteċipanti tas-suq jew ma’ interessi esterni oħrajn dwar kwistjonijiet ta’ politika monetarja fil-ġimgħa li twassal għal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv. L-Ombudsman laqgħet dawn il-passi, waqt li nnotat li r-responsabbiltà enormi investita fil-BĊE tfisser li huwa dejjem iktar importanti li jisħaq sabiex ikollu l-ogħla standards ta’ governanza.

2.2 Trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE

Bil-leġiżlazzjoni tal-UE li qiegħda taffettwa tista’ tgħid kull aspett ta’ ħajjet iċ-ċittadini, huwa essenzjali li t-tfassil tal-liġijiet ikun kompletament trasparenti għall-pubbliku.

Avveniment tal-Ombudsman Ewropew: “Trilogi u tfassil trasparenti tal-liġijiet”.

Dan kien parti mir-razzjonal wara d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew sabiex tiftaħ investigazzjoni fir-rigward tat-trasparenza tat- “trilogi” f’Mejju tal-2015. It-trilogi huma negozjati informali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, u l-Kummissjoni, immirati sabiex jilħqu ftehimiet finali dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE. Fil-proċedura tal-kodeċiżjoni tal-UE, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw b’mod konġunt proposti leġiżlattivi sottomessi mill-Kummissjoni. Filwaqt li l-proċedura tista’ tinvolvi sa tliet qari, iż-żieda fl-użu tat-trilogi fissret li issa madwar 80 % tal-liġijiet tal-UE ġew mifthema fl-ewwel qari.

Diversi atturi — inklużi Membri tal-Parlament Ewropew, membri tal-parlament nazzjonali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u negozji — esprimew tħassib li kisbiet fl-effiċjenza akkwistati mill-proċess tat-trilogi jistgħu jaffetwaw it-trasparenza. #3

Ħafna mil-liġijiet tal-UE huma maħdumin fi “trilogi” fil-privat. Għandek opinjoni dwar dan? L-Ombudsman Ewropew qiegħda tisma’.

Fil-ftuħ tal-investigazzjoni tagħha, l-Ombudsman bagħtet ittri lill-President tal-Kummissjoni, lill-President tal-Parlament u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fejn innutat li t-trilogi qegħdin, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iservu bħala post fejn tittieħed deċiżjoni fuq il-kontenut innegozjat tat-test tal-leġiżlazzjoni finali. L-Ombudsman staqsiet sensiela ta’ mistoqsijiet b’mod partikolari dwar il-pubblikazzjoni proattiva tad-dokumenti tat-trilogi. Bħala parti mill-investigazzjoni, infurmat ukoll lit-tliet istituzzjonijiet li tixtieq tispezzjona l-fajls tat-trilogi għal żewġ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni adottati riċentament (ir-Regolament dwar il-Provi Kliniċi u d-Direttiva dwar il-Kreditu b’Ipoteka). Dawn iż-żewġ liġijiet intgħażlu għaliex jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ interess pubbliku wiesgħa.

Avveniment tal-Ombudsman Ewropew: “Trilogi u tfassil trasparenti tal-liġijiet”.

Iktar minn 250 MPE, rappreżentanti ta’ interess, ġurnalisti, akkademiċi u oħrajn attendew konferenza li eżaminat it-trasparenza tat-trilogu, organizzata mill-uffiċċju tal-Ombudsman f’Settembru. Il-parteċipanti ddiskutew il-merti li jirriżultaw jekk il-proċess tat-trilogu jsir iktar miftuħ, inkluż jekk huwiex neċessarju li jiġu ppubblikati skedi u aġendi għal laqgħat bħal dawn. #1

Avveniment ta’ trilogi u tfassil trasparenti tal-liġijiet
Attività Online matul avveniment ta’ “Trilogi u tfassil trasparenti tal-liġijiet”, li l-Ombudsman Ewropew organizzat fit-28 ta’ Settembru, fil-kuntest tal- Jum Internazzjonali dwar id-Dritt tal-Għarfien.

F’Diċembru, wara li rċieva l-opinjonijiet tal-istituzzjonijiet dwar it-trasparenza tat-trilogi u saru l-ispezzjonijiet tal-fajls, l-uffiċċju tal-Ombudsman nieda konsultazzjoni pubblika. Il-konsultazzjoni tfittex l-opinjoni ta’ individwi, NGOs, assoċjazzjonijiet tan-negozju u organizzazzjonijiet oħrajn dwar sensiela ta’ mistoqsijiet li jinkludu jekk il-proċess tat-trilogu huwiex trasparenti biżżejjed u kif iż-żieda fit-trasparenza tista’ taffettwa l-proċess leġiżlattiv. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, kif ukoll l-ispezzjoni tal-fajls tat-trilogi u l-opinjonijiet minn kull waħda mit-tliet istituzzjonijiet, sejrin jitqiesu fil-valutazzjoni ġenerali tal-Ombudsman ta’ liema passi jistgħu jittieħdu sabiex it-trilogi jkunu iktar trasparenti. #1

 

[Stqarrija għall-istampa] L-Ombudsman Ewropew, Emily O’Reilly, fetħet investigazzjoni fit-trasparenza tat-”trilogi” sabiex tippromwovi t-trasparenza fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE. It-trilogi huma negozjati informali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni bl-għan li jilħqu ftehimiet bikrin dwar leġiżlazzjoni ġdida tal-UE.

It-trasparenza tinvolvi wkoll li amministazzjonijiet pubbliċi jkunu miftuħin għar-raġunament eżistenti fit-tfassil ta’ deċiżjonijiet. Din kienet fil-qalba ta’ ilment magħmul minn ċittadin Ġermaniż lill-Ombudsman. Akkuża lill-Kummissjoni li ma spjegatx sew għaliex ma kinitx qiegħda tinvestiga l-ilment tiegħu dwar ksur fejn allega li l-Ġermanja ma kinitx qiegħda timplimenta b’mod korrett id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika. L-Ombudsman ħarġet rimarka kritika hekk kif skopriet li l-Kummissjoni ma pprovditx raġunament suffiċenti għaliex ma kinitx qiegħda tieħu azzjoni dwar tnejn mill-kwistjonijiet — kif il-Ġermanja kienet qiegħda taħżen u tipproċessa d-data kif ukoll ir-regoli tal-kummerċjalizzazzjoni elettronika — imqajma mill-ilmentatur.

2.3 Lobbying favur it-trasparenza

Avveniment tal-Ombudsman Ewropew: “Brussell huwa l-Washington D.C il-ġdid? Il-lobbying favur it-trasparenza fl-UE”.

Dawk li jfasslu l-politika ħafna drabi jiġu bżonn il-kontribut ta’ espert meta jiġu biex jippreparaw il-proposti leġiżlattivi. Bħalissa l-Kummissjoni għandha iktar minn 800 grupp ta’ esperti li jagħtuha l-pariri dwar il-politika. Madankollu, il-kompożizzjoni ta’ dawn il-gruppi, u l-aċċess limitat għall-pubbliku dwar kif dawn il-gruppi jagħmlu xogħolhom, attiraw il-kritika. Fl-2014, l-Ombudsman fetħet investigazzjoni fir-rigward tal-għamla u t-trasparenza ta’ dawn il-gruppi. Kontributi għall-konsultazzjoni pubblika sussegwenti għenu fil-formazzjoni tas-suġġerimenti tal-Ombudsman għal titjib. F’Mejju tal-2015, il-Kummissjoni wieġbet billi qalet li kienet ġiet miftehma politika ġdida ta’ kunflitt ta’ interess għall-esperti maħturin f’kapaċità personali. Qalet ukoll li l-proċedura tal-għażla għall-esperti se tkun iktar trasparenti u wegħdet li jiġi rivedut ir-reġistru tal-gruppi tal-esperti. L-Ombudsman qalet li dawn il-passi kienu ta’ inkoraġġiment iżda li l-Kummissjoni xorta għad jeħtiġilha li tagħmel iktar sabiex jinfetħu l-gruppi għall-iskrutinju pubbliku. F’rakkomandazzjoni, talbet lill-Kummissjoni sabiex tippubblika minuti komprensivi tal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti.

Avveniment tal-Ombudsman Ewropew: “Brussell huwa l-Washington D.C il-ġdid? Il-lobbying favur it-trasparenza fl-UE”.

Il-lobbying fi Brussell kien ukoll suġġett ta’ diskussjoni ta’ livell għoli li jġib it-titlu ta’ “Brussell huwa l-Washington DC il-ġdid?” organizzata mill-Ombudsman f’Mejju tal-2015 u tinkludi l-Viċi President tal-Kummissjoni Frank Timmermans bħala kelliem. Fl-indirizz ta’ ftuħ tagħha, l-Ombudsman enfasizzat l-importanza li l-istituzzjonijiet tal-UE jkollhom proċeduri robusti fis-seħħ sabiex jassiguraw li l-Membri u l-uffiċjali tagħhom ikunu konxji ta’ kif dawn jinfluwenzawhom. #2

Il-punti ewlenin tad-dibattitu fl-avveniment “Brussell huwa l-Washington D.C il-ġdid? Il-lobbying favur it-trasparenza fl-UE”.

Kif dawk li jagħmlu l-lobbying jeżerċitaw l-influwenza kien fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni li tikkonċerna rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk fejn l-Ombudsman sabet li l-Kummissjoni ta’ Barroso — b’eċċezzjoni ta’ DĠ Saħħa — ma kinitx qiegħda tkun trasparenti biżżejjed dwar il-lobbying tat-tabakk u għaldaqstant ma kinitx qiegħda timplimenta bis-sħiħ ir-regoli u l-linji gwida f’dan il-qasam. L-Ombudsman talbet lill-Kummissjoni sabiex tippubblika online b’mod proattiv il-laqgħat kollha mal-lobbyists tat-tabakk, jew mar-rappreżentanti legali tagħhom, kif ukoll il-minuti ta’ dawk il-laqgħat. Fl-opinjoni tagħha dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman, il-Kummissjoni qalet li diġà qiegħda tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. L-Ombudsman qalet li tinsab iddispjaċuta immens bil-pożizzjoni, u nnotat li s-saħħa pubblika titlob l-iktar standards għoljin. #4

L-Ombudsman Ewropew dwar il-lobbying tat-tabakk fl-UE: il-Kummissjoni Ewropea għandha obbligu li ma tinħebiex wara natura mhux vinkolanti ta’ linji gwida.

Madwar 800 grupp ta’ esperti jagħtu pariri lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika.

2.4 Kwistjonijiet etiċi

Il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet tal-UE tista’ tiddgħajjef jekk iċ-ċittadini jemmnu li uffiċjali superjuri jistgħu jitilqu l-karigi tagħhom sabiex jibdew jaħdmu, pereżempju fis-settur privat, li jinvolvi l-lobbying tal-kollegi tagħhom ta’ qabel. Wara żewġ ilmenti dwar każijiet hekk imsejħa ta’ “revolving door”, fl-2014 l-Ombudsman għamlet sensiela ta’ rakkomandazzjonijet dwar kif għandhom jiġu indirizzati każijiet bħal dawn. F’ittra lill-Viċi President tal-Kummissjoni Kristalina Georgieva, l-Ombudsman enfasizzat l-importanza ta’ raġunamnet ċar meta l-Kummissjoni tagħti l-permess għall-impjieg futur ta’ ex uffiċjali superjuri.

F’Diċembru, il-Kummissjoni bdiet tippubblika l-ismijiet ta’ ċerti uffiċjali superjuri li jitilqu mill-Kummissjoni għal impjiegi ġodda. L-informazzjoni disponibbli pubblikament tinkludi d-dmirijiet ta’ qabel tal-uffiċjali superjuri kkonċernati, ir-rwol il-ġdid tagħhom u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni stess ta’ kunflitti ta’ interess possibbli. L-Ombudsman laqgħet il-mossa, li hija f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tagħha, iżda enfasizzat li hi baqgħet issostni t-talba tagħha li l-Kummissjoni għandha tippubblika l-ismijiet b’mod iktar regolari mill-minimu legali ta’ darba f’sena. Talbet ukoll lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji l-oħrajn tal-UE sabiex jimplimentaw ukoll dawn il-miżuri ta’ trasparenza kif meħtieġ skont ir-Regolameti tal-Persunal tal-UE.

L-impjieg ta’ wara xogħol mal-Kummissjoni kien ukoll is-suġġett ta’ ittra tal-Ombudsman lill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker, fejn intlabet iktar trasparenza proattiva dwar karigi assunti minn ex Kummissjonari. Bħala reazzjoni, il-President Juncker qal li l-Kummissjoni se tagħmel il-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni aċċessibbli iktar faċilment meta tittieħed deċiżjoni dwar l-attivitajiet relatati mal-perjodu ta’ wara l-mandat ta’ ex Kummissarji. F’ittra f’Diċembru, l-Ombudsman sostniet il-pożizzjoni tagħha li l-Kummissjoni għandha tippubblika b’mod proattiv — jekk neċessarju tabbozza informazzjoni personali — l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Etika ad hoc, li l-Kummissjoni għandha timxi magħhom, meta jkunu qegħdin jiġu vvalutati r-rwoli futuri tal-Kummissarji. #5

Ittra kbira lill-President Juncker mill-Ombudsman Ewropew fejn fiha tintalab iktar trasparenza dwar passi ta’ “revolving door” mill-ex Kummissarji.

Sabiex jinżammu standards għoljin ta’ etika fl-amministrazzjonijiet pubbliċi jeħtieġ li konsulenti minn barra wkoll ikunu soġġetti għal valutazzjoni rigoruża tal-kunflitti ta’ interess potenzjali. Dan kien il-qofol ta’ każ fejn NGO Ingliża lmentat dwar il-mod kif l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) trattat kwistjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess allegat li jinvolvi membri mill-grupp ta’ ħidma tal-EFSA dwar insetti ġenetikament modifikati. L-Ombudsman sabet li l-EFSA naqset milli tassigura li dawk l-esperti li jaħdmu fl-akkademja jiddikjaraw l-informazzjoni relevanti kollha lill-EFSA. Hija ssuġġeriet li l-EFSA għandha tirrevedi r-regoli tagħha tal-kunflitt ta’ interess.

Fil-bidu tal-2015, l-Ombudsman ippubblikat ir-riżultati tal-investigazzjoni tagħha ta’ f’liema stat qegħdin ir-regoli tal-whistleblowing fl-istituzzjonijiet tal-UE. L-investigazzjoni tagħha, miftuħa f’Lulju tal-2014, sabet li żewġ istituzzjonijiet biss minn disgħa interrogati mill-uffiċċju tagħha introduċew regoli interni ta’ whistleblowing. Filwaqt li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri kellhom regoli bħal dawn, il-Parlament, il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja, is-Servizz għall-Azzjoni Esterna, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data ma kellhomx. #6

L-Ombudsman Ewropew issib li żewġ istituzzjonijiet biss minn disgħa għandhom linji gwida adegwati dwar il-whistleblowing.

Ir-rispons wera li hemm iktar xi jsir sabiex jintwera lill-pubbliku u lill-whistleblowers potenzjali li l-istituzzjonijiet tal-UE jinkoraġixxu l-whistleblowing u se jipproteġu lill-informaturi kontra r-ritaljazzjoni.

Investigazzjoni magħluqa mill-Ombudsman fl-2015 li tikkonċerna s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna uriet il-bżonn għal regoli bħal dawn. L-ilmentatur, membru tal-persunal tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM), irrikorra għall-Ombudsman wara li tilef l-impjieg tiegħu. L-ilmentatur irċieva ittra li tiddikjara li l-kuntratt tiegħu kien se jiġi terminat tmient ijiem wara li informa lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bl-irregolaritajiet allegati fl-EUPM. Qabel, l-ilmentatur, kien diġà bagħat ittra lill-Kap tal-Missjoni sabiex jallega 20 irregolarità fl-EUPM. L-Ombusdman innotat li b’mod raġonevoli, il-ħin u t-test tal-waqfien jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li l-ilmentatur twaqqaf minħabba li żvela l-informazzjoni. L-Ombudsman ikkritikat ukoll il-proċess użat għar-rieżami intern ad hoc sabiex jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet tal-ilmentatur.

Lejn l-aħħar tal-2015, is-Servizz għall-Azzjoni Esterna informa lill-Ombudsman li adotta r-regoli tal-Kummissjoni dwar l-iżvelar tal-informazzjoni protetta u sar qbil dwar proċedura separata għall-whistleblowing għall-missjonijiet tiegħu. Il-Parlament u l-Kumitat tar-Reġjuni adottaw ukoll ir-regoli neċessarji għall-iżvelar tal-informazzjoni protetta. L-Ombudsman sejra tistudja d-dettalji tar-regoli adottati u tinsab ħerqana li r-regoli jiġu adottati minn istituzzjonijiet oħrajn. Regoli robusti f’dan il-qasam ifissru li kwalunkwe għemil ħazin fl-amministrazzjoni tal-UE jwassal għal ċans ikbar li jitla’ f’wiċċ l-ilma.

2.5 Id-drittijiet fundamentali

Li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-UE jirrispettaw id-drittijiet fundamentali hija parti ewlenija minn xogħol l-Ombudsman. Hawnhekk ukoll, l-istituzzjonijiet tal-UE għamlu tibdil importanti b’riżultat tal-kooperazzjoni tajba tagħhom mal-uffiċċju tal-Ombudsman. #7

L-Ombudsman Ewropew tgħidilna li l-Frontex għandha “lok għal titjib” sinifikanti fil-mod kif titratta r-ritorn konġunt tal-migranti illegali.

L-uffiċċju wettaq investigazzjoni — b’mod parallel ma’ 19-il membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen — dwar jekk id-drittijiet fundamentali tal-migranti li jiġu sfurzati jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom humiex jiġu rispettati. L-Ombudsman eżaminat ir-rwol tal-Frontex l-aġenzija tal-fruntieri tal-UE fir-ritorn konġunt sfurzat filwaqt li 19-il uffiċċju nazzjonali tal-ombudsman ikkjarifika kif twettaq ir-ritorn sfurzat mill-Istati Membri tagħhom. L-Ombudsman għalqet l-investigazzjoni tagħha f’Mejju b’sensiela ta’ proposti li jinkludu li familji bit-tfal, kif ukoll nisa tqal, għandhom ikunu bilqiegħda separatament minn persuni oħrajn li jkunu qegħdin jintbagħtu lura, u li l-aġenzija għandha tippromwovi regoli komuni dwar l-użu tal-mezzi tat-trażżin. Ir-rispons tal-Frontex kien eżemplari. F’Diċembru, il-Parlament appoġġja talba mill-Ombudsman, wara investigazzjoni li saret qabel fl-2013, li l-Frontex tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ ilmenti għall-ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali li joħorġu minn xogħolha. Il-Kummissjoni sussegwente ment ipproponiet abbozz ta’ regolament għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta Ewropea sabiex tieħu post il-Frontex. Inkluż fil-proposta hemm dan il-mekkanizmu tal-ilmenti. #8

Laqgħa tal-partijiet ikkonċernati, il-Frontex u l-Ombudsman Ewropew dwar ir-rapport fuq Frontex mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-Parlament Ewropew.

Fl-2015 l-Ombudsman għalqet ukoll l-investigazzjoni tagħha dwar jekk il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hijiex tiġi rispettata meta l-Istati Membri jonfqu l-flus fuq proġetti ffinanzjati mill-Fond tal-UE ta’ Koeżjoni. F’Mejju tal-2014 fetħet l-investigazzjoni tagħha fost tħassib, ħafna minnu mqajjem mis-soċjetà ċivili, li l-flus tal-UE jistgħu jintnefqu b’tali mod li jimminaw dawn id-drittijiet, bħal mhu l-użu tal-fondi għal proġetti li jistituzzjonalizzaw persuni b’diżabilità iktar milli jintegrawhom fis-soċjetà. L-Ombudsman użat ir-rispons mill-NGOs u l-ombudsmen nazzjonali sabiex tfassal tmien proposti għall-Kummissjoni fis-superviżjoni tagħha tal-Istati Membri f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni wieġbet f’Novembru billi ħabbret linji gwida indirizzati lill-Istati Membri dwar ir-rispett għall-Karta fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni, li għandhom jiġu segwiti b’taħriġ.

Każ ibbażat fuq ilmentatur dwar id-drittijiet fundamentali involva impjegat tal-Parlament, li għandu tifla b’difett kbir fil-moħħ. L-impjegat irrikorra għall-Ombudsman wara li l-Parlament ra kif għamel biex jirrevoka deroga li kien taha mill-movimenti tal-mobilità tal-persunal perjodiċi. L-Ombudsman talbet lill-Parlament sabiex iżomm id-deroga sakemm is-sitwazzjoni tat-tifla tal-ilmentatur tibqa’ teħtieġ il-preżenza tal-omm, anki jekk dan ifisser li jkun għal tul indefinit. Il-Parlament qabel ma’ din ir-rakkomandazzjoni.

2.6 Politika tal-kompetizzjoni tal-UE

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni jista’ jkollhom implikazzjonijiet profondi għall-kumpaniji għaliex jiddeterminaw, pereżempju, jekk dawn tal-aħħar humiex intitolati li jingħaqdu ma’ xulxin, jekk humiex ikkunsidrati bħala li qegħdin joperaw bħala kartell, jew humiex jużaw prattiki inġusti. Standards għoljin fil-prattiki amministrattivi mill-Kummissjoni, inkluż l-imparzjalità fit-teħid tad-deċiżjonijiet, japplikaw hawn ukoll.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager.

Każ wieħed relatat mal-politika tal-kompetizzjoni kien jikkonċerna stqarrijiet pubbliċi fl-2012 u l-2014 magħmula mill-Kummissarju tal-Kompetizzjoni ta’ dak iż-żmien dwar l-investigazzjoni li kienet għaddejja ta’ kartell possibbli. Crédit Agricole, wieħed mill-banek li qegħdin jiġu investigati, ilmenta li l-istqarrijiet jagħtu impressjoni li l-Kummissjoni kienet diġà ddeċidiet x’se jkun ir-riżultat finali tal-investigazzjoni. Wara li eżaminat il-każ, f’Marzu, l-Ombudsman talbet li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li seħħet amministrazzjoni ħażina u li għandha tieħu passi sabiex tevita problemi simili fil-futur.

Fid-deċiżjoni finali tagħha li għalqet l-investigazzjoni tagħha f’Novembru, l-Ombudsman qalet li kienet sodisfatta li l-Kummissjoni ħadet passi sabiex tevita milli dan jerġa’ jseħħ fil-futur. Tenniet ukoll is-sejbiet ta’ qabel tagħha ta’ amministrazzjoni ħażina għaliex il-Kummissjoni kienet perċeputa li laħqet konklużjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-ilmentatur f’kartell qabel l-investigazzjoni kienet intemmet. #9

L-Ombudsman Ewropew tikkritika l-ex regolatur fil-każ ta’ Crédit Agricole.

2.7 Il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċizjonijiet fl-UE

Iċ-ċittadini pubbliċi qegħdin jitolbu iktar għad-dritt li jkollhom vuċi fit-tfassil tal-politika tal-UE. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), li ilha topera mill-2012 ġiet stabbilita sabiex tipprova tissodisfa din l-aspettattiva. Skont ir-regoli tal-ECI, miljun ċittadin minn tal-inqas seba’ Stati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tilleġiżla f’ċertu qasam. #10

Għall-Ombudsman Ewropew, it-tweġiba tal-Kummissjoni Ewropea għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej għandha tkun dettaljata u trasparenti.

Wara li rċeviet numru ta’ ilmenti dwar ir-rekwiżi legali u prattiċi fit-tmexxija tal-inizjattiva taċ-ċittadin, l-Ombudsman iddeċidiet li tinvestiga l-proċedura tal-ECI u r-rwol tal-Kummissjoni fiha. L-Ombudsman stiednet lill-organizzaturi tal-ECIs, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u ċittadini interessati sabiex jipprovdu kontribut ta’ kemm qed taħdem tajjeb l-ECI. Dawn it-tweġibiet iddaħħlu fil-linji gwida għat-titjib tal-funzjonament tal-ECI. Is-suġġerimenti jinkludu l-iżgurar li r-raġunament għaċ-ċaħda ta’ ECI huwa robust u komprensibbli; u l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti aktar sempliċi u uniformi fir-rigward tad-data personali meħtieġa għall-appoġġ tal-firem. #11

L-Ombudsman Ewropew tgħid li hemm iktar x’jista’ jsir mill-Kummissjoni Ewropea sabiex tittejjeb l-Inizjativa Ewropea taċ-Ċittadini.

L-Ombudsman ippreżentat dawn il-linji gwida fil-”Ġurnata tal-ECI” annwali fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew f’April. Innotat li l-ECI tirriskja li tfalli jekk titqies bħala għodda li hija sempliċiment ittollerata mill-Kummissjoni iktar milli promossa b’mod attiv. Il-Kummissjoni wieġbet billi qalet li sejra tipprova ttejjeb l-ispjegazzjonijiet tagħha talli ma ħaditx azzjoni fuq inizjattiva u li tejbet is-softwer tal-ġbir ta’ data online. #12

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bħala għodda ta’ involviment tirrikjedi li ċ-ċittadini mhux biss iħossuhom mismugħa iżda wkoll mifhuma, tgħid l-Ombudsman Ewopew.

L-importanza li l-pubbliku jiġi kkonsultat dehret ukoll f’ilment li għamlet l-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Telekomunikazzjonijiet Kompetittivi (ECTA, European Competitive Telecommunications Association) lill-Ombudsman. L-Assoċjazzjoni akkużat lill-Kummissjoni li naqset milli twettaq konsultazzjoni pubblika adegwata kif ukoll valutazzjoni tal-impatt qabel ma ssottomettiet proposta għal regolament dwar is-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, li parti minnha tinkludi t-tneħħija gradwali tat-tariffi tar-roaming. L-Ombudsman ikkonkludiet li, filwaqt li l-Kummissjoni normalment għandha timxi mal-istandards minimi ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi (kif stipulati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fl-2002), kellha d-dritt li tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika u li tagħmel għażliet ta’ politika fil-kuntest partikolari ta’ din il-proposta leġiżlattiva. Madankollu, l-Ombudsman appellat lill-Kummissjoni biex tiċċara skont ir-regoli tagħha stess, iċ-ċirkostanzi preċiżi u limitati li fihom tista’ tillimita konsultazzjoni pubblika minħabba prijorità ta’ politika.

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) kienet ukoll is-suġġett ta’ ilment dwar konsultazzjoni pubblika. NGO minn Wales ilmentat li l-konsultazzjoni pubblika tal-EFSA dwar l-użu tal-glifosat (erbiċida) ma kinitx faċli biżżejjed biex tinftiehem mill-utenti. Wara l-intervent tal-Ombudsman, l-EFSA ssimplifikat il-proċeduri tagħha għall-parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni pubblika.

2.8 Aġenziji tal-UE

Il-maġġoranza tal-ħidma tal-Ombudsman hija relatata ma’ investigazzjonijiet li jikkonċernaw il-Kummissjoni, xi ħaġa li hija riflessjoni tad-daqs amministrattiv, il-produzzjoni u l-medda ta’ dmirijiet tagħha. Madankollu, l-aġenziji tal-UE — li jindirizzaw medda sħiħa ta’ kwistjonijiet minn drittijiet fundamentali, sa mediċini, l-ambjent, u s-sigurtà tal-avjazzjoni — għandhom rwol kbir, jekk mhux dirett, f’ħajjet iċ-ċittadini. Huma t-tieni l-akbar sors ta’ investigazzjonijiet imwettqa mill-Ombudsman. Bħall-istituzzjonijiet l-oħrajn, l-aġenziji huma meħtieġa li jinżammu bl-ogħla standards ta’ trasparenza, kontabbiltà u etika.

Każ wieħed ta’ aġenzija li ġie indirizzat mill-Ombudsman fl-2015 ikkonċerna lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ibbażata f’Ħelsinki. L-Ombudsman fetħet investigazzjoni wara ilment minn NGO dwar proposti ta’ provi li jinvolvu l-annimali. L-ECHA kienet argumentat li ma tistax tirrifjuta proposti bħal dawn, filwaqt li l-NGO rribattiet li d-data għall-proposti tal-ittestjar tista’ tiġi ġġenerata bl-użu ta’ metodu alternattiv. L-Ombudsman ikkonkludiet li l-interpretazzjoni tal-ECHA tar-rwol tagħha kien strett wisq. Ipproponiet lill-ECHA li teħtieġ li r-reġistranti kollha juru li kienu ppruvaw jevitaw il-provi fuq l-annimali u li tipprovdi lir-reġistranti b’informazzjoni li tippermittilhom jevitaw provi fuq l-annimali. L-ECHA qablet sabiex timplimenta ż-żewġ proposti. #13

Biċċa xogħol tajba mill-Ombudsman Ewropew. Prosit!

F’Ottubru tal-2015, l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka, li tinsab fi Brussell, kienet taħt il-lenti. Il-każ ikkonċerna r-rifjut ta’ applikazzjoni għal pożizzjoni ta’ fellowship skont il-programm ta’ riċerka tal-UE. Wara li inizjalment kien offrut il-pożizzjoni minn università, l-ilmentatur ġie infurmat li l-internship passat tiegħu f’kumpanija privata għamel l-applikazzjoni tiegħu waħda “etikament inaċċettabbli” għax, fost raġunijiet oħra mogħtija, kien hemm kunflitt legali bejn membri tat-tim u dik il-kumpanija. Huwa ilmenta mal-Aġenzija iżda l-Aġenzija qalet li tqabbad ir-riċerkaturi kienet kwistjoni għall-benefiċjarji tal-għotjiet, f’dan il-każ l-univeristà. Ir-riċerkatur irrikorra għall-Ombudsman li qalet li l-proċedura ma kinitx trasparenti. L-Ombudsman irrakkomandat lill-Aġenzija sabiex iżżid is-sorveljanza tagħha fuq il-prattiki tar-reklutaġġ mill-istituzzjonijiet li jagħtu l-fellowships fil-qasam tar-riċerka. L-Aġenzija aċċettat ir-rakkomandazzjoni.

Każ ieħor ikkonċerna lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) li ġiet akkużata minn grupp komunitarju żgħir fl-Irlanda li qassret id-dati ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet għal finanzjament għal proġetti ta’ ġemellaġġ tal-irħula b’mod inġust. Wara l-intervent tal-Ombudsman, l-EACEA kkjarifikat l-azzjonijiet tagħha u l-ilmentatur sejjer ikun jista’ jipparteċipa fi proġett ta’ ġemellaġġ fl-2016.

Kapitolu 3 - L-20 Anniversarju tal-uffiċċju tal-Ombudsman

L-Ombudsman Ewropew mal-MEPs Peter Jahr (xellug) u Seán Kelly (lemin), fiċ-ċelebrazzjoni tal-20 sena tal-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew.

L-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, stabbilit bit-Trattat ta’ Maastricht, għalaq 20 sena fl-2015. Sabiex tiġi ċċelebrata din l-okkażjoni, Emily O’Reilly organizzat kollokju f’Ġunju — li għalih attendew iż-żewġ persuni ta’ qabilha, Jacob Söderman u Nikiforos Diamandouros, kif ukoll ġew mistiedna xi ombusdmen u akkademiċi oħrajn — sabiex jiddiskutu l-evoluzzjoni tal-uffiċċju tal-ombudsman, kif ukoll kwistjonijiet ewlenin bħalma huma t-trasparenza, l-amministrazzjoni tajba u l-ombudsprudenza. Fid-diskors tagħha fil-kollokju, l-Ombudsman innotat li xogħolha seta’ jsir minħabba l-fatt li l-istituzzjonijiet tal-UE jibqgħu jaċċettaw u jirrispettaw ir-rwol tal-Ombudsman fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika usa’.

Kollokju li jimmarka l-għoxrin anniversarju tal-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew.

L-Ombudsman Ewropew flimkien ma’ Cecilia Wikström (lemin) u Marlene Mizzi (xellug), il-President u l-Viċi President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew rispettivament, fir-riċeviment biex jiġi mfakkar l-għoxrin anniversarju tal-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew.

F’Novembru, l-uffiċċju ċċelebra l-anniversarju permezz ta’ riċeviment fil-Parlament Ewropew mal-President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, Cecilia Wikström, bħala kelliema mistiedna. Diversi MEPs, ombudsmen nazzjonali, kuntatti fl-istituzzjonijiet tal-UE, u partijiet ikkonċernati oħrajn attendew għall-avveniment.

Kapitolu 4 - Ir-relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet tal-UE

4.1 Il-Parlament Ewropew

L-Ombudsman Ewropew tippreżenta r-Rapport Annwali tal-2014 tagħha lill-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz.

L-Ombudsman tqis il-fatt li jkollha relazzjoni tajba mal-Parlament Ewropew bħala essenzjali għall-ħidma tagħha. Matul l-2015, l-Ombudsman iltaqgħet mal-President Martin Schulz kif ukoll ma’ 30 Membru tal-Parlament Ewropew (MEPs) mill-gruppi politiċi maġġuri kollha u minn varjetà ta’ Stati Membri. L-Ombudsman tieħu sehem f’laqgħat tal-Kumitat fuq talba. Is-sena l-oħra, dehret fil-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet u l-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, Ġustizzjoni u Affarijiet Interni tal-Parlament Ewropew. Tkellmet ukoll fis-Seduta Komuni “Lejn grad għoli ta’ Kontabbiltà, Trasparenza u Integrità fl-Istituzzjonijiet tal-UE”.

4.2 Kumitat għall-Petizzjonijiet

L-Ombudsman tinsab fi djalogu kontinwu mal-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet. Dan il-kuntatt huwa essenzjali sabiex jappoġġja liċ-ċittadini u r-residenti tal-UE fit-tħassib tagħhom u sabiex jikkoordinaw ix-xogħol tal-Ombudsman u tal-Kumitat. Filwaqt li l-Ombudsman tindirizza ilmenti kontra istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jindirizza petizzjonijiet fir-rigward ta’ oqsma tal-UE ta’ attività fl-Ewropa kollha. L-2015 kienet sena oħra ta’ kooperazzjoni b’suċċess mal-President tal-Kumitat, Cecilia Wikström, u l-MEPs mill-gruppi politiċi kollha. L-Ombudsman tapprezza l-isforzi konġunti li għaddejjin bħalissa sabiex jittrasformaw l-UE f’waħda iktar immirata lejn is-servizz u relazzjoni amikevoli maċ-ċittadin.

4.3 Kummissjoni Ewropea

L-Ombudsman Ewropew mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker.

L-Ombudsman Ewropew mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropew, Frank Timmermans.

Il-Kummissjoni Ewropea hija l-eżekuttiv tal-UE u hija wkoll responsabbli mill-parti l-kbira tax-xogħol amministrattiv tal-UE u s-suġġett ta’ ħafna attenzjoni pubblika. Għaldaqstant, din tagħmilha s-suġġett tal-maġġoranza tal-ilmenti lill-Ombudsman. Bħala riżultat, l-Ombudsman iżżomm relazzjonijiet b’saħħithom mal-Kummissjoni u fl-2015 iltqagħet mal-President Juncker tliet darbiet kif ukoll ma’ diversi Viċi Presidenti, diversi Kummissarji u s-Segretarju Ġenerali. Il-laqgħat ta’ kull xahar fuq livell tas-servizzi komplew ukoll matul is-sena. L-Ombudsman tħares lura lejn sena ta’ sforzi kontinwi sabiex iżżid it-trasparenza u relazzjonijiet ta’ xogħol b’saħħithom mal-Kummissjoni.

4.3 Istituzzjonijiet u aġenziji oħrajn

L-Ombudsman żammet ukoll relazzjonijiet importanti mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-aġenziji tal-UE l-oħrajn sabiex tgħin fit-titjib tal-kultura amministrattiva u l-kooperazzjoni interistituzzjonali tagħhom. Fl-2015, l-Ombudsman iltaqgħet mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, il-Viċi President tal-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment u d-Direttur Interim tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-laqgħat huma parti integrali mill-mandat tal-Ombudsman sabiex iżżomm l-”istandard tad-deheb” fl-amministrazzjoni pubblika u b’mod intrinsiku fl-istrateġija tagħha żżid ir-relevanza, il-viżibilità u l-impatt f’isem iċ-ċittadini. #14 #15

Laqgħa tajba fi Strassburgu bejn l-Ombudsman Ewropew u Federica Mogherini, Rappreżentanta tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

L-Ombudsman Ewropew għadha kif ikkonkludiet laqgħa produttiva mal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Werner Hoyer, u mal-Viċi President, Jonathan Taylor.

4.4 Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità

L-Ombudsman tista’ ssib amministrazzjoni ħażina jekk istituzzjoni tal-UE tikser xi wieħed mid-drittijiet stipulati fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UN CRPD).

Fl-2015, l-Espert tal-Kumitat tal-UN CRPD irrieżamina l-implimentazzjoni tal-UE tal-Konvenzjoni. Bħala membru tal-Qafas li jissorvelja din l-implimentazzjoni, l-Ombudsman ipprovdiet eżempji tal-investigazzjonijiet tal-uffiċċju tagħha. L-Ombudsman hija involuta wkoll b’mod attiv fir-riforma tal-Qafas.

Wieħed mill-ilmenti li l-Ombudsman indirizzat kien ġej minn kandidat trux li kien talab għal ħin addizzjonali għat-testijiet tal-għażla f’kompetizzjoni tal-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (EPSO). L-EPSO ma laqgħetx dik it-talba, u l-kandidat irrikorra għall-Ombudsman, li bħalissa qiegħda tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati u l-esperti dwar il-kwistjoni.

F’ilment ieħor, l-Ombudsman ikkunsidrat bħala inaċċettabbli li Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura ma setgħetx tipprovdi interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali f’konferenza tal-Erasmus+, wara li inizjalment kienet ikkonfermat li setgħet. Xi ftit jiem qabel l-avveniment, l-organizzaturi qalu lil min talabha li l-interpretu li kellu jipprovdi s-servizz kien irtira. L-Ombudsman talbet lill-Aġenzija tirrieżamina l-arranġamenti tagħha għall-provvediment tal-interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali sabiex tipprevjeni l-problema milli terġa’ isseħħ. #16

L-Ombudsman Ewropew tirrakkomanda Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità indipendenti bissħiħ u b’riżorsi adegwati li tissorvelja qafas b’bażi legali xierqa.

Kapitolu 5 - In-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen

Ilmenti trasferiti lejn istituzzjonjiet u korpi oħrajn; Ilmentaturi avżati sabiex jikkuntattaw istituzzjonijiet u korpi oħrajn mill-Ombudsman Ewropew fl-2015.
-Nota: Billi f’ċerti każijiet l-Ombudsman tat aktar minn tip ta’ parir wieħed lill-ilmentatur, il-perċentwali t’hawn fuq jammontaw għal total ta’ aktar minn 100 %.

Is-seminar tan-Netwerk Ewropew tal-Ombdusmen f’Varsavja.

L-għan strateġiku tal-Ombudsman Ewropew huwa li jiżdied l-impatt, ir-relevanza u l-viżibilità tal-uffiċċju. Fl-2015, flimkien mal-ombudsmen kollegi tagħha fuq livell nazzjonali, l-Ombudsman tat bidu wkoll għal riforma tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen (ENO) sabiex tagħmlu iktar viżibbli u relevanti għall-pubbliku Ewropew. In-Netwerk jinkludi 96 uffiċċju f’36 pajjiż Ewropew kif ukoll il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Bl-użu tal-kontribut tal-membri tal-ENO, l-Ombudsman Ewropew fasslet sensiela ta’ proposti għar-riforma tan-Netwerk. Fost it-tibdiliet ewlenin kien hemm bidu ta’ investigazzjonijiet paralleli mwettqa mill-Ombudsman Ewropew u mill-uffiċċji nazzjonali tal-ombudsman kif ukoll kooperazzjoni iktar mill-qrib dwar suġġetti tal-istess interess.

Is-seminar tan-Netwerk Ewropew tal-Ombdusmen f’Varsavja.

Eżempju wieħed tal-investigazzjoni parallela, kif imsemmi hawn fuq, kien fir-ritorn sfurzat tal-migranti irregolari mill-UE. L-Ombudsman Ewropew eżaminat kif il-Frontex indirizzat dawn ir-ritorni sfurzati filwaqt li kollegi minn 19-il uffiċċju nazzjonali eżaminaw kif dawn ġew indirizzati mill-Istati Membri. Fuq il-bażi tas-sejbiet tagħhom, l-Ombudsman Ewropew għamlet sensiela ta’ proposti lill-Frontex. Investigaturi involuti fl-investigazzjoni parallela organizzaw laqgħa ta’ segwitu f’Madrid f’Ottubru. #17

In-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen: investigaturi jiskambjaw esperjenzi dwar titjiriet ta’ ritorn sfurzat konġunti tal-Frontex u l-Istat Membru.

Wara diskussjonijiet ma’ kollegi nazzjonali, l-Ombudsman Ewropew f’Diċembru informat lill-Kummissjoni li l-ENO se jmissu jeżamina jekk flus mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) tal-UE humiex jintnefqu fuq livell ta’ Stat Membru b’tali mod li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-migranti.

Is-seminar tan-Netwerk Ewropew tal-Ombdusmen f’Varsavja.

Eżempju ieħor ta’ kooperazzjoni tematika kienet it-tnedija tal-Ombudsman Ewropew f’Diċembru ta’ konsultazzjoni mal-kollegi kollha tan-Netwerk dwar it-trasparenza fil-lobbying. L-għan huwa li jiġu prodotti linji gwida għall-impjegati taċ-ċivil fl-UE u fuq livell nazzjonali fil-kuntatti tagħhom ma’ rappreżentanti ta’ interess. Id-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tiffoka fuq din il-kwistjoni tirrifletti l-fatt li mhumiex biss l-amministrazzjonijiet tal-UE li huma soġġetti għall-pressjoni tal-lobbying iżda anki amministrazzjonijiet nazzjonali. Sabiex ikunu effettivi, il-linji gwida dwar it-trasparenza fil-lobbying għandhom jirriflettu din ir-realtà ta’ diversi livelli. #2

 

Din il-ġimgħa l-Ombudsman Ewropew żaret Vjenna u Budapest għal skambju ta’ fehmiet mal-Ombudsmen Awstraljan u Ungeriż fir-rigward tal-pjanijiet tagħna sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen. Iltaqgħet ukoll ma’ ġurnalisti, partijiet ikkonċernati u uffiċjali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

Fost il-proposti ta’ riforma oħrajn għan-Netwerk, kien hemm l-idea li jiġi organizzat seminar kbir tal-ENO kull sena fi Brussell sabiex jiġi diskuss suġġett ta’ interess pubbliku ewlieni. Barra minn hekk, l-Ombudsman Ewropew bdiet ittejjeb il-proċess intern għall-indirizzar tal-mistoqsijiet minn uffiċċji nazzjonali dwar il-liġi tal-UE. Dan għandu jassigura li t-tweġibiet — miksubin mill-istituzzjonijiet tal-UE — jaslu fil-ħin mill-kollegi nazzjonali sabiex jużawhom fl-investigazzjonijiet tagħhom stess. Uffiċċji nazzonali tal-ombudsman ġew imħeġġin ukoll sabiex jissottomettu kontributi konġunti għall-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni Ewropea dwar proposti leġiżlattivi li jolqtu d-drittijiet taċ-ċittadini.

L-għaxar seminar nazzjonali tal-ENO sar f’Varsavja f’April. Il-konferenza bl-isem ta’ “Ombudsmen against discrimination” (L-Ombudsmen kontra d-diskriminazzjoni) iddiskutiet kif l-ombudsmen indirizzaw każijiet li jinvolvu d-diskriminazzjoni, id-drittijiet ta’ persuni li ġejjin minn minoritajiet nazzjonali, u d-drittijiet tal-anzjani.

F’Diċembru, l-Ombudsman żaret il-kontroparti tagħha fi Vjenna u Budapest. Diskussjonjiet fiż-żewġ kapitali ffukaw fuq kwistjonijiet bħalma huma d-drittijiet fundamentali, it-trasparenza u l-lobbying. Iż-żjara daħlet fil-kuntest tal-għan tal-Ombudsman sabiex iżżid il-viżibilità tan-Netwerk u tenfasizza l-importanza li jaħdmu flimkien fuq livell nazzjonali u Ewropew.

Il-pubblikazzjoni tal-Ombudsman Problemi mal-UE? Min jista’ jgħinek? fiha aktar informazzjoni dwar mezzi alternattivi ta’ rimedju.

Kapitolu 6 - Riżorsi

6.1 Baġit

Il-baġit tal-Ombudsman huwa taqsima indipendenti tal-baġit tal-UE. Huwa maqsum fi tliet titoli. It-Titolu 1 ikopri salarji, allowances, u nfiq ieħor relatat mal-persunal. It-Titolu 2 ikopri bini, għamara, tagħmir u nfiq operattiv mixxellanju. It-Titolu 3 jinkludi l-infiq li jirriżulta mill-funzjonijiet ġenerali mwettqa mill-istituzzjoni. Fl-2015, l-approprjazzjonijiet ibbaġitjati ammontaw għal EUR 10 346 105.

Bil-għan li jiżgura l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi, l-awditur intern tal-Ombudsman iwettaq verifiki regolari tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-istituzzjoni u tal-operazzjonijiet finanzjarji mwettqa mill-uffiċċju. Kif inhu l-każ ta’ istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, l-istituzzjoni tal-ombudsman tiġi vverifikata wkoll mill-Qorti Ewropew tal-Awdituri.

6.2 Użu tar-riżorsi

Il-persunal tal-Ombudsman Ewropew.

Kull sena, l-Ombudsman jadotta Pjan ta’ Ġestjoni Annwali (AMP), li jidentifika azzjonijiet konkreti li l-uffiċċju jeħtieġ li jieħu sabiex jimplimenta l-objettivi u l-prijoritajiet tal-istituzzjoni. L-AMP tal-2015 ser ikun l-ewwel wieħed ibbażat fuq l-Istrateġija tal-Ombudsman Ewropew — “Lejn l-2019”.

6.3 It-tim wara l-Ombudsman

Beate Gminder issieħbet fl-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew bħala Segretarju Ġenerali.

L-istituzzjoni għandha persunal multilingwi u bi kwalifiki għoljin. Dan jiżgura li hija tkun tista’ tindirizza ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE u biex tqajjem sensibilizzazzjoni lejn il-ħidma tal-Ombudsman. Fl-2015, it-tabella tal-persunal tal-Ombudsman Ewropew kien fiha 66 kariga. F’Settembru, Beate Gminder issieħbet fl-uffiċċju bħala Segretarju Ġenerali, fejn issostitwixxiet lil Ian Harden, meta rtira.

Lista sħiħa u aġġornata regolarment tal-persunal, inkluża informazzjoni dettaljata dwar l-istruttura tal-uffiċċju tal-Ombudsman u l-kompiti ta’ kull taqsima, hija disponibbli fuq is-sit web tal-Ombudsman.

Kapitolu 7 - Tip u sors tal-ilmenti

Mill-2015, l-Ombudsman Ewropew kienet qiegħda tadatta kontinwament il-proċeduri tagħha tal-investigazzjonijiet sabiex tagħmilhom iktar effiċjenti u jkollhom impatt ikbar fuq numru ikbar ta’ ċittadini. Għalhekk, diversi każijiet ibbażati fuq l-ilmenti ma nfetħux individwalment iżda minflok ġew indirizzati fil-kuntest tal-investigazzjonijiet strateġiċi, eż. it-trasparenza tat-TTIP, il-kompożizzjoni ta’ gruppi esperti, jew ir-rispett għad-drittijiet umani fil-kuntest tal-Fond ta’ Koeżjoni tal-UE. Ilmenti individwali oħrajn kienu kważi ċertament imwaqqgħin b’dan l-approċċ strateġiku iktar proattiv.

Ċittadini li ngħataw l-għajnuna mill-Ombudsman Ewropew fl-2015
(1) Investigazzjonijiet tekniċi fuq inizjattiva proprja (eż., ibbażati fuq ilmenti ġejjin miċ-ċittadini) huma distinti minn investigazzjonijiet strateġiċi fuq inizjattiva proprja (eż., dwar trasparenza ta’ trilogu u pagament tardiv).
(2) Dawn jinkludu investigazzjonijiet strateġiċi dwar it-trasparenza tat-TTIP, l-iżvelar tal-informazzjoni protetta, l-Inizjattiva Ewropea taċ-Ċittadini, iddrittijiet fundamentali fil-politika tal-koeżjoni tal-UE, u r-ritorni sfurzati tal-Frontex.
(3) L-Ombudsman għażlet li ssegwi numru ta’ suġġetti strateġikament importanti mingħajr ma tniedi investigazzjoni, eż. dwar it-trasparenza tal-BĊE, attivitajiet ta’ wara l-mandat tal-eks Kummissarji, u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF).

Numru ta’ lmenti fil-mandat tal-Ombudsman Ewropew 2003-2015

Numru ta’ lmenti barra mill-mandat tal-Ombudsman Ewropew 2003-2015

L-oriġini nazzjonali ta’ lmenti reġistrati u investigazzjonijiet miftuħin mill-Ombudsman Ewropew 2015

Kapitolu 8 - Kontra min?

Investigazzjonijiet miftuħin mill-Ombudsman Ewropew fl-2015 ikkonċernaw l-istituzzjonijiet li ġejjin
Nota: Fl-2015 infetħet investigazzjoni waħda fuq inizjattiva proprja (dwar it-trasparenza ta’ trilogu) li kkonċernat iktar minn istituzzjoni waħda. Għalhekk meta l-perċentwali t’hawn fuq jingħaddu flimkien, ir-riżultat aħħari jaqbeż il-100 %.

Kapitolu 9 - Dwar xiex?

Suġġetti tal-investigazzjonijiet magħluqin mill-Ombudsman Ewropew fl-2015
Nota: F’xi każijiet, l-Ombudsman għalqet l-investigazzjonijiet b’żewġ suġġetti jew aktar. Għalhekk meta l-perċentwali t’hawn fuq jingħaddu flimkien, ir-riżultat aħħari jaqbeż il-100 %.
(1) Pereżempju, kunflitti ta’ interess jew dewmien u nuqqas ieħor fil-proċeduri tal-istituzzjonijiet.
(2) Pereżempju, il-proċeduri tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ksur allegat tal-liġi tal-UE fi Stat Membru.

Kapitolu 10 - Riżultati miksuba

Azzjoni meħuda mill-Ombudsman Ewropew dwar l-ilmenti riċevuti fl-2015

Riżultati ta’ investigazzjonijiet magħluqin mill-Ombudsman Ewropew 2015
Nota: F’xi każijiet, l-Ombudsman għalqet l-investigazzjonijiet abbażi ta’ żewġ raġunijiet jew aktar. Għalhekk meta l-perċentwali t’hawn fuq jingħaddu flimkien, ir-riżultat aħħari jaqbeż il-100 %.

Investigazzjonijiet fejn instabet amministrazzjoni ħażina mill-Ombudsman Ewropew fl-2015

Evoluzzjoni fin-numru ta’ investigazzjonijiet mill-Ombudsman Ewropew

Tul tal-investigazzjoni ta’ każijiet magħluqin mill-Ombudsman Ewropew fl-2015
(1) Xi każijiet kumplessi jirrikjedu bosta sensiliet ta’ konsultazzjoni mal-ilmentatur u mal-istituzzjoni kkonċernata. B’dan il-mod, l-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew mhux biss jistabbilixxi l-fatti, iżda wkoll jipprova jilħaq soluzzjoni li tkun aċċettabbli għaż-żewġ partijiet.

Kapitolu 11 - Kif nittrattaw il-każijiet

L-Ombudsman titfa’ enfasi b’saħħitha fuq it-twettiq ta’ investigazzjonijiet strateġiċi li huma fl-interess tal-pubbliku. Madankollu, il-parti ewlenija ta’ xogħolha huwa ddedikat għal każijiet ibbażati fuq ilmenti miċ-ċittadini, kumpaniji, assoċjazzjonijiet, NGOs, u organizzazzjonijiet oħrajn.

L-Ombudsman tiżgura li s-servizz ta’ ilmenti mingħajr ħlas huwa ġust, trasparenti, u sempliċi kemm jista’ jkun. Ilmentaturi jistgħu jissottomettu l-ilment tagħhom bi kwalunkwe mezz ta’ korrispondenza bil-miktub, anki permezz ta’ formola tal-ilmenti online. Kull ilmentatur jiġi assenjat persuna speċifika li timmaniġġja l-każ bħala persuna ta’ kuntatt.

Meta lment ikun barra mill-mandat tal-Ombudsman, l-uffiċċju, kemm jista’ jkun possibbli jagħti parir lill-ilmentatur dwar korpi oħrajn li jkunu jistgħu jgħinuh. Tista’ tiddeċiedi wkoll li titrasferixxi l-ilmenti lil korpi oħrajn, pereżempju lil membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, jekk jaqbel l-ilmentatur.

Jekk ilmentatur ma jissodisfax il-kriterji ta’ ammissibbiltà, u jekk ma jkunx hemm raġunijiet biżżejjed sabiex tinfetaħ investigazzjoni għal ilment ammissibbli, l-Ombudsman tirrifjutah. Fl-ittra tagħha lill-ilmentatur, hija tipprovdi parir meta jkun xieraq, b’mod partikolari fir-rigward ta’ jekk korp ieħor fuq livell nazzjonali jew tal-UE jkunx jista’ jgħin lill-ilmentatur.

Meta l-Ombudsman tiddeċiedi li tiftaħ investigazzjoni, l-ewwel teżamina jekk l-ilmenti ta’ ilmentatur jistgħux jiġu solvuti malajr. Tista’, pereżempju, tispezzjona malajr il-fajl relatat mad-disputa, jew il-persuna li timmaniġġja l-każ tista’ ċċempel lill-istituzzjoni sabiex tiddiskuti l-possibbiltà ta’ soluzzjoni rapida.

Investigazzjonijiet fuq skala sħiħa huma neċessarji meta l-ilment huwa kumpless, jew meta jeħtieġ b’mod ċar il-kontribut ta’ servizzi speċjalizzati varji tal-istituzzjoni kkonċernata. Diversi għażliet huma disponibbli għall-Ombudsman. Tista’ tipproponi soluzzjoni jew toħroġ rakkomandazzjoni fejn titlob lil istituzzjoni sabiex tirranġa xi amministrazzjoni ħażina. Jekk ma jkunx possibbli li tinstab soluzzjoni, tista’ tiddeċiedi li toħroġ rimarki kritiċi.

Proċeduri ta’ mmaniġġjar tal-każijiet imtejba

Fl-aħħar tal-2015, l-Ombudsman bdiet rieżami tal-proċeduri tal-ġestjoni tal-każijiet sabiex tagħmilhom iktar effiċjenti u jkollhom impatt ikbar. Fl-2016 sejrin jiġu introdotti proċeduri riveduti wara t-tlestija ta’ dan ir-rieżami u l-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Kapitolu 12 - Konformità mal-proposti tal-Ombudsman

Konformità mal-proposti tal-Ombudsman Ewropew fl-2014

Kull sena, l-Ombudsman tippubblika rendikont komprensiv ta’ kif l-istituzzjonijiet tal-UE jwieġbu għall-proposti tal-Ombudsman sabiex itejbu l-amministrazzjoni tal-UE. Dawn il-proposti jieħdu l-forma ta’ soluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet, u rimarki kritiċi u oħrajn. Ir-rata tal-konformità hija essenzjali sabiex jitkejjel l-impatt u r-rilevanza tal-ħidma tal-Ombudsman.

Ir-rapport Jitqiegħed Tajjeb? — Il-mod kif l-istituzzjonijiet Ewropej wieġbu lill-Ombudsman fl-2014 juri li l-istituzzjonijiet tal-UE qablu mal-proposti tal-Ombudsman b’rata ta’ 90 %. S’issa din hija l-ogħla figura miksuba. Sa minn meta l-uffiċċju beda jieħu rekord tal-istatistiċi ta’ konformità fl-2011, l-istituzzjonijiet bħala medja kienu qed jikkonformaw bir-rata ta’ 80 %. Kif juri r-rapport, ir-rata ta’ konformità tista’ tvarja b’mod sinifikanti minn istituzzjoni għal oħra — minn 100 % f’xi każijiet, sa 0 % fl-agħar każ. Il-Kummissjoni, pereżempju, ikkonformat b’rata ta’ 86 % (sa minn 73 % fl-2013). Minħabba d-daqs tagħha fl-amministrazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni taħdem għall-ogħla proporzjon ta’ investigazzjonijiet imwettqa mill-Ombudsman.

Ir-rapport għall-2015 se jkun disponibbli fl-aħħar tal-2016.

Kif tikkuntattja lill-Ombudsman Ewropew

Bil-posta

Ombudsman Ewropew

1 avenue du Président Robert Schuman

CS 30403

F - 67001 Strasbourg Cedex

Bit-telefon

+33 (0)3 88 17 23 13

B’ittra elettronika

eo@ombudsman.europa.eu

Online

Sit elettroniku: www.ombudsman.europa.eu

Twitter: twitter.com/EUombudsman

Google+: plus.google.com/101520878267293271723

LinkedIn: www.linkedin.com/company/272026

YouTube: www.youtube.com/eotubes