Jista' jgħinek?
L-Ombudsman Ewropew
L-Ombudsman Ewropew jistħarreġ ilmenti kontra istituzzjonijiet u korpi ta’ l-Unjoni Ewropea (UE). Inti tista` tilmenta ma` l-Ombudsman Ewropew fuq amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta` dawn l-istituzzjonijiet u l-korpi tagħhom.
L-Ombudsman ma jistax jistħarreġ ilmenti kontra amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali fl-iStati Membri, ukoll meta dawn l-ilmenti jkunu dwar ħwejjeġ li jolqtu l-Unjoni Ewropea. Ħafna minn dawn l-ilmenti jistgħu jiġu ndirizzati lill-Ombudsmen nazzjonali jew reġjonali jew kumitati fuq petizzjonijiet f`parlamenti nazzjonali jew reġjonali. Id-dettalji dwar kif jista` jsir kuntatt ma` l-Ombudsmen reġjonali u nazzjonali kollha, kif ukoll il-kumitati fuq petizzjonijiet fl-Unjoni Ewropea huma disponibbli mill-website ta` l-Ombudsman: http://www.ombudsman.europa.eu
X’inhi amministrazzjoni ħażina?
Amministrazzjoni ħażina tfisser amministrazzjoni li ma saritx kif suppost jew li saret b’mod mhux ġust. Dan jiġri meta xi istituzzjoni ma timxix skond il-liġi, ma tirrispettax il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, jew tikser id-drittijiet tal-bniedem. Xi eżempji huma:
- irregolaritajiet amministrattivi
- inġustizzja
- diskriminazzjoni
- abbuż ta’ poter
- nuqqas li tibgħat tweġiba
- meta tiċħad li tagħti informazzjoni
- dewmien żejjed
Liema huma l-istituzzjonijiet u l-korpi ta` l-UE?
L-istituzzjonijiet u l-korpi ta’ l-UE jinkludu:
- Il-Parlament Ewropew
- Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea
- Il-Kummissjoni Ewropea
- Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (ħlief fir-rwol ġudizzjarju tagħha)
- Il-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri
- Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
- Il-Kumitat tar-Reġjuni ta’ l-Unjoni Ewropea
- Il-Bank Ewropew għall-Investiment
- Il-Bank Ċentrali Ewropew
- L-Uffiċċju Ewropew għar-Reklutaġġ ta’ l-Impjegati (EPSO)
- L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)
- L-Uffiċċju tal - Pulizija Ewropea (Europol)
- Aġenziji deċentralizzati (bħaċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali, l-Aġenzija Ewropea ta’ l-Ambjent, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern, eċċ.)
Jekk jogħġbok innota illi l-lista ta’ hawn fuq mhijiex sħiħa għall-aħħar. Lista ta’ l-istituzzjonijiet u korpi oħra ta’ l-UE tinstab fil-website Europa: http://www.europa.eu/
Min jista’ jilmenta għand l-Ombudsman?
Jekk int ċittadin ta’ xi Stat Membru ta’ l-Unjoni jew tgħix fi Stat Membru, inti tista’ tagħmel ilment lill-Ombudsman Ewropew fuq amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-korpi u l-istituzzjonijet ta’ l-UE. Kumpaniji kummerċjali, assoċjazzjonijiet jew korpi oħra b’ uffiċċju reġistrat fl-Unjoni jistgħu wkoll jilmentaw għand l-Ombudsman.
X’jista’ jkun ir-riżultat?
Jista’ jaghti l-każ li sabiex tinstab soluzzjoni l-Ombudsman jeħtieġlu biss li javża l-istituzzjoni konċernata dwar ilment li jkun wasallu. Jekk ma jinstabx rimedju sodisfaċenti waqt l-istħarriġ tal-każ, l-Ombudsman jipprova jsib soluzzjoni bonarja li ssewwi l-att amministrattiv ħażin li jkun sar għas-sodisfazzjon ta’ min ikun ilmenta. Jekk il-ħidma biex jinstab ftehim ma tirnexxix, l-Ombudsman jista’ jressaq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex il-każ jissolva. Jekk l-istituzzjoni ma tilqax dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-Ombudsman jista’ jagħmel rapport speċjali lill-Parlament Ewropew.
Kif tilmenta
Ikteb lill-Ombudsman fi kwalunkwe lingwa tat-Trattat(1), agħti dettalji sħaħ fuqek innifsek, fuq liema istituzzjoni jew korp ta’ l-UE qed tilmenta u l-bażi ta’ l-ilment tiegħek.
- Ilment irid isir sa sentejn mid-data ta’ meta tkun sirt taf il-fatti li fuqhom huwa bbażat l-ilment tiegħek.
- Inti tista’ ma tkunx intlaqatt individwalment mill-amministrazzjoni ħażina.
- Trid tkun diġà kkuntattjajt lill-istituzzjoni jew korp ikkonċernat fuq il-każ, per eżempju b’ittra.
- L-Ombudsman ma jittrattax kwistjonijiet li jkunu qegħdin jinstemgħu f’xi qorti jew li ġa ġew deċiżi minn xi qorti.
L-Ombudsman jistħarreġ l-ilment tiegħek, u jgħarrfek bir-riżultat ta’ l-investigazzjoni tiegħu.
Ilment jista’ jsir billi tikteb ittra lill-Ombudsman Ewropew jew billi tuża l-formola mehmuża hawnhekk. Verżjoni elettronika tal-formola ta’ ilment tinstab fil-website ta’ l-Ombudsman f’: http://www.ombudsman.europa.eu
Kif tikkuntattja lill-Ombudsman Ewropewv
- Bil-posta
L-Ombudsman Ewropew
1 Avenue du Président Robert Schuman
CS 30403
FR-67001 Strasbourg Cedex
Franza - Bit-telefon
+33 (0) 3 88 17 23 13 - Bil-fax
+33 (0) 3 88 17 90 62 - Website
http://www.ombudsman.europa.eu
- Bil-posta
(1) Mill-ewwel ta' Jannar 2007, kien hemm 23 lingwi tat-Trattat: Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Griek, Ingliż, Irlandiż, Latvjan, Litwan, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Svediż, Taljan u Ungeriż.




