L-identità viżiva tal-Ombudsman Ewropew

Fis-27 ta' Settembr 2010, tnediet l-identità viżiva l-ġdida tal-Ombudsman Ewropew.
Il-logo tagħna huwa simbolu viżiv li huwa maħsub biex jolqot udjenzi kbar filwaqt li jirrappreżenta l-identità u l-valuri tal-organizzazzjoni tagħna. L-għan tal-logo, li ġie ddisinjat speċifikament għalina, huwa li jkun attraenti, xieraq u memorabbli.
L-ilwien blu u isfar ifakkru fil-bandiera tal-Ewropa, u dan jikkorrispondi mal-konfini ġeografiċi li naħdmu fi ħdanhom. Il-forma ċirkulari tirrappreżenta l-unità u l-kunsens.
Ġewwa dan iċ-ċirku, żewġ vleġeġ sejrin direzzjonijiet opposti jirrappreżentaw l-iskambju u d-djalogu, li huma karatteristiċi ewlenin tal-metodoloġija tal-Ombudsman Ewropew. Id-disinn tal-vleġeġ bis-saffi joħloq is-sinjal "=", simbolu tal-ugwaljanza u l-ekwità.
Il-logo huwa ddisinjat b'tali mod li jadatta ruħu sewwa għal bosta użi u kuntesti, u jagħti sens ta' preżenza dinamika u pożittiva kull fejn jidher.
L-identità viżiva tal-Ombudsman Ewropew hija disinn ta' Studio Apeloig (http://www.apeloig.com), li ħa l-kuntratt wara proċedura ta' sejħa għall-offerti varata fl-2008. Philippe Apeloig, il-kap tal-iStudio, dari kien Direttur Artistiku tal-Mużew tal-Louvre, u fl-2009 rebaħ il-Premju Globali tal-International Society of Typographic Designers.




