L-Ombudsman Ewropew - Tagħrif fil-qosor

Tillgängliga språk :  bg.es.cs.da.de.et.el.en.fr.ga.it.lv.lt.hu.mt.nl.pl.pt.ro.sk.sl.fi.sv.hr.mk.tr

L-Ombudsman Ewropew jistħarreġ l-ilmenti li jirċievi dwar amministrazzjoni ħażina fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-organi ta’ l-Unjoni Ewropea (UE). L-Ombudsman Ewropew huwa kompletament indipendenti u imparzjali. L-Ombudsman kurrenti huwa is-Sur P. Nikiforos Diamandouros, li ilu fil-kariga mill-1 ta’ April 2003. 

Min hu?

L-Ombudsman Ewropew hu P. Nikiforos Diamandouros, li qabel kien l-Ombudsman nazzjonali fil-Greċja. Hu ġie elett mill-Parlament Ewropew u ilu fil-kariga mill-1 ta’ April 2003. Il-Parlament eleġġa l-Ombudsman Ewropew għall-ewwel darba fl-1995. 

X’jagħmel?

L-Ombudsman Ewropew jistħarreġ l-ilmenti li jirċievi dwar amministrazzjoni ħażina fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-organi ta’ l-Unjoni Ewropea (UE). Fost dawn l-istituzzjonijiet insibu, per eżempju, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill ta’ l-UE u l-Parlament Ewropew. L-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni tal-Prodotti tal-Mediċina u il-Fundazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol huma eżempji ta’ aġenziji tal-Komunità li l-Ombudsman Ewropew jista’ jistħarreġ dwarhom. Huma biss il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Qorti ta’ l-Prim Istanza u t-Tribunal tas-Servizz Ċivili fil-ħidma ġuridika tagħhom li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.

Ġeneralment l-Ombudsman jiftaħ inkjesta wara li jasallu lment iżda għandu wkoll il-jedd li jagħmel stħarriġ fuq inizjattiva tiegħu stess.

X’ma jagħmilx?

L-Ombudsman Ewropew ma jistax jistħarreġ:

  • ilmenti kontra awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali fl-Istati Membri, wkoll meta dawn l-ilmenti jkunu dwar ħwejjeġ li jolqtu l-UE. Eżempji ta’ dawn l-awtoritajiet huma dipartimenti tal-gvern, aġenziji ta’ l-istat u kunsilli lokali;
  • l-attivitajiet tal-qrati nazzjonali jew ta` l-ombudsmen. L-Ombudsman mhux organu ta’ appell fuq deċiżjonijiet li jittieħdu minn dawn l-entitajiet;
  • ilmenti kontra kumpaniji jew persuni privati.

X’ilmenti jista’ jistħarreġ?

L-Ombudsman jistħarreġ każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina jew żbaljata. Amministrazzjoni ħażina tiġri meta istituzzjoni tonqos milli tkun konformi mal-liġi, tonqos milli tirrispetta l-prinċipji ta’ amministrazzjoni ġusta, jew tivjola d-drittijiet umani. Xi eżempji huma:

  • irregularitajiet fl-amministrazzjoni
  • nuqqas ta’ trasparenza
  • diskriminazzjoni
  • abbuż ta’ poter
  • nuqqas li tingħata tweġiba
  • nuqqas li tingħata nformazzjoni
  • dewmien żejjed

X’jista’ jkun ir-riżultat?

Jista’ jaghti l-każ li sabiex tinstab soluzzjoni l-Ombudsman jeħtieġlu biss li javża l-istituzzjoni konċernata dwar ilment li jkun wasallu. Jekk ma jinstabx rimedju sodisfaċenti waqt l-istħarriġ tal-każ, l-Ombudsman jipprova jsib soluzzjoni bonarja li ssewwi l-att amministrattiv ħażin li jkun sar għas-sodisfazzjon ta’ min ikun ilmenta. Jekk il-ħidma biex jinstab ftehim ma tirnexxix, l-Ombudsman jista’ jressaq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex il-każ jissolva. Jekk l-istituzzjoni ma tilqax dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-Ombudsman jista’ jagħmel rapport speċjali lill-Parlament Ewropew.

Min jista’ jressaq ilment u kif?

Jekk inti ċittadin ta’ wieħed mill-membri ta’ l-Unjoni jew għandek residenza f’wieħed mill-Istati Membri tista’ tressaq ilment lill-Ombudsman. Kumpaniji, assoċjazzjonijiet jew korpi oħra li għandhom uffiċċju reġistrat fl-Unjoni jistgħu wkoll jilmentaw ma’ l-Ombudsman.

Ilmenti jistgħu jintbagħtu bil-posta, fax jew e-mail. Formola ta’ lmenti tinkiseb mill-uffiċċju ta’ l-Ombudsman jew inkella titniżżel mill-website ta’ l-Ombudsman.

X’jiġri jekk ma jistax jistħarreġ ilment?

Jekk l-Ombudsman Ewropew ma jkunx jista’ jistħarreġ ilment - għaliex, per eżempju, dan ikun dwar amministrazzjoni nazzjonali, reġjonali jew lokali fl -Istati Membri - hu jagħmel ħiltu biex jagħtik parir dwar kif tista’ issolvi l-problema. Ħafna drabi dan ifisser li lment jiġi trasferit għand membru tan-Network Ewropew ta’ Ombdusmen jew inkella jagħtik parir tagħmel kuntatt ma’ membru tan-Netwerk. Stabbilita fl -1996, din in-Netwerk tiġbor l-Ombudsmen nazzjonali kif ukoll dawk reġjonali fl-Istati Membri ta’ l-UE, l-pajjiżi applikanti għal-sħubija ma’ l-UE, in-Norveġja u l-Iżlanda, kif ukoll il-Kumitati dwar Petizzjonijiet fl -UE.

Fost l-ilmentaturi li l-Ombudsman irnexxielu jgħin huma:

  • Ċittadin li lmenta kontra organizazzjoni Franċiża li tagħti pagamenti ta’ assikurazzjoni lil min ma jaħdimx. Bil-kunsens ta’ l-ilmentatur, l-Ombdusman Ewropew ittrasferixxa l-ilment għand l-Ombudsman ta’ Franza li rnexxielu jsib soluzzjoni għal dan il-każ.
  • Ċittadin Pollak, b’diżabilita’ kkawżata minn inċident tat-traffiku li allega li l-istituzzjoni nazzjonali tas-sigurta’ soċjali iddeċidiet, b’mod skorrett, li tissospendi l-pagamenti tal-benefiċċju soċjali tiegħu. Bil-kunsens ta’ l-ilmentatur, il-każ ġie trasferit għand l-Ombudsman tal-Polonja.
  • Ċittadini spanjoli saħqu li hemm bżonn tittieħed azzjoni fuq livell Ewropew kif ukoll nazzjonali biex tiġi ndirizzata l-problema preżenti ta’ l-immigrazzjoni illegali mill-Afrika ta’ Fuq. Minħabba l-fatt li dan il-każ ma jaqax taħt il-mandat ta’ l-Ombdusman Ewropew, huwa avża l-ilmentaturi biex isir kuntatt ma’ l-Ombudsman ta’ Spanja dwar l-Awtoritajiet Nazzjonali u biex issir ukoll petizzjoni mal-Parlament li, fuq livell Ewropew, għandu kemm poteri investigattivi, kif ukoll leġislattivi li jistgħu jiġu użati għal dan il-każ.

Tista’ tagħti xi eżempji?

  • Il-Kummissjoni Ewropea solviet każ fuq pagament tard li sar lil ġurnalist tax-xjenza mill-Ġermanja. Spjegat ukoll ir-raġuni għaliex sar dan id-dewmien u qablet ukoll li jitħallsu l-interessi dovuti. Ikkonfermat ukoll li, sadanittant, kienet qed tieħu miżuri biex isir ħlas aktar fil-pront lil dawn l-esperti. L-ilmentatur qal ukoll li kien tħallas fi żmien 30 ġurnata ta’ xogħol li kien għamel taħt l-aħħar kuntratt li kellu.
  • L-Uffiċċju Ewropew għar-Reklutaġġ (EPSO) qabel li jibda’ jikjarifi ka aktar l-informazzjoni li jipprovdi fl-avviżi ta’ kompetizzjonijiet ta’ reklutaġġ dwar it-testijiet ta’ pri-selezzjoni u eliġibilita’. Dan sar wara ilment minn ċittadin Ungeriż li kien applika biex jieħu sehem f’kompetizzjoni għal assistenti tat-traduzzjoni. L-Ombudsman ħass li meta tipprovdi klarifikazzjonijiet addizzjonali tgħin sabiex tevita nuqqas ta’ ftehim u kif ukoll timmeljora r-relazzjoni mal-kandidati.
  • L-Ombudsman ikkritika l-Kunsill talli naqas milli jaġixxi b’mod korrett u b’attenzjoni fuq domanda għal aċċess pubbliku ta’ dokumenti. Dan sar wara inkjesta li wriet li, kuntrarju għar-risposta inizjali tal-Kunsill li ngħatat lill-ilmentatur dwar in-numru ta’ dokumenti relevanti, fil-fatt kienu jeżistu ħafna aktar dokumenti. Bir-riżultat li ħareġ wara l-investigazzjoni ta’ l-Ombudsman, l-ilmentatur ingħata l-aċċess għal dawn id-dokumenti.

Kif nista’ nikkuntattja l-Ombudsman?

L-Ombudsman Ewropew
1 Avenue du Président Robert Schuman
CS 30403
FR - 67001 Strasbourg Cedex
Tel: +33 (0)3 88 17 23 13
Fax: +33 (0)3 88 17 90 62

Informazzjoni aktar preċiza u fid-dettal hija disponibbli fl -indirizz segwenti: http://www.ombudsman.europa.eu

Min iktar jista’ jgħinni?

Jekk għandek xi problema ma’ amministrazzjoni nazzjonali, reġjonali jew lokali, tista` tagħmel kuntatt jew mal-kumitat tal-petizzjonijiet jew inkella ma` l-ombudsman reġjonali jew nazzjonali relevanti. Din l-informazzjoni tista` tinkiseb mill-website ta` l-Ombudsman Ewropew jew inkella billi ċċempel lill-uffiċċju ta` l-Ombudsman Ewropew.

Jekk teħtieġ tagħrif ġenerali dwar l-UE tista’ iċċempel bla ħlas lill-EUROPE DIRECT fuq:
Tel. 00 800 6 7 8 9 10 11

jew żur il-website EUROPE DIRECT li hija disponibbli fuq: http://europa.eu/