Ċaħda ta’ offerta minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ Kap tat-Tim involut fil-proġett

Lingwi disponibbli :  bg.es.cs.da.de.et.el.en.fr.ga.it.lv.lt.hu.mt.nl.pl.pt.ro.sk.sl.fi.sv
  • Każ :  0105/2011/(TS)TN
    Miftuħa fil- 17 Mar 2011 - Deċiżjoni fil- 28 Mar 2012
  • Istituzzjoni(jiet) konċernata(i) :  Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
  • Qasam(Oqsma) tal-liġi :  Relazzjonijiet esterni
  • Tipi ta' amministrazzjoni ħażina allegata – (i) ksur ta', jew (ii) ksur ta' dmirijiet relatati ma' :  Nuqqas ta' diskriminazzjoni [Artiklu 5 KEMAT]
  • Materja(i) tas-suġġett :  Aġġudikazzjoni ta’ sejħiet għall-offerti u għotjiet
Survey
Awtur: Gunnar Pippel
Drittijiet ta` l-awtur: Stocklib © Gunnar Pippel

Sommarju tad-deċiżjoni dwar l-ilment 105/2011/(TS)TN kontra l-Kummissjoni Ewropea

L-ilment, li tressaq minn kumpanija Griega, kien jirrigwarda l-esklużjoni ta’ offerta fi proċedura ta’ sejħa għall-offerti għal proġett iffinanzjat mill-UE. L-offerta tal-ilmentatur ġiet irrifjutata meta rriżulta li l-Kap tat-Tim propost tagħha kien impenja lilu nnifsu li jaħdem full-time fuq proġett ieħor iffinanzjat mill-UE li kellu jseħħ fl-istess żmien.

Fl-ilment tiegħu lill-Ombudsman Ewropew, l-ilmentatur allega li d-Delegazzjoni tal-UE għat-Turkija ppermettiet u kkonfermat inġustament iċ-ċaħda tal-offerta. Il-kumpanija sostniet li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiskwalifika lill-Kap tat-Tim miż-żewġ proġetti li għalihom kien ġie propost u li l-ilmentatur għandu jitħalla jissostitwixxi lill-Kap tat-Tim.

L-Ombudsman osserva li, filwaqt li huwa minnu li espert ma jistax jaħdem fuq żewġ proġetti fl-istess waqt, m’hemm l-ebda regola jew prinċipju li jeskludi li espert iressaq ismu għal diversi proġetti tal-UE. Madankollu, skont ir-regoli applikabbli, espert impenjat fi proġetti oħrajn iffinanzjati mill-UE m’għandux ikun propost bħala espert ewlieni u offerta tista’ tiġi rrifjutata jekk jirriżulta li espert ewlieni ma jkunx disponibbli.

L-Ombudsman sab li l-Kummissjoni wettqet każ ta’ amministrazzjoni ħażina meta rrakkomandat lill-awtorità kontraenti Torka li teskludi l-offerta tal-kumpanija qabel ma ġie stabbilit li l-Kap tat-Tim propost ma kienx ser ikun disponibbli għall-proġett. Madankollu, id-deċiżjoni eventwali li ħadet l-awtorità kontraenti Torka, li teskludi l-offerta, kienet xierqa. L-Ombudsman ma sabx li l-kundizzjonijiet għas-sostituzzjoni tal-espert kienu ġew issodisfati.

L-Ombudsman għamel rimarka ulterjuri lill-Kummissjoni bl-għan li tnaqqas ir-riskju li l-offerti għat-twettiq ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE jkunu esklużi minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ esperti ewlenin.