Editorjal
Bi pjaċir kbir nilqgħek fis-sit elettroniku tal-Ombudsman Ewropew! Probabbli nnutajt li s-sit elettroniku ħa xejra ġdida! L-Ombudsman nieda identità viżiva ġdida fis-27 ta’ Settembru 2010. It-tnedija ħabtet mal-ħmistax anniversarju tal-istituzzjoni. Dakinhar stess, l-Ombudsman ippreżenta wkoll l-istrateġija tiegħu għall-mandat 2009-2014, liema strateġija tenfasizza sett ta’ objettivi u prijoritajiet imfassla biex jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jgawdu d-drittijiet tagħhom bis-sħiħ, u biex itejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni tal-UE. L-istrateġija hija disponibbli fis-sezzjoni “Riżorsi” ta’ dan is-sit elettroniku.
L-għan ta’ dan is-sit hu li jagħtik informazzjoni ċara, konċiża u faċli biex tifhem x’jista’ jagħmel għalik l-Ombudsman Ewropew. Barra minn hekk, tista’ tiskopri x’kiseb l-Ombudsman s’issa, u kif tressaq ilment. Is-sit elettroniku jiġi aġġornat regolarment bi stqarrijiet għall-istampa, dettalji tal-avvenimenti li ġejjin, pubblikazzjonijiet u sommarji tal-każijiet.
Is-sit elettroniku fih ukoll gwida interattiva bit-23 lingwa uffiċjali kollha tal-UE. Fi kwalunkwe jum partikolari, numru kbir ta’ ċittadini jirċievu pariri permezz tal-gwida. Il-gwida tgħinek tidentifika malajr l-aktar korp adegwat li għandek tirreferi għalih jekk tixtieq tressaq ilment. Dan is-servizz jidher li hu partikolarment utli għaċ-ċittadini, għall-impriżi u għal organizzazzjonijiet oħra fl-Ewropa kollha. Mill-5 ta’ Jannar 2011, jiġifieri t-tieni anniversarju tat-tnedija tal-gwida interattiva, aktar minn 45 000 persuna għamlu użu minn dan is-servizz.
Anki jekk ma tixtieqx tressaq ilment, jista’ jkun li tkun interessat li ssir taf aktar dwar ix-xogħol tal-Ombudsman li jżomm lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE responsabbli. It-taqsima “Każijiet” fuq is-sit elettroniku tippermettilek tfittex fid-deċiżjonijiet, fl-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet u fir-rapporti speċjali, kif ukoll fis-sommarji tal-każijiet kollha tal-Ombudsman.
Nittama li dan is-sit elettroniku jkompli jkun riżorsa imprezzabbli għal dawk kollha li jsegwu x-xogħol tal-Ombudsman. Nittama li tieħu pjaċir iżżur is-sit u jekk jogħġbok toqgħodx lura milli tibgħat il-kummenti u s-suġġerimenti li tixtieq tagħmel.
Tislijiet,





