Ombudsman Ewropew
Dokumenti relatati
Sommarju tad-deċiżjoni dwar l-ilment 773/2011/OV kontra l-Kummissjoni Ewropea
Il-kwerelant, li huwa ċittadin Ġermaniż miżżewweġ ċittadina mil-Libanu, ippreżenta lment ta’ ksur lill-Kummissjoni f’Jannar 2008 li fih allega li r-Renju Unit kien kiser l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Ibbaża l-ilment tiegħu fuq il-fatt li r-Renju Unit kien qiegħed jobbliga lil martu tapplika għal viża qabel tidħol fir-Renju Unit.
F’Marzu 2011, il-kwerelant ilmenta mal-Ombudsman billi allega li l-Kummissjoni ma kinitx ittrattat l-ilment tiegħu dwar ksur kif suppost. Argumenta li ma sar xejn bl-ilment tiegħu għal perjodu ta’ tliet snin (iddikjara li l-unika tweġiba sostantiva li rċieva mingħand il-Kummissjoni kienet ittra tal-14 ta’ April 2008).
Fit-tweġiba tagħha lill-Ombudsman, il-Kummissjoni spjegat il-bosta passi li kienet ħadet fir-rigward tal-ilment. Fosthom, bagħtet ittra ta’ avviż formali lill-awtoritajiet tar-Renju Unit f’Ġunju 2011. Il-Kummissjoni tat ukoll ħarsa ġenerali lejn total ta’ disa’ ittri li hija bagħtet lill-kwerelant bejn April 2008 u Settembru 2011.
L-Ombudsman sab li, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet tal-kwerelant, il-Kummissjoni ma baqgħetx inattiva fir-rigward tat-trattament tal-ilment dwar ksur u li kienet bagħtet bosta tweġibiet sostantivi lill-kwerelant. L-Ombudsman qies li ma kinux ġustifikati inkjesti ulterjuri fl-ilment.