Euroopa Ombudsman
Seonduvad dokumendid
Sommarju ta’ deċiżjoni dwar l-inkjesta b’inizjattiva personali OI/3/2009/MHZ li tirrigwarda l-Kummissjoni Ewropea
Organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) Spanjola li taħdem fil-qasam ambjentali għarrfet lill-Ombudsman li ma deherx li l-Kummissjoni kienet qed tirreġistra korrispondenza li tallega każi ta’ ksur tal-Liġi Ambjentali tal-UE bħala ilment kemm-il darba tqis li (i) s-suġġett tal-ilment ma jkunx jistħoqqlu trattament prijoritarju, u (ii) l-korrispondenza tkun tirrigwarda l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali qabel ma l-mekkaniżmi ta’ rimedju pprovduti mill-liġi nazzjonali jkunu ġew eżawriti. Madankollu l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Ombudsman Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mal-ilmentaturi fir-rigward tal-ksur tal-liġi tal-UE (‘il-Komunikazzjoni 2002’) tipprovdi r-regola bażika li kull korrispondenza li aktarx tkun se tiġi investigata bħala ilment għandha tkun irreġistrata fir-reġistru ċentrali tal-ilmenti. L-eċċezzjonijiet għal din ir-regola inklużi fiha ma jinkludux iż-żewġ eċċezzjonijiet imsemmija hawn fuq. Għalhekk l-Ombudsman iddeċieda li jinvestiga b’inizjattiva proprja tiegħu f'dan ir-rigward.
Fl-opinjoni tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li ma kienet introduċiet l-ebda eċċezzjoni ġdida għar-regola bażika msemmija hawn fuq, u li huma biss dawk is-sitt eċċezzjonijiet imsemmija fil-Komunikazzjoni 2002 li huma vinkolanti. Il-Kummissjoni ċċarat li l-“prijoritizzazzjoni” ma tirrigwardax ir-reġistrazzjoni tal-korrispondenza bħala ilment iżda l-fażi amministrattiva sussegwenti, jiġifieri dik meta l-ilment ikun diġà rreġistrat u ttrattat bħala tali. Madankollu, fir-rigward tal-korrispondenza dwar l-aċċess għall-informazzjoni ambjentali l-Kummissjoni ddikjarat li l-interpretazzjoni tagħha tal-Komunikazzjoni 2002 kienet illi korrispondenza bħal din taqa’ taħt l-eċċezzjoni tan-nuqqas li jitressaq ilment.
L-Ombudsman ikkonkluda li l-mod illi bih il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti prijorità lit-trattar tal-ilmenti jaqa’ fil-marġni tad-diskrezzjoni tagħha. Madankollu huwa kien mħasseb li l-Kummissjoni tinterpreta l-eċċezzjoni rigward in-nuqqas li jitressaq ilment bħala eċċezzjoni li tkopri l-korrispondenza marbuta mar-rifjut tal-aċċess għal informazzjoni ambjentali fejn il-mekkaniżmu nazzjonali ta’ rimedju ma jkunx ġie eżawrit. Huwa qies li din l-interpretazzjoni tista’ tkun wiesgħa żżejjed, u li tista’ ma taqdix l-aħjar għan tal-Kummissjoni, li huwa li tipprovdi protezzjoni akbar għall-interessi taċ-ċittadini.
L-Ombudsman qasam it-tħassib tiegħu mal-Kummissjoni permezz ta’ ittra separata Fit-tweġiba tagħha l-Kummissjoni stqarret li biħsiebha taċċetta l-istedina tal-Ombudsman biex iddejjaq l-interpretazzjoni tagħha tal-eċċezzjoni eżistenti fil-Komunikazzjoni 2002 rigward in-nuqqas li jitressaq ilment. Il-Kummissjoni ddikjarat li ma kinitx se tuża din l-eċċezzjoni biex tiġġustifika n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-ilmenti li jistgħu jsiru fil-ġejjieni dwar l-aċċess għal informazzjoni ambjentali fir-reġistru ċentrali l-ġdid tagħha CHAP. Għalhekk l-Ombudsman għalaq l-inkjesta ta’ inizjattiva proprja li kien fetaħ u kkonkluda li l-Kummissjoni ma kinitx ħatja ta’ amministrazzjoni ħażina.