Har du en klage over en EU-institution eller et EU-organ?

Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew rigward talbiet għal rieżami

Wara li kkunsidrat

L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tadotta Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni u d-dritt ta’ lmentatur li jitlob rieżami ta’ deċiżjoni meħuda dwar ilment

L-Ombudsman Ewropew iddeċidiet kif ġej:

Artikolu 1

1.1. Ilmentatur jista’ jitlob rieżami ta’ deċiżjoni li lment jaqa’ barra mill-mandat tal-Ombudsman jew mhuwiex ammissibbli, ta’ deċiżjoni li m’hemmx raġunijiet għat-twettiq ta’ investigazzjoni, jew ta’ deċiżjoni li tagħlaq investigazzjoni.

1.2. Ilmentatur ma jistax jitlob rieżami ta’ sejba ta’ amministrazzjoni ħażina jew ta’ kwalunkwe rakkomandazzjoni li tkun saret wara sejba bħal din.

Artikolu 2

2.1. Talba għal rieżami jenħtieġ li ssir fi żmien xahrejn mid-data tad-deċiżjoni tal-Ombudsman li magħha tkun relatata t-talba.

2.2. Talba għal rieżami jenħtieġ li tistabbilixxi argumenti dettaljati dwar ir-raġuni għaliex id-deċiżjoni mhijiex korretta.

2.3. Fil-każ li lmentatur ikun jixtieq iressaq fatti ġodda relatati mal-allegata amministrazzjoni ħażina, l-ilmentatur jenħtieġ li juri lill-Ombudsman li huwa/hija ma kienx/ma kinitx f’pożizzjoni li jqajjem/tqajjem dawn fl-ilment jew matul l-investigazzjoni.

Artikolu 3

3.1. Deċiżjoni dwar talba għal rieżami fir-rigward ta’ deċiżjoni li lment jaqa’ barra mill-mandat tal-Ombudsman jenħtieġ li tittieħed minn membru tal-persunal li jkun differenti mill-membru tal-persunal li jkun ħa d-deċiżjoni oriġinali.

3.2. Deċiżjoni dwar talba għal rieżami fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar ilment li jaqa’ fi ħdan il-mandat tal-Ombudsman jenħtieġ li tittieħed mill-Ombudsman. Membru tal-persunal li jkun differenti mill-membru tal-persunal li oriġinarjament kien responsabbli mill-ġestjoni tal-ilment jenħtieġ li jassisti lill-Ombudsman fl-indirizzar ta’ talba bħal din għal rieżami.

Artikolu 4

4.1. Deċiżjoni dwar talba għal rieżami jenħtieġ li tittieħed fi żmien 4 xhur miż-żmien tar-reġistrazzjoni tagħha. L-Ombudsman, jew membru tal-persunal li jaġixxi f’isem l-Ombudsman, jista’ jestendi dan il-perjodu ta’ żmien b’xahrejn oħra f’każijiet debitament iġġustifikati.

4.2. Id-deċiżjoni dwar talba għal rieżami jenħtieġ li tkun motivata u jenħtieġ li tistabbilixxi l-azzjoni li għandha tittieħed, jekk ikun hemm bżonn.

4.3. Deċiżjoni dwar talba għal rieżami jenħtieġ li tkun finali.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Din id-Deċiżjoni tirrevoka d-deċiżjoni preċedenti dwar il-kwistjoni.

 

Strasburgu, 14/09/2020

Emily O’Reilly