Ombudsman Ewropew
Dokumenti relatati
Sommarju ta' deċiżjoni dwar l-ilment 2073/2010/AN (kunfidenzjali) kontra l-Kummissjoni Ewropea
Il-kwerelant talab aċċess għal dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ ksur li tikkonċerna kwistjonijiet ambjentali fi Spanja. Wara r-rifjut tal-Kummissjoni tat-talba inizjali tiegħu, il-kwerelant issottometta applikazzjoni konfermatorja. Il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għat-tweġiba tagħha għall-applikazzjoni konfermatorja tiegħu f’żewġ okkażżjonijiet, u, fit-tieni okkażżjoni, lill-kwerelant ma pprovditlux data stmata għad-deċiżjoni tagħha. Wara li l-Ombudsman fetaħ l-inkjesta tiegħu dwar l-ilment, il-Kummissjoni eventwalmet tat aċċess lill-kwerelant għal xi wħud mid-dokumenti mitluba, filwaqt li ċaħdet aċċess għal oħrajn.
L-Ombudsman sab li ċ-ċaħda tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għal ċerti dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Spanjoli kienet ġustifikata, fid-dawl tal-eċċezzjonijiet invokati minn dawn tal-aħħar li l-Kummissjoni għaddiet debitament lill-kwerelant. Fir-rigward tat-trattament tat-talba għal aċċess għall-kumplament tad-dokumenti, l-Ombudsman sab amministrazzjoni ħażina u għamel rimarki ta' kritika fir-rigward li l-Kummissjoni (i) ċaħdet b'mod skorrett li tiżvela xi wħud mid-dokumenti interni tagħha lill-kwerelant, (ii) ma vvalutatx il-possibbiltà li tagħti lill-kwerelant aċċess parzjali għad-dokumenti interni li hija ċaħdet li tiżvela, (iii) ma vvalutatx debitament l-eżistenza ta' interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar tad-dokumenti interni tagħha, (iv) ma pprovditx ġustifikazzjoni suffiċjenti fil-limitu ta’ żmien previst mir-Regolament 1049/2001, u (v) kisret l-Artikolu 8(2) tar-Regolament 1049/2001 billi estendiet darbtejn l-iskadenza għat-tweġiba tagħha għall-applikazzjoni konfermatorja tal-kwerelant u billi ma pprovditx lill-kwerelant, fil-ħin tat-tieni tweġiba temporanja, data stmata għad-deċiżjoni tagħha.