• Lodge a complaint
  • Request for information

Closing summaries of cases

Questions about Europe?Your Europe - The portal to on-line European and national public servicesTreaty of Lisbon

Il-mod kif ġiet trattata t-talba tal-kwerelant għal aċċess għal dokumenti

Available languages: bg.es.cs.da.de.et.el.en.fr.ga.it.lv.lt.hu.mt.nl.pl.pt.ro.sk.sl.fi.sv
  • Case: 1161/2010/BEH
    Opened on 22 Jun 2010 - Draft recommendation on 19 Dec 2011 - Decision on 03 Aug 2012
  • Institution(s) concerned: European Commission
  • Field(s) of law: General, financial and institutional matters
  • Types of maladministration alleged – (i) breach of, or (ii) breach of duties relating to: Requests for public access to documents [Article 23 ECGAB]
  • Subject matter(s): Dealing with requests for information and access to documents (Transparency)
A pile of documents marked "top secret"
Author:
Copyright: Stocklib ©

Sommarju tad-deċiżjoni dwar l-ilment 1161/2010/BEH (kunfidenzjali) kontra l-Kummissjoni Ewropea

Il-kwerelant huwa student Ġermaniż tal-Ph.D. Fl-2009, huwa rrikorra għall-Kummissjoni Ewropea u, abbażi tar-Regolament 1049/2001, talab aċċess għal ċerti dokumenti relatati ma’ għadd ta' każijiet ta’ ksur li kienu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-każijiet kienu relatati ma’ ċerti kwistjonijiet doganali dwar importazzjonijiet ta’ armamenti u oġġetti b’użu doppju. It-talba tal-kwerelant, essenzjalment, kienet tkopri l-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati. Il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess għad-dokumenti mitluba. Wara li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet tat is-sentenzi fil-każijiet imsemmija f'Diċembru 2009, il-kwerelant ippreżenta talba ġdida għal aċċess. Għal darb'oħra l-Kummissjoni rrifjutat li tagħti aċċess u l-kwerelant issottometta applikazzjoni konfermatorja. L-ewwel il-Kummissjoni estendiet id-data ta’ skadenza biex tittratta dik l-applikazzjoni u aktar tard informat lill-kwerelant li ma setgħetx tikkonkludi l-konsultazzjonijiet interni tagħha.

Fl-ilment tiegħu lill-Ombudsman, il-kwerelant allega li l-Kummissjoni naqset milli tipproċessa l-applikazzjoni konfermatorja tiegħu għal aċċess għad-dokumenti msemmija fil-perjodi ta’ żmien previsti fir-Regolament 1049/2001. Huwa allega wkoll li d-deċiżjoni tagħha li ma tagħtix aċċess mhijiex konformi mal-liġi. Huwa sostna li l-Kummissjoni għandha, b'kunsiderazzjoni tal-argumenti mqajma fl-applikazzjoni konfermatorja tiegħu għal aċċess, tittratta malajr l-applikazzjoni konfermatorja tiegħu u tagħti aċċess għad-dokumenti kkonċernati.

Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat, fost affarijiet oħra, l-għadd kbir ta’ dokumenti involuti u d-diversi bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-talbiet tal-kwerelant li wasslu għad-dewmien fit-teħid ta’ deċiżjoni. Fis-sustanza, il-Kummissjoni enfasizzat in-natura sensittiva ħafna tal-każijiet ta' ksur in kwistjoni. Barra minn hekk, hija sostniet li l-fatt li kienu għaddejjin negozjati ta’ segwitu ma' għadd ta’ Stati Membri wara s-sentenzi tal-Qorti ma kienx jippermettilha tiżvela d-dokumenti mitluba.

Wara spezzjoni tal-fajl tal-Kummissjoni mis-servizzi tiegħu, l-Ombudsman għamel abbozz ta’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni. Meta wieħed iqis li kienet naqset milli tittratta l-applikazzjoni konfermatorja tal-kwerelant fi kwalunkwe żmien raġonevoli u ma pprovdietx spjegazzjoni sodisfaċenti għar-rifjut tagħha li tagħti aċċess, l-Ombudsman talab lill-Kummissjoni biex tittratta malajr l-applikazzjoni konfermatorja tal-kwerelant billi tagħti aċċess għad-dokumenti kkonċernati.

Il-Kummissjoni aċċettat l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Ombudsman u żvelat kompletament id-dokumenti mitluba mill-kwerelant. Filwaqt li l-Ombudsman esprima tħassib dwar it-tul ta’ żmien li l-Kummissjoni kienet ħadet biex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni konfermatorja tal-kwerelant, kien sodisfatt jinnota li l-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li tabilħaqq dan id-dewmien ma kienx ġustifikat u faħħret l-approċċ kostruttiv tiegħu wara l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tiegħu.