Dokument ta’ informazzjoni għan-negozji u organizzazzjonijiet
L-Ombudsman Ewropew: Għajnuna għalik sabiex issolvi problemi ma’ l-amministrazzjoni ta’ l-UE
Negozji, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet b’uffiċċju reġistrat fl-UE jistgħu jilmentaw quddiem l-Ombudsman Ewropew rigward amministrazzjoni żbaljata fl-istituzzjonijiet u l-korpi ta’ l-UE.
Dwar xiex tista’ tagħmel ilment?
L-Ombudsman jinvestiga lmenti dwar amministrazzjoni żbaljata, li jfisser amministrazzjoni fqira jew falluta. Dan jiġri jekk istituzzjoni tonqos milli taġixxi skond il-liġi, tonqos milli tirrispetta l-prinċipji ta’ amministrazzjoni ġusta jew tikser id-drittijiet fundamentali. Eżempji ta’ problemi li l-Ombudsman ħadem fuqhom huma:
- Ħlas tardiv
- Kwistjonijiet kuntrattwali
- Problemi fis-sejħiet għal offerti
- Ċaħda għal aċċess ta’ dokumenti
- Dewmien bla bżonn
- Ksur ta’ drittijiet fundamentali
Dwar xiex ma tistax tilmenta?
Il-mandat ta’ l-Ombudsman Ewropew huwa limitat għall-investigazzjoni ta’ lmenti kontra istituzzjonijiet u korpi ta’ l-UE. L-Ombudsman ma jistax jinvestiga:
- Lmenti kontra awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, anke meta l-ilmenti huma dwar kwistjonijiet ta’ l-UE;
- L-attivitajiet ta’ qrati nazzjonali jew ombudsmen;
- Ilmenti kontra negozji jew individwi privati.
Iżda jekk tibgħatlu problemi dwar dawn l-oqsma, huwa jagħmel li jista’ sabiex javżak dwar min jista’ jkun ta’ għajnuna għalik.
Għaliex tilmenta?
Negozju u assoċjazzjonijiet jipparteċipaw b’mod frekwenti fi proġetti ta’ l-UE u sejħiet għal offerti u għalhekk ikollhom kuntatt dirett ma istituzzjonijiet ta’ l-UE. Jekk tiltaqa’ ma problemi tista’ titlob għajnuna lill-Ombudsman. Huwa joffri servizzi b’xejn, effikaċi u flessibbli. Xi drabi telefonata mis-servizzi ta’ l-Ombudsman lill-istituzzjoni konċernata hija biżżejjed sabiex issolvi l-problema.
Minn fejn tista’ tikseb aktar informazzjoni?
Jekk taħseb li li l-Ombudsman Ewropew jista’ jgħinek, jekk jogħġbok żur il-websajt tiegħu għal aktar informazzjoni jew ikkuntattja l-Uffiċċju tiegħu:
L-Ombudsman Ewropew
1, av. du Président Robert Schuman
CS 30403
FR-67001 Strasbourg Cedex
Franza
Tel. (33) 388 17 23 13
Fax (33) 388 17 90 62
www.ombudsman.europa.eu
Eżempji ta’ każijiet li ġew ġestiti mill-Ombudsman Ewropew
Ħlas tardiv
Il-Kummissjoni Ewropea ħallset riċevuti li jammontaw għal aktar minn EUR 17 000 lill-kumpanija żgħira, li marret għand l-Ombudsman wara li bagħtet 7 tfakkiriet lill-istituzzjoni. Il-Kummissjoni spjegat li d-dewmien kien dovut għal tibdil tekniku fil-proċeduri tal-baġit u tat assigurazzjonijiet li ġew riveduti dawn il-kwistjonijiet. Wara l-Ombudsman aċċenna li impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) huma vulnerabbli għall-effetti ta’ dewmien fil-pagamenti, il-Kummissjoni qablet li tħallas l-interessi wkoll.
Kwistjonijiet kuntrattwali
Il-Kummissjoni tat kumpens ta’ EUR 21 000, fuq bażi ex gratia, lill-kumpanija żgħira wara li l-Ombudsman sab li ma tatx żmien biżżejjed lill- kumpanija sabiex tiġi preparata proposta fil-qafas ta’ kuntratt ta’ riċerka u żvilupp. Dan fl-aħħar wassal sabiex il-proposta tkun ikkunsidrata mhux eliġibbli minħabba żball li kien fiha. Il-Kummissjoni emfasizzat li kienet anzjuża sabiex ma tagħmilx ħsara lil SMEs u għarfet li ċirkostanzi eċċezzjonali għamluha diffiċli għall-ilmentatur sabiex jeżegwixxi l-kuntratt b’mod korrett.
Problemi fis-sejħiet għal offerti
L-Ombudsman ma sab l-ebda amministrazzjoni żbaljata rigward id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew sabiex jirrifjuta offerta ta’ lmentatur wara sejħa għal offerti. Minkejja dan, huwa wera li dikjarazzjoni tal-Parlament magħmulha rigward id-diskrezzjoni tiegħha f’tali proċeduri ma ħarġitx minn dan it-test tas-sejħa għal offerti f’dan il-każ partikolari jew sabiex tkun konsistenti mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba rigward l-eżerċizzju ta’ poteri ta’ diskrezzjoni.
Ċaħda għal aċċess ta’ dokumenti
Il-Bank Ewropew ta’ Investiment (EIB) ta’ aċċess parzjali lill-pubbliku għal rapport tal-verifika, war lment li sar lill-Ombudsman. Barra minn dan, huwa qabel li jagħti lill-kumpanija rilevanti aċċess għal sezzjonijiet tar-rapport li speċifikament jikkonċernaw il-grupp li għalih tappartjeni l-kumpanija. Ir-rapport kien dwar proġett ta’ fondi ta’ l-UE fl-Afrika li fih ipparteċipaw il-grupp. L-EIB fil-bidu ċaħad aċċess għar-rapport.
Dewmien bla bżonn
Il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni dwar ilment ta’ ksur wara li l-Ombudsman talabha taħdem fuq il-każ. Huwa argumenta li t-talba tal-Kummissjoni li ma setgħetx tilħaq kunsens politiku dwar kif tipproċedi ma salvahiex mid-dover li titratta b’mod xieraq dan l-ilment. Provveditur Ġermaniż ta’ servizzi ta’ logħob tax-xorti fuq l-isports ilmenta mall-Kummissjoni wara li l-awtoritajiet Ġermaniżi talbuh jieqaf milli joffri dawn is-servizzi tiegħu, b’hekk ikkostrinġewh li jagħlaq in-negozju tiegħu. Fl-opinjoni ta’ l-ilmentatur dan jikkostitwixxi ksur ta’ libertà ta’ provvista ta’ servizzi.
Ksur ta’ drittijiet fundamentali
L-Ombudsman ikkritika l-Kummissjoni għan-nuqqas li turi li sabet bilanċ ġust bejn il-ħtieġa ta’ ġestjoni finanzjarja soda ta’ l-għotjiet tagħha u d-dritt ta’ l-ilmentatur, organizzazzjoni mhux governattiva fil-qasam ta’ l-ambjent, sabiex tiġi trattata b’mod ġust u b’rispett għal preżunzjoni ta’ innoċenza. Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ l-organizzazzjoni għal għajnuna finanzjarja minħabba li l-organizzazzjoni kienet soġġetta għal inkjesta ġudizzjarja preliminarja.




