- Кратък линк към страницата
- Споделете тази страница наTwitterFacebookLinkedin
L-Istrateġija tal-Ombudsman Ewropew "Lejn l-2019"
Документ - Дата Понеделник | 17 ноември 2014
Daħla
F’Novembru 2014, jiena adottajt “L-Istrateġija tal-Ombudsman Ewropew Lejn l-2019”, li stabbilixxiet l-objettivi ta’ livell għoli u l-prijoritajiet għall-mandat tiegħi.
Din l-Istrateġija s’issa serviet bħala pjan direzzjonali u bażi għal dak li għamilna biex inwasslu lill-Ombudsman Ewropew fil-livell ta’ influwenza, rilevanza u effettività li jmiss.
Ir-riżultati u l-feedback s’issa huma inkoraġġanti ħafna, iżda madankollu jiena konxja tal-aspettativi għoljin li ċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u n-negozji ġustament għandhom mill-UE. Ir-rwol tiegħi bħala Ombudsman, fi ħdan il-mandat tiegħi u bl-appoġġ tal-Parlament, hu li ngħin biex jintlaħqu dawn l-aspettativi.
Kif kien imwiegħed, għamilna reviżjoni tal-istrateġija ta' nofs it-terminu. Ir-rispons u s-suġġerimenti mill-partijiet interessati interni u esterni tagħna, barra x-xenarju dinamiku u li dejjem qed jinbidel tal-UE, għenuna biex nirfinaw u nirriformulaw xi prijoritajiet filwaqt li nżommu l-objettivi ta’ livell għoli oriġinali.
Dawn il-bidliet huma riflessi fid-dokument preżenti.
It-tama u l-ambizzjoni tiegħi, għall-kumplament tal-mandat tiegħi, huma li nkompli ngħin liċ-ċittadini jiżguraw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE u li nippromwovi amministrazzjoni tal-UE aktar trasparenti, responsabbli u favur iċ-ċittadin.
Emily O'Reilly
1. Missjoni u ħarsa ġenerali lejn ir-rwol
Il-missjoni tagħna hi li nservu d-demokrazija Ewropea billi naħdmu mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex noħolqu amministrazzjoni aktar effettiva, responsabbli, trasparenti u etika.
Kif nagħmlu dan
L-indipendenza tal-Ombudsman hi ggarantita mit-Trattati.
Aħna nimpjegaw persunal b’ħila kbira u multilingwi li jevalwa l-ilmenti taċ-ċittadini kontra l-istituzzjonijiet tal-UE u jiżgura rimedju meta jkun xieraq.
L-Ombudsman tagħmel ukoll enfasi fuq it-twettiq ta' investigazzjonijiet strateġiċi li huma fl-interess pubbliku. Hi tagħmel ukoll investigazzjonijiet u inizjattivi strateġiċi usa’ meta tqis li hemm raġunijiet biex tagħmel dan.
Barra minn hekk l-Ombudsman tinfluwenza l-iżvilupp tal-prattika amministrattiva tajba fl-istituzzjonijiet tal-UE permezz ta’ kuntatt, ta’ linji gwida u ta’ kodiċijiet ta’ prattika tajba.
Billi taġixxi b’mod strateġiku u tuża l-influwenza tagħha u l-għodod kollha disponibbli, l-Ombudsman tista’ timmassimizza r-riżorsi limitati tagħha.
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tinkludi d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jilmentaw mal-Ombudsman. Kumpaniji, assoċjazzjonijiet u ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fl-UE jgawdu wkoll minn dan id-dritt. L-Ombudsman jista’ jittratta l-ilmenti dwar ksur tad-drittijiet tal-Karta, kif ukoll każijiet oħra ta’ amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman għaldaqstant jagħti s-setgħa liċ-ċittadini billi jgħinhom jirrealizzaw id-drittijiet fundamentali tagħhom. Minbarra d-dritt għall-amministrazzjoni tajba, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkunu jafu x’qed jagħmlu l-istituzzjonijiet tal-UE (trasparenza) u d-dritt li jipparteċipaw fl-attivitajiet tagħhom. Għaldaqstant l-Ombudsman huwa ċentrali fil-kompitu li jiżgura li dawk id-drittijiet kollha jiġu infurzati u protetti mill-istituzzjonijiet tal-UE.
Fl-aħħar nett, l-Ombudsman jippromwovi governanza tajba u kultura ta’ servizz pubbliku billi jgħin lill-amministrazzjoni tal-UE biex taħdem b’mod miftuħ, effettiv, u b’integrità.
Nipprattikaw dak li ngħallmu
Aħna nippruvaw nipprattikaw dak li ngħallmu. Dan ifisser li nirrikonoxxu l-iżbalji tagħna stess, naċċettaw li niġu mistħarrġa u nitgħallmu mill-esperjenza.
Il-Karta Interna tagħna dwar il-Prattika Tajba
Aħna nikkommettu li nipprovdu servizz li juri:
● Indipendenza u newtralità
● Tmexxija fis-soluzzjoni ta’ problemi
● Approċċi innovattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim
● Ħsieb sistemiku
● Kuxjenza u kurżità esterna
● Rispons
● Empatija
● Aċċess miftuħ u involviment
L-impenn tagħna lejn il-persunal tagħna
Aħna għandna l-għan li nipprovdu ambjent ta’ xogħol pożittiv u kollaborattiv fejn kull persuna tiġi trattata b’dinjità u b'rispett u fejn kull persuna tista’ tiżviluppa l-ambizzjonijiet fil-karriera professjonali tagħha f’konformità mal-bżonnijiet u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni.
2. L-Istrateġija
L-Istrateġija sservi diversi skopijiet:
● din tistabbilixxi l-objettivi ta’ livell għoli miksuba permezz ta’ operazzjonijiet konkreti (spjegati fil-Qafas Operattiv[1]);
● din tipprovdi qafas li jkopri diversi snin għall-aħjar użu tar-riżorsi umani u finanzjarji pprovduti mill-awtorità tal-baġit;
● din tikkostitwixxi punt ta’ riferiment għar-responsabbiltà mill-partijiet interessati esterni tagħna.
L-objettivi strateġiċi tagħna
L-istrateġija tagħna hi li nikkombinaw u niksbu tliet objettivi li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku.
Dawn huma: rilevanza sinifikanti fi ħdan l-UE u mal-partijiet interessati tagħna; viżibilità għolja fit-twettiq tal-missjoni tagħna u impatt reali u pożittiv fuq l-amministrazzjoni tal-UE.
Dawn l-objettivi huma appoġġjati mill-objettiv intern tal-effiċjenza.
Objettiv 1 – niżguraw ir-rilevanza
Irridu nimmassimizzaw il-valur tagħna għaċ-ċittadini u partijiet interessati oħra billi niffukaw fuq il-kwistjonijiet sistemiċi ewlenin li huma l-aktar rilevanti għall-interessi u t-tħassib tagħhom.
Prijoritajiet
1. Insaħħu r-rwol tagħna bħala awtorità rikonoxxuta, fdata u indipendenti fir-rigward tal-kwistjonijiet rilevanti għall-mandat tal-Ombudsman, billi nipprovdu tmexxija fit-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità.
2. Ninvolvu ruħna ma’ u nitgħallmu mill-partijiet interessati tagħna inkluż dawk li jinfluwenzaw b’mod rilevanti bħall-akkademiċi.
3. Fejn xieraq, inżidu l-għarfien tagħna tad-dinamiċi dejjem jinbidlu tal-Unjoni Ewropea u l-kuntest politiku, soċjali, ekonomiku u legali li fih noperaw, biex ninvolvu ruħna b’mod pubbliku fid-dibattiti rilevanti u fl-iżviluppi tal-politika u nikkontribwixxu għalihom.
4. Nikkooperaw man-Netwerk Ewropew tal-Ombudsman, mal-korpi l-oħra tal-Istati Membri u man-netwerks u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex nidentifikaw u nippromwovu l-ogħla standards u l-aħjar prattiki, pereżempju f’relazzjoni mad-drittijiet tal-bniedem/fundamentali u kwistjonijiet ta’ governanza.
5. Nikkontribwixxu biex niżviluppaw, nippromwovu u niddefendu l-kunċett taċ-ċittadinanza tal-UE u d-drittijiet marbuta magħha.
Objettiv 2 - niksbu impatt akbar
Irridu nagħmlu differenza reali fil-kwalità tax-xogħol tal-istituzzjonijiet tal-UE billi naġixxu bħala l-mutur tal-bidla f’oqsma ewlenin.
Prijoritajiet
1. F’konformità mal-approċċ integrat tagħna, nibqgħu nidentifikaw b’mod proattiv oqsma ta’ importanza strateġika u nallokaw riżorsi xierqa lejn l-investigazzjoni tal-problemi sistemiċi.
2. Nottimizzaw il-proċessi ta’ investigazzjoni biex nittrattaw ilmenti ta’ importanza strateġika ewlenin minnifih u b’mod effettiv. Dan hu partikolarment importanti fejn l-eżitu b’suċċess ta’ investigazzjoni hu marbut biż-żmien.
3. Nużaw l-iskop sħiħ tal-poteri tal-Ombudsman biex niksbu eżiti pożittivi mill-immanniġġjar tal-ilmenti u l-proċessi tal-investigazzjonijiet.
4. Inkomplu niżviluppaw segwitu iktar sistematiku u bir-reqqa tal-eżiti tar-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti tal-Ombudsman biex nimmassimizzaw il-konformità.
5. Insaħħu u nżidu l-kooperazzjoni u d-djalogu usa’ mal-istituzzjonijiet tal-UE u partijiet interessati oħra biex niżguraw l-iżvilupp kontinwu tal-prattika amministrattiva.
Objettiv 3 - inżommu viżibilità għolja
Nixtiequ ntejbu l-abbiltà li ninfluwenzaw. Il-kuxjenza pubblika u istituzzjonali tal-Ombudsman għandha bżonn tkun aktar b’saħħitha u aktar profonda.
Prijoritajiet
1. Niżguraw li l-komunikazzjonijiet tagħna jitwasslu b'ċarezza massima.
2. Inkomplu niżviluppaw u nużaw l-għodda u l-kanali onlajn tagħna u niżguraw adattibilità f’ambjent dinamiku onlajn .
3. Ninvolvu ruħna b’mod strateġiku mal-Parlament Ewropew u l-kumitati tiegħu fir-rigward tal-firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib reċiproku, filwaqt li nkunu konxji tal-indipendenza tagħna.
4. Nikkooperaw man-Netwerk Ewropew ta’ Ombusman u ma’ organizzazzjonijiet ġeneriċi rilevanti oħra biex ninfurmaw liċ-ċittadini bid-drittijiet tagħhom u bix-xogħol tal-Ombudsman.
5. Niżguraw li l-Ombudsman ikun irrappreżentat b’mod xieraq f’avvenimenti u f’konferenzi ewlenin u jinkoraġġixxi lir-rappreżentattivi tal-uffiċċju biex jidentifikaw u jsegwu opportunitajiet ta’ netwerking u kuntatt.
Objettiv 4 - intejbu l-effiċjenza tagħna
Nixtiequ nużaw ir-riżorsi tagħna biex niksbu l-aħjar riżultati possibbli.
Prijoritajiet
1. Niżguraw li r-riżorsi tal-baġit tal-Ombudsman huma allineati mal-istrateġija.
2. Nimmassimizzaw l-effettività u l-effiċjenza tal-proċessi u l-unitajiet tagħna, inkluż is-sistemi tal-IT. Fejn ikun xieraq, nikkunsidraw li nadottaw soluzzjonijiet “korporattivi” ta’ amministrazzjonijiet tal-UE ta’ skala ikbar.
3. Nipprijorittizaw u nsolvu ilmenti kemm jista’ jkun b’mod rapidu u effiċjenti bl-użu ta’ prattiki tax-xogħol intelliġenti, flessibbli, apposta u robusti.
4. Ninkoraġġixxu kultura interna ta’ trasparenza, etika, innovazzjoni u servizz għaċ-ċittadini.
5. Inkomplu niżviluppaw l-Uffiċċju bħala post tax-xogħol attraenti, dinamiku u importanti għal persuni motivati, b’talent u ambizzjużi billi niżguraw li l-qafas u l-politiki tar-riżorsi umani tagħna huma implimentati b’mod sħiħ u jkunu aġġornati kif meħtieġ.
3. Implimentazzjoni u kejl
Azzjonijiet konkreti biex jintlaħqu l-objettivi u l-prijoritajiet t’hawn fuq huma ppjanati u evalwati fuq bażi annwali permezz tal-Pjan ta’ Ġestjoni Annwali (AMP, Annual Management Plan) u r-Rapport ta’ Attività Annwali (AAR, Annual Activity Report). Fil-perjodu kopert mill-Istrateġija attwali, il-proċess biex jiġi stabbilit l-AMP hu kif ġej:
Fil-Ħarifa, is-Segretarju Ġenerali tal-Ombudsman jistieden lill-maniġers tal-unitajiet operazzjonali biex jipproponu azzjonijiet konkreti biex jimplimentaw l-Istrateġija, abbażi tar-riżorsi finanzjarji u umani li mistennija jkunu disponibbli għall-Uffiċċju fis-sena ta’ wara. Il-proposti sejrin jagħtu dettalji ta':
● kif l-azzjonijiet se jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi u l-prijoritajiet tal-Istrateġija;
● ir-riżorsi neċessarji; u
● kif ir-riżorsi se jkunu realizzati (pereżempju, permezz tal-gwadanji fl-effiċjenza u/jew billi jitnaqqsu r-riżorsi ddedikati għal attivitajiet oħrajn).
Wara diskussjoni interna u koordinazzjoni, l-Ombudsman tiddeċiedi fuq l-AMP.
Evalwazzjoni, kejl u rapportar
Il-progress fl-ilħuq tal-objettivi tagħna hu mkejjel bl-użu ta’ Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs). Il-KPIs adottati fl-2015 huma stipulati hawn taħt, flimkien mal-miri stabbiliti għall-2017.
Il-KPIs u l-miri rilevanti huma riveduti u, jekk meħtieġ, riveduti fuq bażi annwali.
Objettiv tal-istrateġija |
Kejl |
Il-miri għall-2017 |
|
KPI 1 |
Rilevanza |
Perċezzjoni tal-partijiet interessati esterni tagħna (rata ta’ evalwazzjoni pożittiva) |
70% |
KPI 2 |
Rilevanza |
Perċentwal tal-ilmenti fi ħdan il-mandat |
33% |
KPI 3 |
Impatt |
Għadd ta’ investigazzjonijiet miftuħa f'każijiet ta' interess pubbliku (ilmenti u investigazzjonijiet strateġiċi u inizjattivi strateġiċi) |
30 |
KPI 4 |
Impatt |
Konformità (indikatur kompost) 4a - Konformità ġenerali 4b- Konformità f'każijiet ta' interess pubbliku |
90% 90% |
KPI 5 |
Viżibilità |
Attivitajiet tal-midja u tal-midja soċjali (indikatur tat-taħlit) 5a- Għadd ta' artikli tal-midja 5b - Involviment fuq Twitter |
3 300 20 000 |
KPI 6 |
Viżibilità |
Attivitajiet tal-web (indikatur kompost) 6a- Viżitaturi fis-sit web 6b - Parir mogħti permezz tal-gwida interattiva li jiġi kkuntattjat membru tal-ENO |
400 000 8 000 |
KPI 7 |
Effiċjenza |
Indirizzar ta' ilmenti u investigazzjonijiet (indikatur tat-taħlit) 7a- Proporzjon ta' każijiet li fihom id-deċiżjoni ta' ammissibilità tittieħed f'xahar wieħed 7b- Proporzjon ta' investigazzjonijiet magħluqa fi żmien 6 xhur 7c- Proporzjon ta investigazzjonijiet magħluqa fi żmien 18-il xahar |
90% 50% 80% |
KPI 8 |
Effiċjenza |
Implimentazzjoni tal-baġit (indikatur kompost) 8a- Rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit 8b- Għadd ta' pagamenti lil hinn minn 30 jum |
93% 0 |
It-tabelli ta’ valutazzjoni u rapportaġġ dwar il-prestazzjoni tagħna kontra l-miri tal-KPI huma aġġornati perjodikament.
L-evalwazzjoni globali u r-rappurtaġġ dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija isiru fir-Rapport Annwali tal-Ombudsman u fir-Rapport ta’ Attività Annwali mis-Segretarju Ġenerali tal-Ombudsman.
[1] http://www.ombudsman.europa.eu/en/resources/strategy/home.faces
- Кратък линк към страницата
- Споделете тази страница наTwitterFacebookLinkedin