Rapport Speċjali mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew b’segwitu għall-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fl-ilment 3453/2005/GG

Available languages: bg.es.cs.da.de.et.el.en.fr.ga.it.lv.lt.hu.mt.nl.pl.pt.ro.sk.sl.fi.sv
  • Case: 3453/2005/GG
    Opened on 15 Nov 2005 - Draft recommendation on 12 Sep 2006 - Special report on 10 Sep 2007 - Decision on 14 Sep 2007
  • Institution(s) concerned: European Commission
  • Field(s) of law: People's Europe
  • Types of maladministration alleged – (i) breach of, or (ii) breach of duties relating to: Lawfulness (incorrect application of substantive and/or procedural rules) [Article 4 ECGAB]

(Magħmul f'konformità mal-Artikolu 3(7) tal-Istatut tal-Ombudsman Ewropew[1])

Introduzzjoni

L-Ombudsman iqis li dan il-każ iqajjem kwistjoni importanti ta’ prinċipju rigward il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea tittratta ilmenti mressqin miċ-ċittadini, li fihom huwa allegat ksur tal-liġi Komunitarja mill-Istati Membri. Il-kwistjoni hija jekk il-Kummissjoni, minflok tibda proċedimenti ta’ ksur jew tiċħad l-ilment, tistax sempliċiment tastjeni milli tieħu azzjoni. L-Ombudsman jikkunsidra li dan mhuwiex konformi mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba.

L-ilment

Ilment 2333/2003/GG (Kunfidenzjali)

F’Novembru 2001, il-kwerelant, tabib Ġermaniż, talab lill-Kummissjoni biex tiftaħ proċedimenti ta’ ksur kontra l-Ġermanja. Il-kwerelant argumenta li l-Ġermanja kisret id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993 dwar xi ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol[2] ("Direttiva 93/104"), fejn kienet ikkonċernata l-attività tat-tobba fl-isptarijiet, b’mod partikolari rigward il-ħin imqatta’ on call minn dawn it-tobba. F’fehmet il-kwerelant, dan irriżulta f’riskju konsiderevoli kemm għall-persunal kif ukoll għall-pazjenti. F’dan il-kuntest, il-kwerelant ibbaża fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ Simap (Każ C-303/98 Simap [2000] ECR I-7963).

Il-Kummissjoni rreġistrat l-ilment taħt ir-referenza 2002/4298.

F’ilment imressaq lill-Ombudsman f’Diċembru 2003 (ilment 2333/2003/GG), il-kwerelant allega li l-Kummissjoni naqset li tittratta l-ilment ta’ ksur tiegħu f’perijodu ta’ żmien xieraq.

Wara dan l-Ombudsman fetaħ investigazzjoni dwar il-każ. Fid-deċiżjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2004 li tagħlaq din l-investigazzjoni, l-Ombudsman innota li kienu għaddew kważi 15-il xahar fil-każ preżenti qabel mal-Kummissjoni bdiet tittratta l-oġġezzjonijiet li tqajmu mill-kwerelant billi bagħtet talba għal informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-Ombudsman ikkunsidra li l-Kummissjoni naqset li tittratta l-ilment ta’ ksur mill-kwerelant f’perijodu raġjonevoli ta’ żmien. Dan jikkostitwixxi istanza ta' amministrazzjoni ħażina.

L-Ombudsman innota, madankollu, li sadanittant, il-Ġermanja adottat liġi ġdida biex il-liġi Ġermaniża tiġi konformi mad-Direttiva 93/104 kif interpretata mill-Qorti u li din il-liġi l-ġdida kienet ikkomunikata lill-Kummissjoni fis-6 ta’ Frar 2004. Għalhekk, il-Kummissjoni kien għad baqagħlha teżamina l-kompatibbilità ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ġdida mal-liġi Komunitarja sabiex tkun tista’ tittratta l-ilment ta’ ksur mill-kwerelant. Dan l-eżami kien għadu għaddej meta ngħatat id-deċiżjoni tal-Ombudsman. Minħabba li l-Kummissjoni dehret li aċċettat li sentenza oħra (Każ C-151/02 Jaeger [2003] ECR I-8389) kienet iċċarat il-kwistjonijiet legali rilevanti, l-Ombudsman ma kellu l-ebda raġuni biex jassumi li l-Kummissjoni sejra ddum aktar biex tittratta l-ilment ta’ ksur mill-kwerelant.

Għalhekk, l-Ombudsman ikkunsidra li l-aħjar mod kif wieħed jipproċedi fil-każ kien li ssir investigazzjoni dwar malamministrazzjoni rigward id-dewmien li sar fil-passat. Madankollu, huwa informa lill-kwerelant li kien liberu li jippreżenta ilment ġdid lill-Ombudsman jekk il-Kummissjoni xorta ddum aktar biex tittratta l-ilment ta’ ksur tiegħu.

Ilment 3453/2005/GG

Fit-2 ta’ Novembru 2005, il-kwerelant reġa’ rrikorra għand l-Ombudsman. Fl-ilment il-ġdid tiegħu, il-kwerelant ippreżenta l-fatt li huwa ma kienx irċieva aktar informazzjoni rigward liema pożizzjoni l-Kummissjoni pproponiet li tadotta rigward il-każ tiegħu. Il-kwerelant kien tal-fehma li l-Kummissjoni kienet qiegħda ddewwem il-kwistjoni u kienet qiegħda tinjora lill-Ombudsman.

Fi ftit kliem għalhekk, il-kwerelant irrepeta l-allegazzjoni li huwa kien diġà ppreżenta fl-ilment tiegħu ta’ qabel, li skontu l-Kummissjoni naqset li tittratta l-ilment ta’ ksur tiegħu f’perijodu ta’ żmien xieraq.

L-investigazzjoni

L-opinjoni tal-Kummissjoni

Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni għamlet il-kummenti li ġejjin:

Fis-6 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni kitbet lill-kwerelant. F’din l-ittra, hija informat lill-kwerelant li fit-22 ta’ Settembru 2004 hija kienet adottat proposta għal emenda għad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar xi aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol[3] ("Direttiva 2003/88"). Il-Kummissjoni nnotat li hija sejra teżamina l-ilment ta’ ksur mill-kwerelant fid-dawl ta’ din il-proposta u tad-deċiżjonijiet attwali tagħha mal-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħrajn.

Il-kwerelant sussegwentement indirizza diversi ittri lill-Kummissjoni li fihom huwa kkummenta dwar l-emenda proposta. Fir-risposti tagħha, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li rċeviet l-ittri tal-kwerelant u ddikjarat li kkunsidrat il-kummenti tiegħu.

F’żewġ ittri mibgħutin fis-7 u fid-9 ta’ Novembru 2005, il-kwerelant talab lill-Kummissjoni biex tibda proċedimenti ta’ ksur kontra l-Ġermanja talli naqset li tikkonforma mad-Direttiva 2003/88.

Fir-risposta tagħha tat-22 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni informat lill-kwerelant li hija ma setgħet iżżid xejn ma’ dak li kienet qalet fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2004. Il-Kummissjoni nnotat li d-diskussjonijiet rigward ir-reviżjoni tad-Direttiva 2003/88 kienu għadhom għaddejjin. Hija reġgħet saħqet li hija ser teżamina l-ilment fid-dawl tal-proposta għal emenda. Il-Kummissjoni żiedet li mill-każistika stabbilita kien jirriżulta li hija kellha diskrezzjoni dwar jekk tibdiex jew tkomplix proċedimenti ta’ ksur.

Kuntrarjament għal dak li allega l-kwerelant fl-ilment tiegħu lill-Ombudsman, il-Kummissjoni f’żewġ okkażjonijiet kienet informatu (fis-6 ta’ Diċembru 2004 u fit-22 ta’ Novembru 2005) bil-pożizzjoni tagħha rigward l-ilment ta’ ksur li kien ippreżenta. Għalkemm il-Kummissjoni kienet għadha ma ħaditx deċiżjoni dwar jekk tibdiex jew le proċedimenti ta’ ksur kontra l-Istat Membru kkonċernat, hija żammet lill-kwerelant informat dwar il-mod kif kien qed jiġi ttrattat l-ilment ta’ ksur tiegħu u dwar ir-raġunijiet tal-approċċ tal-Kummissjoni.

L-osservazzjonijiet tal-kwerelant

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-kwerelant għamel il-kummenti li ġejjin:

L-ebda waħda mill-ittri indirizzati lilu mill-Kummissjoni ma kienet aktar minn rikonoxximent ta’ riċevuta. Minn dawn l-ittri ma rriżultax li l-Kummissjoni kienet qed tikkunsidra bis-serjetà l-iskop tad-direttiva rilevanti jew li kienet għamlet proposti raġjonevoli għal bidliet li jkunu ugwalment ġusti lejn il-ħaddiema u lejn min iħaddem.

Il-kwistjonijiet li huwa kien ikkritika fl-ittri tiegħu kienu jmorru lil hinn minn dawk koperti mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każijiet Simap u Jaeger.

Safejn kien jaf hu, il-liġi tal-UE ma kinitx tipprevedi l-possibbiltà li ma jitqisux liġijiet u sentenzi għaliex il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda. Jekk il-fatt li tressqu proposti bħal dawn kien jagħmilha legali li ma titqiesx il-liġi eżistenti, l-ordni legali tal-Komunitajiet Ewropej kien, f’fehmet il-kwerelant, farsa.

Billi aġixxiet kif għamlet, il-Kummissjoni pperikolat il-paċi legali u kkomettiet "Rechtsbeugung" (jiġifieri distorsjoni intenzjonata tal-liġi).

L-abbozz tar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman

L-abbozz tar-rakkomandazzjoni

Fit-12 ta’ Settembru 2006, l-Ombudsman indirizza dan l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni[4] lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(6) tal-Istatut tiegħu:

Il-Kummissjoni għandha tittratta l-ilment ta’ ksur mill-kwerelant skont kemm huwa radipament u diliġentement possibbli.

Dan l-abbozz tar-rakkomandazzjoni kien ibbażat fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

1 L-Ombudsman innota li l-ilment ta’ ksur mill-kwerelant, li l-Kummissjoni kienet irreġistrat taħt ir-referenza 2002/4298, kien jikkonċerna allegat ksur tad-Direttiva 93/104. Sadanittant din id-direttiva kienet sostitwita mid-Direttiva 2003/88, u fil-korrispondenza tiegħu mal-Kummissjoni il-kwerelant issa allega ksur ta’ din id-direttiva mill-Ġermanja. Madankollu, din il-bidla fil-leġiżlazzjoni dehret li ma kellha l-ebda effett sostantiv fuq l-ilment ta’ ksur mill-kwerelant u t-trattament tiegħu mill-Kummissjoni. Fl-ittra tiegħu tas-7 ta’ Novembru 2005, il-kwerelant irrefera għal allegat ksur tad-Direttiva 2003/88. Fir-risposta tagħha tat-22 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni nnotat li hija ma kellha xejn x’iżżid mal-ittra li hija kienet indirizzat lill-kwerelant fis-6 ta’ Diċembru 2004 rigward ilment ta’ ksur 2002/4298. L-Ombudsman għalhekk ikkunsidra li s-sostituzzjoni tad-Direttiva 93/104 bid-Direttiva 2003/88 kienet mingħajr rilevanza għall-ilment preżenti.

2 L-Ombudsman innota li l-Kummissjoni kienet ipprovdiet informazzjoni lill-kwerelant fl-ittri tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2004 u tat-22 ta’ Novembru 2005. Minn dawn l-ittri jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tittratta l-ilment ta’ ksur fid-dawl tal-proposta tagħha għal emenda tad-Direttiva 2003/88 u d-diskussjonijiet tagħha li kienu għaddejjin mal-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħrajn. Fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Novembru 2005 lill-kwerelant, il-Kummissjoni nnotat li d-diskussjonijiet rigward ir-reviżjoni tad-Direttiva 2003/88 kienu għadhom għaddejjin. F’fehmet l-Ombudsman, jirriżulta li l-Kummissjoni dehret li qed tassumi li l-Artikolu 211 tat-Trattat tal-KE ma jeħtiġhiex li tiżgura l-applikazzjoni ta’ Direttiva li hija s-suġġett ta’ proċess leġiżlattiv li għadu għaddej li jista’ jwassal għall-emenda tagħha fil-futur. L-Ombudsman għalhekk ikkunsidra li l-Kummissjoni informat lill-kwerelant, għalkemm mhux b’ħafna dettalji, dwar il-pożizzjoni tagħha.

3 Rigward is-sustanza tal-kwistjoni, kellu jiġi nnotat li l-Artikolu 211 tat-Trattat tal-KE jobbliga lill-Kummissjoni li tiżgura li jkunu applikati "d-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità bis-saħħa tagħhom". L-irwol attribwit lill-Kummissjoni jista’ għalhekk jitqabbel ma’ dak ta’ ‘gwardjan’ tat-Trattat. Il-Kummissjoni nnifisha saħqet li dan l-irwol huwa "essenzjali għall-interessi taċ-ċittadini Ewropej".[5] Hija rrikonoxxiet ukoll l-importanza tal-prinċipju tal-istat tad-dritt f’dan il-kuntest.[6] L-ilmenti mressqin miċ-ċittadini jikkostitwixxu wieħed mill-aktar mezzi importanti ta’ informazzjoni dwar ksur possibbli tal-liġi Komunitarja, li b’hekk jippermettu lill-Kummissjoni li tissodisfa l-irwol assenjat lilha fl-Artikolu 211 tat-Trattat tal-KE. L-Ombudsman għalhekk ikkunsidra li hija prattika amministrattiva tajba li ilmenti ta’ ksur bħal dawn jiġu trattati skont kemm huwa radipament u diliġentement possibbli.

4 Huwa ovvju li d-direttivi adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji abbażi tat-Trattat tal-KE jaqgħu taħt il-"miżuri meħudin mill-istituzzjonijiet" skont it-Trattat tal-KE, li ssir referenza għalihom b'mod komuni bħala atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, li għalihom jirreferi l-Artikolu 211 F’fehmet l-Ombudsman, barra minn hekk kien ċar, kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-iskop ta’ din id-dispożizzjoni, li l-Artikolu 211 jirreferi għall-atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja li huma fis-seħħ fi żmien partikolari.

5 Il-Kummissjoni ma qajmitx dubji li d-Direttiva 93/104 kienet fis-seħħ sakemm ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/88, u li din id-direttiva tal-aħħar kienet u baqgħet fis-seħħ. L-Ombudsman ma kienx konxju ta’ kwalunkwe regola jew prinċipju li jippermetti lill-Kummissjoni sabiex ma tqisx id-dover impost fuqha mill-Artikolu 211 tat-Trattat tal-KE minħabba li hija kienet ippreżentat proposta għall-emenda ta’ ċertu att ta’ leġiżlazzjoni sekondarja. Sakemm l-emenda proposta għad-Direttiva 2003/88 ma ġietx adottata mil-leġiżlatur Komunitarju, id-Direttiva 2003/88 fil-forma preżenti tagħha kienet il-liġi applikabbli.

6 Fl-ittra tagħha lill-kwerelant tat-22 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni rreferiet għas-setgħat ta' diskrezzjoni tagħha f’dan il-qasam. Fid-dawl tal-każistika stabbilita, kien ċar li, kieku l-Kummissjoni kellha tkompli investigazzjoni tal-ilment u tikkunsidra li kien hemm ksur, hija jkollha d-diskrezzjoni jekk tirreferix il-materja lill-Qorti tal-Ġustizzja jew le. Xejn fl-opinjoni tal-Kummissjoni jew fid-dokumenti ppreżentati minnha ma ssuġġerixxa, madankollu, li l-Kummissjoni diġà laħqet l-istadju tal-investigazzjoni tagħha. L-Ombudsman ikkunsidra li d-diskrezzjoni li mhemmx dubju dwarha tal-Kummissjoni ma tintitolahiex li tipposponi indefinittivament li tilħaq konklużjoni dwar ilment fuq il-bażi li l-liġi applikabbli tista’ tkun emendata f’xi żmien fil-futur.

7 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Ombudsman kien tal-fehma li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tindirizza l-ilment ta’ ksur mill-kwerelant f’perijodu raġjonevoli ta’ żmien kien jikkostitwixxi malamministrazzjoni. Deher utli li jitfakkar f’dan il-kuntest li l-ilment ta’ ksur kien irreġistrat f’April 2002, aktar minn sentejn qabel mal-Kummissjoni kienet ippreżentat il-proposta tagħha għal emenda tad-Direttiva 2003/88, u li saż-żmien meta dan l-ilment tressaq f’Novembru 2005, kienu għaddew aktar minn tliet snin u nofs minn meta ġie rreġistrat l-ilment ta’ ksur.

L-opinjoni dettaljata tal-Kummissjoni

Wara li rċeviet l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni, u skont l-Artikolu 3(6) tal-Istatut tal-Ombudsman Ewropew, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni dettaljata fl-10 ta’ Jannar 2007 li fiha hija għamlet il-kummenti li ġejjin:

Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lill-irwol u d-doveri tagħha bħala gwardjan tat-Trattat. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja stabbiliti fid-direttivi mhumiex stabbiliti b'mod permanenti, iżda jistgħu jiġu emendati.

Id-Direttiva 93/104, li kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-ewwel ilment ta’ ksur mill-kwerelant, ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/88 b’effett mit-2 ta’ Awwissu 2004. Dawn id-direttivi ma kinux ivarjaw materjalment rigward il-kwistjonijiet imqajmin mill-kwerelant.

Madankollu, fl-2004, il-Kummissjoni kienet ippreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill proposta għal emenda tad-Direttiva 2003/88 rigward diversi aspetti li kienu pertinenti ħafna għall-każ tal-kwerelant.

Il-Kummissjoni qablet li l-eżistenza ta’ proposta biex tkun emendata leġiżlazzjoni ma kinitx taffettwa l-validità legali kontinwa tad-Direttiva 2003/88 eżistenti. Madankollu, il-Kummissjoni kellha diskrezzjoni stabbilita jekk issegwix proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri jew le, u dwar il-mod kif hija tiġġestixxi proċeduri bħal dawn.[7] Il-Kummissjoni kienet iddeċidiet, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha, li ma tkomplix bil-proċeduri ta’ ksur rigward dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 fejn il-Kummissjoni nnifisha kienet ipproponiet li tibdel is-sostanza tal-liġi, sakemm ikun hemm eżitu għall-proposta leġiżlattiva tagħha.

Id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni kienet estiża għall-fażijiet kollha fil-ġestjoni ta’ proċedimenti ta’ lmenti u ksur, inkluż l-istadju ta’ qabel il-litigazzjoni.[8] Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Ombudsman Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward ksur tal-liġi Komunitarja[9] (il-"Komunikazzjoni"), il-Kummissjoni indikat li, bħala regola ġenerali, hija tiddeċiedi jekk tiftaħx proċedimenti ta’ ksur jew le jew li tagħlaq il-fajl f’sena mid-data tar-reġistrazzjoni tal-ilment. Madankollu, dan l-impenn ma kienx jillimita d-diskrezzjoni tal-Kummissjoni, meta kien jidher ġustifikat li jkun adottat approċċ differenti aktar xieraq għall-fatti partikolari tal-każ, bħall-każ preżenti.

Kif innota l-Ombudsman, fid-dawl tal-każistika stabbilita, il-Kummissjoni żammet id-diskrezzjoni dwar jekk tirreferix il-kwistjoni jew le lill-Qorti tal-Ġustizzja anke jekk l-investigazzjoni tagħha ta’ lment stabbiliet li kien hemm ksur tal-liġi Komunitarja.

Il-Kummissjoni ddispjaċiha li l-Kunsill kien għadu ma laħaqx deċiżjoni dwar il-proposta tagħha. Id-dewmien irriżulta mid-differenzi ta’ opinjoni bejn il-Kunsill u l-Parlament, u bejn l-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill, li kienu barra l-kontroll tal-Kummissjoni. Il-proposta kienet diskussa mill-ġdid fil-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tas-7 ta’ Novembru 2006, iżda ma ntlaħaq l-ebda ftehim.

L-Ombudsman kien ġentilment mistieden biex jagħti kas tal-kummenti ta’ hawn fuq rigward il-firxa tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni u biex jirrikunsidra l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tiegħu.

L-osservazzjonijiet tal-kwerelant

Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-kwerelant baqa’ jsostni l-ilment tiegħu. Huwa saħaq li l-ilment ta’ ksur tiegħu lill-Kummissjoni jikkonċerna wkoll aspetti li kienu indipendenti mill-każistika tal-Qorti, jiġifieri (i) il-fatt li l-isptarijiet ordnaw lit-tobba jwettqu ‘duty on call’ anke jekk kien involut xogħol normali u (ii) il-fatt li l-ħin tax-xogħol effettivament imwettaq ma kienx dokumentat minħabba pressjoni minn min iħaddem. Il-kwerelant ippreżenta wkoll il-fatt li l-Kummissjoni baqgħet tinjora s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’fehmet il-kwerelant, u meta jkun ikkunsidrat li anke wara erba’ snin, il-Kummissjoni u l-Kummissarju Špidla kien għadhom ma rnexxilhomx jaslu għal regoli raġjonevoli dwar il-ħin tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-UE, dan tal-aħħar għandu jirriżenja.

L-evalwazzjoni tal-Ombudsman u l-opinjoni dettaljata tal-Kummissjoni

1 L-Ombudsman jinnota li fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2002, il-Kummissjoni daħlet għal ċerti impenji rigward l-ittrattar ta’ ilmenti ta’ ksur.

2 Il-Punt 8 tal-Komunikazzjoni jipprevedi li "bħala regola ġenerali, id-dipartimenti tal-Kummissjoni jinvestigaw ilmenti bil-ħsieb li jaslu għal deċiżjoni li joħorġu avviż formali jew l-għeluq tal-każ f’mhux aktar minn sena mid-data tar-reġistrazzjoni tal-ilment mis-Segretarju-Ġenerali." L-Ombudsman jikkunsidra li din id-dispożizzjoni tfisser li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħmel l-aħjar sforzi biex tlesti l-investigazzjoni tagħha fi żmien sena, iżda mhuwiex eskluż li f’ċerti każijiet ikun meħtieġ aktar żmien. Dan huwa kkonfermat mill-aħħar sentenza tal-punt 8, skont liema l-Kummissjoni tinforma lill-kwerelant bil-miktub "fejn dan il-limitu ta’ żmien jinqabeż". F’fehmet l-Ombudsman, huwa possibbli b’mod ċar li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni f’każijiet diffiċli jew ikkumplikati tkun tista’ teħtieġ aktar minn sena. L-Ombudsman iqis, madankollu, li l-limitu ta’ żmien ta’ sena huwa ġġustifikat biss li jinqabeż fejn il-Kummissjoni fil-fatt tkun qiegħda tinvestiga l-każ.

3 Rigward il-każ preżenti, il-Kummissjoni informat lill-kwerelant li hija għandha l-intenzjoni li tittratta l-ilment ta’ ksur tiegħu fid-dawl tal-proposta tagħha għal emenda tad-Direttiva 2003/88 u tad-diskussjonijiet tagħha mal-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħrajn rigward din l-emenda. Għandu jkun innotat, madankollu, li din il-proposta kienet diġà ppreżentata f’Settembru 2004. M’hemm xejn li jissuġġerixxi li l-Kummissjoni ħadet aktar passi minn dakinhar sabiex tipproċedi bl-investigazzjoni tagħha.

4 Mill-punt 8 tal-Komunikazzjoni jirriżulta li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ta’ ilment ta’ ksur hija intenzjonata li tirriżulta f’deċiżjoni waħda possibbli minn tnejn. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li toħroġ avviż formali, jiġifieri tibda proċedimenti ta’ ksur formali kontra Stat Membru, jew tiddeċiedi li tagħlaq il-każ. L-Ombudsman jinnota, madankollu, li l-Kummissjoni ma għamlet la waħda u l-anqas l-oħra fil-każ preżenti. Fil-fatt, jidher li minflok ħadet waħda mit-tipi ta’ deċiżjonijiet previsti fil-punt 8 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni sempliċiment astjeniet milli tieħu kwalunkwe azzjoni oħra rigward l-investigazzjoni tagħha.

5 L-Ombudsman iqis li approċċ bħal dan mhuwiex f’konformità mal-impenji li l-Kummissjoni daħlet għalihom fil-Komunikazzjoni tagħha.

6 Fl-opinjoni dettaljata tagħha, il-Kummissjoni saħqet dwar is-setgħat diskrezzjonarji tagħha f’dan il-qasam u qalet li d-diskrezzjoni tagħha kienet testendi għall-fażijiet kollha fil-ġestjoni tal-proċedimenti tal-ilmenti u l-ksur, inkluż l-istadju ta’ qabel il-litigazzjoni. Il-Kummissjoni żiedet li l-impenn imniżżel fil-punt 8 tal-Komunikazzjoni ma kienx jillimita d-diskrezzjoni tagħha, meta kien jidher ġustifikat li jkun adottat approċċ differenti. L-Ombudsman ma jistax jaċċetta din il-pożizzjoni. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi, kif jikkonferma l-preambolu tagħha, "il-miżuri amministrattivi għall-benefiċċju tal-kwerelant li hija (il-Kummissjoni) timpenja ruħha li tikkonforma magħhom meta tittratta l-ilment tiegħu/tagħha u tivvaluta l-ksur inkwistjoni". Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni iqisu b'mod sħiħ is-setgħat diskrezzjonarji tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Kieku madankollu l-Kummissjoni titħalla titbiegħed mid-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni fejn hija tikkunsidra li dan huwa ġustifikat, il-Komunikazzjoni tispiċċa titlef it-tifsira proprja tagħha. Għandu jitfakkar f’dan il-kuntest li l-Komunikazzjoni tikkostitwixxi r-reazzjoni tal-Kummissjoni għal numru ta’ investigazzjonijiet imwettqin mill-Ombudsman u għall-kummenti dwar il-proċeduri tal-Kummissjoni f’każijiet ta’ ksur magħmulin mill-Ombudsman f’dawn il-każijiet.

7 L-Ombudsman jinnota wkoll li l-punt 9 tal-Komunikazzjoni jipprevedi li ġej: "Wara li jinvestigaw l-ilment, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-Kulleġġ tal-Kummissarji jew biex joħroġ avviż formali li jibda l-proċedimenti kontra l-Istat Membru inkwistjoni, jew biex jagħlaq il-każ definittivament. Il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kwistjoni skont id-diskrezzjoni tagħha. (...)".

8 L-Ombudsman jirrispetta bis-sħiħ is-setgħa diskrezzjonarja li l-Kummissjoni għandha meta tittratta ilmenti ta’ ksur. Huwa jikkunsidra, madankollu, li l-Komunikazzjoni inġenerali u l-punti 8 u 9 tagħha b'mod partikolari jagħmluha ċara li din is-setgħa diskrezzjonarja jeħtieġ li tiġi eżerċitata fil-qafas tal-Komunikazzjoni. Dan ifisser li l-Kummissjoni, meta tittratta ilment ta’ ksur, għandha għażla bejn deċiżjoni li toħroġ avviż formali u deċiżjoni li tagħlaq il-każ. Madankollu, u kif imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni fil-każ preżenti la għamlet waħda u lanqas l-oħra. L-Ombudsman għalhekk jikkunsidra li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tasal għal deċiżjoni dwar l-ilment ta’ ksur mill-kwerelant ma jistax ikun ġustifikat mis-setgħat diskrezzjonarji tal-Kummissjoni.

9 Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-opinjoni dettaljata tal-Kummissjoni, il-kwerelant qal li l-ilment ta’ ksur tiegħu kien ikopri wkoll aspetti li kienu indipendenti mill-każistika tal-Qorti, jiġifieri (i) il-fatt li l-isptarijiet ordnaw lit-tobba jwettqu ‘duty on call’ anke jekk kien involut xogħol normali u (ii) il-fatt li l-ħin tax-xogħol effettivament imwettaq ma kienx dokumentat minħabba pressjoni minn min iħaddem. L-Ombudsman ma ngħatawlux kopji bil-korrispondenza kollha bejn il-Kummissjoni u l-kwerelant f’dan il-każ. Jidher, madankollu, li tal-inqas l-ewwel waħda mill-kwistjonijiet ta’ hawn fuq fil-fatt tqajmet mill-kwerelant fl-ittra tiegħu fis-7 ta’ Novembru 2005. Meta jkun ikkunsidrat li l-approċċ tal-Kummissjoni fil-każ preżenti huwa bbażat fuq il-fatt li kienet ippreżentata proposta għal emenda tad-Direttiva 2003/88, din ir-raġuni għalhekk tkun fi kwalunkwe każ mhux suffiċjenti biex tispjega n-nuqqas tal-Kummissjoni li tittratta kwistjonijiet li mhumiex relatati mal-bidliet proposti. Madankollu, meta jkun ikkunsidrat li l-Ombudsman huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha fi kwalunkwe każ tittratta l-ilment ta’ ksur mill-kwerelant, m’hemmx aktar ħtieġa li dawn il-kwistjonijiet jiġu trattati f’aktar dettall hawnhekk.

10 Sabiex ikun evitat kwalunkwe dubju jidher utli li jkun iċċarat li l-każ ta’ malamministrazzjoni li l-Ombudsman identifika fil-każ preżenti jikkonsisti fin-nuqqas tal-Kummissjoni li tadotta pożizzjoni definittiva rigward l-ilment ta’ ksur mill-kwerelant. Kif diġà rrikonoxxa l-Ombudsman fl-abbozz tar-rakkomandazzjoni tiegħu, kieku l-Kummissjoni kellha tlesti investigazzjoni tal-ilment u tikkunsidra li ma kien hemm l-ebda ksur, hija jkollha d-diskrezzjoni dwar jekk tirreferix il-kwistjoni jew le lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ladarba għadha ma tteħditx deċiżjoni bħal din mill-Kummissjoni, mhuwiex neċessarju għall-Ombudsman li jiddiskuti l-kwistjoni dwar jekk l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni jistax jiġi eżaminat minnu jew le. Kull eżami bħal dan jista’ f’kull każ jikkonċerna biss il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni manifestament qabżitx il-limiti tad-diskrezzjoni tagħha fil-qasam ikkonċernat. Madankollu, l-Ombudsman ma jistax jeskludi l-possibbiltà li l-Parlament, fl-eżerċizzju tas-setgħat sovrani tiegħu, jixtieqx ukoll li jikkummenta dwar din il-kwistjoni. F’dan il-kuntest, stqarrija għall-istampa ppubblikata mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Settembru 2006 tista’ tkun ta’ interess għall-Parlament, li fiha l-Kummissjoni rreaġixxiet għall-abbozz ta’ rakkomandazzjoni magħmul mill-Ombudsman fil-każ preżenti..[10]

11 L-Ombudsman jikkunsidra li l-każ preżenti jqajjem kwistjoni importanti ta’ prinċipju rigward il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea tittratta ilmenti mressqin miċ-ċittadini, li fihom huwa allegat ksur tal-liġi Komunitarja minn Stat Membru. Il-kwistjoni hija jekk il-Kummissjoni, minflok tibda proċedimenti ta’ ksur jew tiċħad l-ilment, tistax sempliċiment tastjeni milli tieħu azzjoni. L-Ombudsman jikkunsidra li dan mhuwiex konformi mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba.

 

Ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman

Għalhekk l-Ombudsman itenni l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tiegħu bħala rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni kif ġej:

Il-Kummissjoni għandha tittratta l-ilment ta’ ksur mill-kwerelant skont kemm huwa radipament u diliġentament possibbli.

Il-Parlament Ewropew jista' jikkunsidra li jadotta riżoluzzjoni f'dan is-sens.

Strasburgu, l-10 ta' Settembru 2007

 

P. Nikiforos DIAMANDOUROS


[1] Deċiżjoni 94/262 tad-9 ta' Marzu 1994 tal-Parlament Ewropew rigward ir-Regolamenti u l-Kundizzjonijiet Ġenerali li Jirregolaw it-Twettiq tal-Obbligi tal-Ombudsman, ĠU 1994 L 113, p. 15.

[2] ĠU 1993 L 307, p. 18.

[3] ĠU 2003 L 299, p. 9. Din id-Direttiva, li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2004, issostitwiet (u rrevokat) id-Direttiva 93/104.

[4] It-test tal-abbozz tar-rakkomandazzjoni huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Ombudsman (http://www.ombudsman.europa.eu).

[5] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Monitoraġġ Aħjar tal-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja (COM(2002) 725 finali tas-16 ta' Mejju 2003, p. 3.

[6] Ara l-punt 3.1 ta’ din il-Komunikazzjoni.

[7] Każ C-200/88 Il-Kummissjoni vs il-Greċja [1990] ECR I-4299; Każ C-317/92 Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1994] ECR I-2039; Każ C-422/92 Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1995] ECR I-1097; Każ C-207/97 Il-Kummissjoni vs il-Belġju [1999] ECR I-275.

[8] Każ C-207/97 Il-Kummissjoni vs il-Belġju [1999] ECR I-275, fil-paragrafu 24.

[9] COM(2002) 141; ĠU 2002 C 244, p. 5.

[10] Din l-istqarrija għall-istampa tinkludi l-istqarrijiet li ġejjin: "(…) Minħabba li kważi l-Istati Membri kollha jidhru li qegħdin fi ksur tas-sentenzi tal-qorti, il-Kummissarju Špidla ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill dwar l-urġenza li tinstab soluzzjoni bbilanċjata għall-problema. (…) Huwa inaċċettabbli li ċ-ċittadini jsofru minħabba punt ferm politiku. Jekk il-Ministri ma jistgħux jaqblu fix-xhur li ġejjin, m’għandi l-ebda għażla oħra ħlief li nħarrek lill-Istati Membri fuq din il-kwistjoni. Madankollu, nafda f’idejn il-Presidenza Finlandiża biex issib soluzzjoni fil-ġimgħat li ġejjin."