Ombudsman Ewropew
Dokumenti relatati
Sommarju tad-deċiżjoni dwar l-ilment 512/2012/BEH kontra l-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni awtorizzat l-użu ta’ numru ta’ insettiċidi, magħrufa bħala neonikotinojdi, għal skopijiet ta’ protezzjoni tal-pjanti. Ir-regolament relevanti jipprevedi proċess ta’ reviżjoni rigward l-awtorizzazzjoni ta’ sustanzi f’każ li evidenza xjentifika ġdida tindika li dawn ma għadhomx jilħqu l-kriterji kollha ta' approvazzjoni, pereżempju, minħabba li jpoġġu f’riskju lis-saħħa tal-annimali.
F’Marzu 2012, membru tal-Bord Awstrijakk tal-Ombudsman irrikorra għand l-Ombudsman Ewropew u rrimarka li skont osservazzjonijiet ta’ imprendituri li jrabbu n-naħal, kif ukoll skont evidenza xjentifika, ċerti neonikotinojdi wasslu għal żieda fil-mortalità tan-naħal fis-snin riċenti. Fuq dan l-isfond, l-ilmentatur allega li, minkejja d-disponibbiltà ta’ evidenza xjentifika ġdida, il-Kummissjoni naqset milli tieħu l-miżuri neċessarji biex tindirizza l-kwistjoni tal-mortalità tan-naħal li huma marbuta mal-użi ta' ċerti neonikotinojdi. L-ilmentatur saħaq li l-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tindirizza l-kwistjoni tal-mortalità tan-naħal.
Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni qalet li hija kienet qiegħda ssegwi l-aħħar żviluppi xjentifiċi bir-reqqa u, f'April 2012 nediet reviżjoni sħiħa tal-valutazzjoni tar-riskju tan-neonikotinojdi kollha għan-naħal, li qiegħda ssir mill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). Il-Kummissjoni żiedet li t-tlestija tal-valutazzjoni tal-EFSA hija mbassra li tkun lesta sal-31 ta’ Diċembru 2012. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-ilmentatur laqa’ d-deċiżjoni li jniedi reviżjoni u saħaq li jittama li jinkiseb riżultat pożittiv rigward il-kwistjoni serja tal-mortalità tan-naħal. Huwa talab ukoll lill-Ombudsman biex jinfurmah bl-eżitu tal-proċedura ta’ reviżjoni.
Fid-dawl tal-miżuri meħuda mill-Kummissjoni, li inkludew il-bidu ta' reviżjoni, kif ukoll fil-kuntest li l-osservazzjonijiet li ssottometta l-ilmentatur, l-Ombudsman ikkonkluda li l-Kummissjoni solviet l-ilment għas-sodisfazzjoni tal-ilmentatur, u għalhekk għalaq il-każ. Fl-istess waqt, huwa talab lill-Kummissjoni żżommu infurmat bl-eżitu tar-reviżjoni tagħha sal-31 ta’ Marzu 2013.