• Подаване на жалба
  • Запитване за информация
60th Rome Treaty anniversaryВашата Европа - Порталът за европейски и национални онлайн обществени услуги

L-Istrateġija tal-Ombudsman Ewropew - “Lejn l-2019”

Налични езици :  bg.es.cs.da.de.et.el.en.fr.ga.hr.it.lv.lt.hu.mt.nl.pl.pt.ro.sk.sl.fi.sv

Daħla

L-istituzzjoni tal-Ombudsman madwar id-dinja kollha hija ikona tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt. Isservi kemm bħala kontroll indipendenti fuq is-setgħa tal-gvern u l-amministrazzjoni pubblika u bħala mezz li bih iċ-ċittadini jista’ jkollhom l-ilmenti tagħhom mismugħa u d-drittijiet tagħhom imħarsa minn uffiċċju indipendenti, aċċessibbli u imparzjali barra mis-sistema tradizzjonali tal-qrati.

It-twaqqif tal-istituzzjoni fl-Unjoni Ewropea wara t-Trattat ta’ Maastricht tal-1992 kien intiż li japprofondixxi l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-UE. Kien ukoll rikonoxximent tal-ħakma dejjem tikber ta’ dawn l-istituzzjonijiet fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Istati Membri bil-bżonn konsegwenti li jkun żgurat li s-setgħa istituzzjonali ma tintużax b’manjiera żleali, inġusta jew arbitrarja.

L-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew dalwaqt se jidħol fit-tielet deċennju u s-sena l-oħra jien kont onorata li ġejt eletta bħala Ombudsman mill-Parlament Ewropew wara s-Sur Jacob Söderman u l-Professur Nikiforos Diamandouros.

Il-predeċessuri tiegħi għinuni ndaħħal il-kuxjenza tal-istituzzjoni l-ġdida fil-mentalità tal-amministrazzjoni tal-UE. Permezz tal-ħila u l-influwenza tagħhom, u l-appoġġ ta’ persunal kompetenti u ddedikat ħafna, huma ġabu titjib sinifikanti fl-effiċjenza, it-trasparenza u l-integrità tal-amministrazzjoni pubblika. Żguraw ukoll rimedju għal eluf ta’ individwi, membri tas-soċjetà ċivili u negozji, li ġew moqdija ħażin mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Issa r-rwol u l-ambizzjoni tiegħi huma li nġib l-Ombudsman Ewropew lejn il-livell li jmiss ta’ influwenza, rilevanza, u effettività. L-istrateġija deskritta f’dawn il-paġni hi intiża li tagħmel dan, tkopri l-perjodu sal-2019, u hi r-riżultat ta’ ħafna xhur ta’ djalogu mal-persunal tiegħi stess imma wkoll mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, in-negozji, il-kapijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-Parlament Ewropew. Għandha l-għan li tutilizza r-riżorsi tagħna b’mod mill-aktar strateġiku billi tidentifika dawk l-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika tal-UE fejn l-aktar li nistgħu nkunu effettivi.

Emily O'Reilly

Novembru 2014

1. Missjoni u ħarsa ġenerali tar-rwol

Il-missjoni tagħna hi li nservu d-demokrazija billi naħdmu mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex noħolqu amministrazzjoni aktar effettiva, responsabbli, trasparenti u etika.

Kif nagħmlu dan

L-indipendenza tal-Ombudsman hi garantita mit-Trattati.

Aħna nimpjegaw persunal imħarreġ tajjeb u li jitkellem ħafna lingwi li jevalwa l-ilmenti taċ-ċittadini kontra l-istituzzjonijiet tal-UE u jiżgura rimedju meta jkun xieraq.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman jinvestiga wkoll kwistjonijiet ta’ importanza pubblika sinifikanti jew ta’ prinċipju permezz ta’ investigazzjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman ikompli jinfluwenza l-iżvilupp ta’ prattika amministrattiva tajba fl-istituzzjonijiet tal-UE permezz ta’ kuntatt, permezz tal-produzzjoni ta’ linji gwida u kodiċijiet ta’ prattiki tajba, u permezz tar-Rapporti Speċjali lill-Parlament Ewropew.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tinkorpora d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jilmentaw mal-Ombudsman. Kumpaniji, assoċjazzjonijiet u ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fl-UE jgawdu wkoll minn dan id-dritt. L-Ombudsman jista’ jittratta l-ilmenti dwar ksur tad-drittijiet tal-Karta, kif ukoll każijiet oħra ta’ amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman għaldaqstant jagħti s-setgħa liċ-ċittadini billi jgħinhom jirrealizzaw id-drittijiet fundamentali tagħhom. Minbarra d-dritt għall-amministrazzjoni tajba, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkunu jafu x’qed jagħmlu l-istituzzjonijiet tal-UE (trasparenza) u d-dritt li jipparteċipaw fl-attivitajiet tagħhom. Għaldaqstant l-Uffiċċju tal-Ombudsman huwa ċentrali fil-kompitu li jiżgura li dawk id-drittijiet kollha huma infurzati u protetti mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Fl-aħħar nett, l-Uffiċċju tal-Ombudsman jippromwovi governanza tajba u kultura taservizz pubbliku billi jgħin lill-amministrazzjoni tal-UE biex taħdem b’mod miftuħ, effettiv, u b’integrità.

Nipprattikaw dak li ngħallmu

Aħna nippruvaw nipprattikaw dak li ngħallmu lil ħaddieħor. Dan jinkludi li nirrikonoxxu l-iżbalji tagħna stess, naċċettaw li niġu mistħarrġa u nkunu lesti biex nitgħallmu mill-esperjenza.

Ħames prinċipji ta’ gwida jikkostitwixxu l-qafas għall-attivitajiet kollha tagħna, kemm dawk interni kif ukoll dawk esterni:

  • Integrità
  • Responsabbiltà
  • Djalogu
  • Servizz
  • Ġustizzja

L-impenn tagħna lejn il-persunal tagħna

Aħna għandna l-għan li nipprovdu ambjent ta’ xogħol pożittiv u kollaborattiv fejn kull persuna hi trattata b’dinjità u rispett u fejn kull persuna għandha l-possibbiltà li tiżviluppa l-ambizzjonijiet fil-karriera professjonali tagħha b’konformità mal-bżonnijiet u l-obbligi tal-istituzzjoni.

2. L-Istrateġija

L-Istrateġija sservi diversi skopijiet. Hija

  • tistabbilixxi l-objettivi ta’ livell għoli li l-Uffiċċju tal-Ombudsman ifittex li jikseb permezz tad-diversi operazzjonijiet konkreti (spjegati fil-Qafas Operattiv[1]).
  • tipprovdi qafas li jkopri diversi snin għall-użu ekonomiku, effiċjenti u effettiv tar-riżorsi umani u finanzjarji provduti lill-Uffiċċju mill-awtorità tal-baġit.
  • tikkostitwixxi punt ta’ riferiment għall-partijiet interessati esterni biex jevalwaw il-prestazzjoni tagħna u jżommuna responsabbli.

L-objettivi strateġiċi tagħna

L-istrateġija tagħna hi li nikkombinaw tliet objettivi li jsaħħu lil xulxin bmod reċiproku.

Aħna nimmiraw li niksbu rilevanza sinifikanti fi ħdan l-UE u mal-partijiet interessati tagħna; nimmiraw li niżguraw viżibilità qawwija tal-Ombudsman u tal-Uffiċċju fit-twettiq tal-missjoni tagħna; nimmiraw li jkollna impatt pożittiv u reali fuq l-amministrazzjoni tal-UE.

Dawn l-objettivi huma appoġġjati mill-objettiv intern tal-effiċjenza.

L-objettivi strateġiċi tagħna

Objettiv 1 – niżguraw ir-rilevanza

Irridu nżidu l-valur għaċ-ċittadini u partijiet interessati oħra billi niffukaw fuq il-kwistjonijiet sistemiċi ewlenin li huma l-aktar rilevanti għall-interessi u t-tħassib tagħhom.

Prijoritajiet

1. Insaħħu r-rwol tagħna bħala awtorità rikonoxxuta, fdata u indipendenti fir-rigward tal-kwistjonijiet rilevanti għall-mandat tal-Ombudsman, billi nkunu ta’ gwida għal dak li għandu x’jaqsam mat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità.

2. Ninvolvu ruħna mal-partijiet interessati tagħna u nfittxu l-fehmiet tagħhom.

3. B’mod pubbliku ninvolvu ruħna fid-dibattiti u l-iżviluppi tal-politiki tal-UE rilevanti u nikkontribwixxu għalihom kull fejn il-mandat u l-kompetenza tal-Ombudsman jipprovdu valur miżjud.

4. Nikkooperaw man-netwerks u l-organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex nidentifikaw l-ogħla standards u l-aħjar prattiki, pereżempju f’relazzjoni mad-drittijiet tal-bniedem/fundamentali, jew kwistjonijiet ta’ governanza bħal żvelar ta’ informazzjoni protetta u kunflitti ta’ interess.

5. Napprofondixxu l-kapaċità tagħna li nifhmu d-dinamiċi dejjem jinbidlu tal-Unjoni Ewropea u l-kuntest politiku, soċjali, ekonomiku u legali li fih noperaw.

Objettiv 2 – niksbu impatt akbar

Irridu nagħmlu differenza reali fil-kwalità tax-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-UE billi naġixxu bħala l-mutur tal-bidla f’oqsma ewlenin.

Prijoritajiet

1. Nidentifikaw b’mod proattiv oqsma ta’ importanza strateġika ewlenija u nallokaw riżorsi xierqa lejn l-investigazzjoni tal-problemi sistemiċi, b’mod partikolari permezz ta’ investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja.

2. Niżviluppaw approċċ integrat lejn l-investigazzjonijiet strateġiċi, fejn nibbenefikaw mill-kompetenzi transettorjali fl-uffiċċju tal-Ombudsman.

3. Niżviluppaw strumenti biex nippermettu segwitu aktar sistematiku u aktar bir-reqqa tal-eżiti tar-rakkomandazzjonijiet u r-rimarki tal-Ombudsman.

4. Insaħħu u nżidu l-kooperazzjoni u d-djalogu mal-istituzzjonijiet tal-UE u partijiet interessati oħra biex jappoġġjaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman.

5. Nutilizzaw, b’mod xieraq u prudenti, is-setgħat kollha mogħtija mill-Istatut tal-Ombudsman, billi nużaw l-għodda kollha disponibbli u l-għażliet għad-dispożizzjoni tagħna skont il-każ.

Objettiv 3 – inżommu viżibilità għolja

Nixtiequ ntejbu l-abbiltà li ninfluwenzaw. Il-kuxjenza pubblika u istituzzjonali tal-Ombudsman għandha bżonn tkun aktar b’saħħitha u aktar profonda.

Prijoritajiet

1. Nużaw il-kapaċità komunikattiva tagħna b’mod strateġiku biex ninfurmaw lill-pubbliku ġenerali, udjenzi ewlenin u partijiet interessati oħra.

2. Niżviluppaw l-għodda u l-kanali onlajn tagħna bħala strumenti aktar effettivi ta’ komunikazzjoni.

3. Ninvolvu ruħna b’mod wiesa’ u strateġiku mal-Parlament Ewropew u l-kumitati tiegħu fir-rigward tal-firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib komuni, filwaqt li nżommu l-indipendenza tagħna.

4. Nikkooperaw man-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen meta nikkomunikaw maċ-ċittadini.

5. Nidentifikaw u niżviluppaw rappreżentanti tal-uffiċċju artikolati u awtoritattivi li kapaċi jirrappreżentaw lill-Ombudsman f’avvenimenti u konferenzi ewlenin u li jistgħu wkoll jidentifikaw opportunitajiet ta’ netwerking u kuntatt.

Objettiv 4 – intejbu l-effiċjenza tagħna

Nixtiequ nużaw ir-riżorsi tagħna biex niksbu l-aħjar riżultati possibbli.

Prijoritajiet

1. Niżguraw li r-riżorsi tal-baġit tal-Ombudsman jintużaw f’konformità mal-istrateġija.

2. Niżguraw li l-proċessi interni u l-unitajiet kollha tagħna, inklużi s-sistemi tal-IT, jaħdmu b’mod effettiv u effiċjenti kemm jista’ jkun.

3. Niżviluppaw prattiki ta’ xogħol intelliġenti, flessibbli u b’saħħithom, sabiex nipprijoritizzaw u nsolvu ilmenti kemm jista’ jkun malajr u b’mod efficjenti.

4. Ninkoraġġixxu kultura interna ta’ trasparenza, etika, innovazzjoni u servizz għaċ-ċittadini.

5. Inkomplu niżviluppaw l-Uffiċċju bħala post tax-xogħol attraenti, dinamiku u importanti għal persuni motivati, b’talent u ambizzjużi billi niżguraw li l-politiki tar-riżorsi umani tagħna jkunu ċentrali għall-istrateġija tagħna, żviluppati sew u b’riżorsi biżżejjed.

3. Implimentazzjoni u kejl

Se jkunu ppjanati u evalwati fuq bażi annwali azzjonijiet konkreti permezz tal-proċessi għat-tfassil tal-Pjan ta’ Ġestjoni Annwali (AMP) u r-Rapport ta’ Attività Annwali (AAR) biex jinkisbu l-objettivi u l-prijoritajiet t’hawn fuq. Fil-perjodu kopert mill-Istrateġija attwali, il-proċess biex jitfassal l-AMP se jkun kif ġej:

Fil-ħarifa, l-Ombudsman toħroġ linji gwida għall-attivitajiet tas-sena li jmiss bbażati fuq l-objettivi u l-prijoritajiet tal-Istrateġija. Il-linji gwida jindikaw ir-riżorsi finanzjarji u umani li huma mistennija li jkunu disponibbli għall-Uffiċċju. Fid-dawl tal-linji gwida, il-maniġers tal-unitajiet operattivi jipproponu azzjonijiet konkreti u jispjegaw

  • kif l-azzjonijiet proposti se jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi u l-prijoritajiet tal-Istrateġija;
  • ir-riżorsi li hemm bżonn biex jitwettqu; u
  • kif ir-riżorsi neċessarji se jsiru disponibbli (b’mod partikolari, u fejn neċessarju, permezz tal-gwadanji fl-effiċjenza u/jew billi jitnaqqsu r-riżorsi dedikati għal attivitajiet oħra).

Wara diskussjoni interna u koordinament, l-Ombudsman tiddeċiedi dwar l-AMP.

Evalwazzjoni, kejl u rapportar

L-ewwel Strateġija stabbiliet numru ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) marbuta mal-objettivi tagħha. Ġiet prodotta tabella ta’ valutazzjoni fuq bażi annwali u semiannwali u r-riżultati ġew rapportati fl-AAR.

L-esperjenza mal-KPIs u t-tabella ta’ valutazzjoni hi pożittiva ħafna. Irriżultaw effettivi għall-iskopijiet tal-maniġment intern u r-rapportar estern permezz tal-AAR.

Il-KPIs għandhom bżonn jiġu riveduti sabiex jitqiesu l-objettivi u l-prijoritajiet tal-Istrateġija attwali. Sabiex ikunu żgurati l-utilità u r-rilevanza tagħhom, il-KPIs il-ġodda se jiġu abbozzati b’attenzjoni u se jkunu soġġetti għal konsultazzjoni interna profonda qabel ma jiġu pubblikati fuq il-websajt tal-Ombudsman fl-istess żmien tal-AMP 2015.

4. Reviżjoni

Din l-istrateġija se tkun riveduta f’nofs it-terminu wara konsultazzjoni pubblika.