Ombudsman Ewropew
Dokumenti relatati
Sommarju tad-deċiżjoni dwar l-ilment 899/2011/TN (kunfidenzjali) kontra l-Kummissjoni Ewropea
L-ilment jikkonċerna d-dritt tal-kwerelant li jirċievi benefiċċju doppju għat-tfal dipendenti għal wild tiegħu li għandu diżabbiltà gravi.
Ir-Regolamenti dwar il-Persunal għall-ħaddiema taċ-ċivil tal-UE jgħidu li l-benefiċċju għat-tfal dipendenti li jingħata lill-ħaddiema taċ-ċivil jista’ jiġi rduppjat jekk jiġi stabbilit li l-wild qiegħed ibati minn diżabbiltà li minħabba fiha l-impjegat taċ-ċivil ikollu jħallas spejjeż kbar. Il-wild tal-kwerelant għandu diżabbiltà konġenitali gravi. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti lill-kweralant, il-benefiċċju doppju mid-data li fiha hu applika għall-benefiċċju doppju għat-tfal dipendenti, jiġifieri, kważi sentejn wara li beda jaħdem. Il-kwerelant argumenta li, meta beda jaħdem mal-amministrazzjoni tal-UE, huwa pprovda ċertifikat mediku li jikkonferma li l-wild tiegħu ilu 100% diżabbli minn mindu twieled. Madankollu, minħabba nuqqas ta’ ftehim fi ħdan l-amministrazzjoni, għadda ammont kunsiderevoli ta’ żmien qabel ma ġie infurmat li seta’ japplika għall-benefiċċju doppju. Il-kwerelant ikkunsidra li l-Kummissjoni żbaljat meta ċaħdet li tagħtih il-benefiċċju doppju mid-data meta beda jaħdem.
Fl-ittra tiegħu lill-Kummissjoni li fetħet l-investigazzjoni, l-Ombudsman innota li filwaqt li l-benefiċċju doppju jista’ jingħata biss jekk wieħed japplika għalih, huwa ma kienx konvint li r-Regolamenti dwar il-Persunal jistabbilixxu li d-dritt għal benefiċċji tal-familja għandu jibda japplika mid-data li tkun saret l-applikazzjoni. L-Ombudsman innota wkoll li r-regoli implimentattivi għall-benefiċċju doppju għat-tfal dipendenti ġew immodifikati f’Diċembru 2007, b’tali mod li jekk diżabbiltà tkun ikbar jew ugwali għal 50%, il-benefiċċju doppju jingħata awtomatikament, mingħajr ma l-ħaddiem taċ-ċivil ikollu jipprova li jrid iħallas xi spejjeż kbar. L-Ombudsman kien konvint li kienet prattika ġusta u konsistenti li wieħed jibbaża d-dritt għal benefiċċju doppju fuq id-data tal-applikazzjoni f’każijiet fejn huwa possibbli li tiġi stabbilita data preċiża, bħad-data tat-twelid, minn meta l-wild jibda jbati minn diżabbiltà li hija ikbar jew ugwali għal 50%.
Fl-opinjoni tagħha lill-Ombudsman, il-Kummissjoni kkonkludiet li, fid-dawl tal-modifika tar-regoli f’Diċembru 2007, hija kellha tħallas lill-kwerelant b’mod retroattiv il-benefiċċju doppju għat-tfal dipendenti, jiġifieri, mid-data li fiha l-kwerelant beda jaħdem bħala uffiċjal tal-UE. Il-Kumissjoni assigurat lill-Ombudsman li kienet sejra tieħu l-passi meħtieġa biex tħallas dawn il-benefiċċji minn Diċembru 2007, u li teżamina mill-ġdid il-fajl tal-kwerelant għall-perjodu qabel Diċembru 2007.
Il-kwerelant irringrazzja lill-Ombudsman għall-isforzi tiegħu, li fil-fehma tiegħu pproduċew riżultat sodisfaċenti ħafna. L-Ombudsman għalaq il-każ kif solvut mill-Kummissjoni.