European Ombudsman
Related documents
(Magħmul f’konformità mal-Artikolu 3(7) tal-Istatut tal-Ombudsman Ewropew[1])
L-Ombudsman iqis li l-każ preżenti jqajjem kwistjoni importanti ta' prinċipju, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni hijiex intitolata b'mod indefinit li ddewwem it-trattament tagħha tal-ilmenti li jallegaw ksur tal-liġi Komunitarja minn Stat Membru abbażi li l-Kummissjoni ma tistax tikseb konsensus politiku dwar kif għandha tipproċedi. L-Ombudsman iqis li, għalkemm il-Kummissjoni għandha s-setgħa diskrezzjonali fil-proċedura ta' ksur, hija obbligata li tittratta lment ta' ksur fi żmien raġonevoli. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni essenzjalment illimitat ruħha li tiddikjara (i) li tqis li l-ilment huwa "politikament sensittivi u kontroversjali ħafna" u (ii) li d-deċiżjoni li tiftaħ proċedimenti ta' ksur teħtieġ l-appoġġ tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u li s'issa, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu tali deċiżjoni. Fil-fehma tal-Ombudsman, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jeħilsux lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tittratta b'mod xieraq tali lmenti. Għaldaqstant, l-Ombudsman iqis illi l-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Parlament Ewropew.
Fil-passat, il-kwerelant kien joffri servizzi ta' mħatri sportivi fis-Sassonja t'Isfel (il-Ġermanja). Fl-ilment tiegħu lill-Ombudsman, li kien ippreżentat mill-avukat tiegħu f'Jannar 2005, il-kwerelant irrapporta li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu ordnawlu biex jieqaf milli joffri s-servizzi ta' mħatri sportivi, u b'hekk sfurzawh li jagħlaq in-negozju tiegħu. Fil-fehma tal-kwerelant, l-imġiba tal-awtoritajiet Ġermaniżi kisret id-dritt tal-UE b'mod ġenerali u l-libertà li jkunu pprovduti s-servizzi b'mod partikolari.
Skont il-kwerelant l-avukat tiegħu ssottometta ilment ta' ksur, kontra l-Ġermanja u l-awtoritajiet Ġermaniżi, lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Berlin fl-20 ta' Frar 2004. Dejjem skont il-kwerelant, sussegwentament qalulu, bi tweġiba għal investigazzjoni, li l-ilment la kien ġie ttrattat u lanqas ma kien intbagħat Brussell. Għaldaqstant l-avukat tal-kwerelant bagħat l-ilment direttament lill-Kummissjoni, fejn kien irreġistrat bir-referenza 2004/4463.
F'ittra tat-30 ta' Novembru 2004, l-avukat tal-kwerelant staqsa lill-Kummissjoni dwar l-istat tal-investigazzjoni. Skont il-kwerelant din l-ittra baqgħet mhux imwieġba.
Fl-ilment tiegħu lill-Ombudsman, il-kwerelant essenzjalment allega li l-Kummissjoni naqset milli tittratta kif jixraq l-ilment ta' ksur tiegħu. Huwa argumenta li kienet meħtieġa b'urġenza reazzjoni mħeffa mill-Kummissjoni minħabba li kien qed iġarrab telf minħabba li ma kienx jista' jwettaq in-negozju tiegħu.
Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni għamlet, fil-qosor, il-kummenti li ġejjin:
Fiż-żmien meta kienet qiegħda tibgħat l-opinjoni (Ġunju 2005), il-Kummissjoni kienet irċeviet seba' lmenti kontra l-Ġermanja relatati mas-servizzi tal-logħob tal-ażżard (2003/4350, 2003/5288, 2004/4054, 2004/4463, 2004/4899, 2004/4685 u 2005/4017). Dawn l-ilmenti kkonċernaw ir-restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-organizzazzjoni tas-servizzi tal-logħob tal-ażżard, il-komunikazzjonijiet kummerċjali relatati mas-servizzi u l-istabbiliment tal-logħob tal-ażżard.
L-ewwel ilment minn fornitur ta' servizz ta' mħatri sportivi kien ġie rreġistrat f'April 2003. Il-Kummissjoni ma kinitx ħadet deċiżjoni biex tiftaħ proċedimenti ta' ksur minħabba li deċiżjoni mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, f'każ relatat li jikkonċerna l-Italja, kienet tqieset bħala kruċjali għall-valutazzjoni ta' din ir-restrizzjoni. Is-sentenza tal-Qorti tas-6 ta' Novembru 2003 fil-Każ C-243/01 (Gambelli and Others)[2] kienet ipprovdiet linji gwida lill-Kummissjoni biex tevalwa tali lmenti.
Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni kienet ivvalutat il-ġustifikazzjoni għal u l-proporzjonalità ta' numru ta' projbizzjonijiet nazzjonali fuq is-servizzi ta' mħatri sportivi. F'każ relatat mas-servizzi ta' mħatri sportivi, fit-30 ta' Marzu 2004 kienet intbagħtet ittra ta' avviż formali lid-Danimarka.
Madankollu, fil-laqgħat tagħha tat-13 ta' Ottubru u l-14 ta' Diċembru 2004, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tipposponi d-deċiżjonijiet rigward il-ftuħ ta' proċedimenti ta' ksur fil-każijiet li jikkonċernaw restrizzjonijiet simili għal dawk indikati mill-kwerelant fl-ilment ta' ksur tiegħu fil-każijiet li jikkonċernaw il-Ġermanja (2003/4350), l-Italja (2003/4616 ) u l-Olanda (2002/5443). Dawn l-ilmenti kienu qed jistennew aktar eżaminazzjoni.
L-ilment ta' ksur tal-kwerelant kien wasal fis-26 ta' April 2004. Permezz tal-ittra tas-27 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni kienet infurmat lill-avukat tal-kwerelant li l-ilment kien ġie rreġistrat.
Permezz ta' faks datata t-30 ta' Novembru 2004, il-kwerelant kien talab kopja tal-korrispondenza tal-Kummissjoni mal-awtoritajiet Ġermaniżi. Il-Kummissjoni s'issa kien għad ma kellha l-ebda kuntatt mal-awtoritajiet Ġermaniżi fir-rigward tas-servizzi ta' mħatri sportivi b’mod ġenerali jew fir-rigward ta' xi każ speċifiku.
Il-Kummissjoni kienet għadha qed teżamina attivament aspetti speċifiċi tal-ilment mill-kwerelant dwar ksur. Fit-30 ta' Mejju 2005, hija kienet bagħtet ittra lill-avukat tal-kwerelant fejn kienet spjegat is-sitwazzjoni preżenti u talbet lill-kwerelant biex jippreżenta kopja tal-permess ta' bookmaker tiegħu.
Fir-rigward tal-argument tal-kwerelant li l-Kummissjoni għandha taġixxi b’ħeffa, kellu jkun innotat li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa li tintervjeni u twaqqaf l-azzjonijiet jew li tipprevjeni kwalunkwe investigazzjoni kriminali mibdija minn Stat Membru.
Fil-"Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Ombudsman Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mal-kwerelant fir-rigward ta' ksur tad-dritt Komunitarju" (COM (2002) 141 finali, ĠU 2002 C 244, pġ. 5) tagħha, il-Kummissjoni kienet indikat li, bħala regola ġenerali, hija pproponiet li tinvestiga l-ilmenti bil-ħsieb li tasal għal deċiżjoni li toħroġ avviż formali jew li tagħlaq il-każ fi żmien mhux itwal minn sena mid-data tar-reġistrazzjoni tal-ilment. Madankollu l-Kummissjoni pprevediet il-possibilità li din ir-regola ma tkunx tista’ tiġi rispettata. Dan b’mod partikolari jseħħ f'każ fejn il-Kummissjoni tkun ikkonfrontata b'każijiet li jimplikaw valutazzjoni diffiċli tal-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet tal-ordni pubblika, tal-miżura nazzjonali in kwistjoni. Din kienet is-sitwazzjoni fil-każ preżenti. F'tali ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet intrabtet "li tinforma lill-kwerelant bil-miktub". Fil-każ preżenti, dan kien sar permezz tal-ittra tat-30 ta' Mejju 2005.
Il-Kummissjoni ssottomettiet kopja tal-ittra tagħha tat-30 ta' Mejju 2005. F'din l-ittra, il-Kummissjoni rreferiet għall-ilment ta' ksur tal-kwerelant, fejn indikat li kien ġie ppreżentat fil-5 ta' April 2004, u għall-ittri l-oħra mill-kwerelant jew mill-avukat tiegħu datati l-15 ta' Ġunju 2004, it-30 ta' Novembru 2004 u t-18 ta' April 2005. Il-Kummissjoni ddikjarat li kienet qiegħda tittratta "b’mod intensiv" l-ilment tal-kwerelant u l-ilmenti oħrajn li jikkonċernaw is-servizzi ta' mħatri sportivi fil-Ġermanja. Fir-rigward tal-iskedar taż-żmien, l-ittra ddikjarat "li minħabba l-iskadenzi proċedurali speċjali għall-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta' ksur tat-Trattat, it-teħid ta' pożizzjoni mill-Kummissjoni probabbilment ma jistax ikun mistenni fil-futur qarib."
Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-kwerelant issottometta li l-opinjoni tal-Kummissjoni kienet żbaljata u mhux sħiħa fir-rigward tad-dati, minħabba li huwa kien diġà ppreżenta l-ilment tiegħu lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f'Berlin fl-20 ta' Frar 2004. Skont il-kwerelant, dan l-ilment la kien ġie ttrattat u lanqas tmexxa 'l quddiem. Kien biss permezz ta' konversazzjoni bit-telefown mar-Rappreżentanza li l-avukat tal-kwerelant kien skopra li l-ilment kien għadu f'Berlin. Fil-fehma tal-kwerelant, b'hekk kien ntilef ħafna żmien prezzjuż. Barra minn hekk, il-kwerelant saħaq li huwa ma setax jifhem kif il-Kummissjoni pproponiet li tkompli tipproċedi u meta, fl-aħħar, se titlob għall-opinjoni tal-Ġermanja.
Il-kwerelant ippreżenta kopji ta' żewġ ittri indirizzati lill-Kummissjoni fil-5 ta' April 2004 u l-4 ta' Lulju 2005. Fl-ittra tiegħu tal-5 ta' April 2004 lill-Kummissjoni, l-avukat tal-kwerelant irrefera għall-fatt li huwa kien diġà indirizza l-ilment lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f'Berlin fl-20 ta' Frar 2004.
Fis-27 ta' Lulju 2005, l-Ombudsman indirizza l-abbozz tar-rakkomandazzjoni li ġej lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 3(6) tal-Istatut tiegħu:
"Il-Kummissjoni għandha tittratta l-ilment ta' ksur tal-kwerelant b'diliġenza u mingħajr dewmien bla bżonn".
Dan l-abbozz tar-rakkomandazzjoni kien ibbażat fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:
1.1 Fl-ilment tiegħu lill-Ombudsman, il-kwerelant issottometta li l-ilment ta' ksur tiegħu kien diġà ntbagħat mill-avukat tiegħu lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni f'Berlin fl-20 ta' Frar 2004. Skont il-kwerelant, sussegwentement kien ġie infurmat, bi tweġiba meta investiga, li l-ilment la kien ġie ttrattat u lanqas ma kien intbagħat Brussell. Għaldaqstant il-kwerelant issottometta l-ilment tiegħu direttament lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tal-5 ta' April 2004.
1.2 Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni żammet lura milli tittratta s-sottomissjoni tal-kwerelant, li l-ilment ta' ksur tiegħu kien diġà ġie ppreżentat fl-20 ta' Frar 2004, u għall-ewwel ma kien sar xejn dwaru.
1.3 L-Ombudsman innota li l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tittratta kif jixraq l-ittra li l-kwerelant saħaq li kien indirizza lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni, kien issemma' b'mod ċar fl-ilment li l-kwerelant kien issottometta lilu f'Jannar 2005. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ombudsman ma setax jifhem għaliex il-Kummissjoni ma indirizzatx din il-kwistjoni fl-opinjoni tagħha. Madankollu, sabiex tkun iċċarata din il-kwistjoni, ikollhom isiru aktar investigazzjonijiet. Tali investigazzjonijiet ulterjuri inevitabbilment jirriżultaw f'aktar dewmien fil-kwistjoni li, skont l-ilmentatur, kienet urġenti. Għaldaqstant, minħabba l-konklużjonijiet tiegħu rigward l-aspetti l-oħra tal-każ (ara l-punt 2 hawn taħt), l-Ombudsman qies li l-aħjar mod li jipproċedi kien li jeskludi l-kwistjoni msemmija hawn fuq mill-ambitu tal-investigazzjoni attwali, biex ikun jista' jittratta l-kwistjoni prinċipali malajr kemm jista' jkun. Madanakollu, l-kwerelant baqa' liberu li jissottomettilu mill-ġdid il-kwistjoni msemmija f'ilment separat.
2.1 Il-kwerelant allega li l-Kummissjoni kienet naqset milli tittratta b’mod xieraq l-ilment ta' ksur 2004/4463 tiegħu. Huwa saħaq li kien investiga s-sitwazzjoni preżenti permezz ta' ittra mibgħuta fit-30 ta' Novembru 2004 mingħajr ma rċieva tweġiba.
2.2 Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li fiż-żmien meta kienet qed tibgħat l-opinjoni (f’Ġunju 2005), hija kienet irċeviet seba' lmenti kontra l-Ġermanja li kellhom x'jaqsmu ma' servizzi tal-logħob tal-ażżard (2003/4350, 2003/5288, 2004/4054, 2004/4463, 2004/4899, 2004/4685 u 2005/4017). Il-Kummissjoni spjegat li hija kienet irreġistrat l-ewwel ilment f'April 2003 u ma kinitx ħadet deċiżjoni biex tiftaħ proċedimenti ta' ksur minħabba deċiżjoni mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, f'każ relatat li jikkonċerna l-Italja, kienet tqieset bħala kruċjali għall-valutazzjoni ta' din ir-restrizzjoni. Skont il-Kummissjoni, is-sentenza tal-Qorti tas-6 ta' Novembru 2003 fil-Każ C-243/01 (Gambelli u Oħrajn) kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni b'linji gwida biex tevalwa tali lmenti.
Il-Kummissjoni żiedet li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija kienet ivvalutat il-ġustifikazzjoni għal u l-proporzjonalità ta' numru ta' projbizzjonijiet nazzjonali fuq is-servizzi ta' mħatri sportivi u li ittra ta' avviż formali kienet intbagħtet lid-Danimarka fit-30 ta' Marzu 2004 f'każ relatat mas-servizzi ta' mħatri sportivi.
Madankollu, fil-laqgħat tagħha tat-13 ta' Ottubru u l-14 ta' Diċembru 2004, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tipposponi d-deċiżjonijiet rigward il-ftuħ ta' proċedimenti ta' ksur fil-każijiet li jikkonċernaw restrizzjonijiet simili għal dawk indikati mill-kwerelant fl-ilment ta' ksur tiegħu fil-każijiet li jikkonċernaw il-Ġermanja (2003/4350), l-Italja (2003/4616 ) u l-Olanda (2002/5443). Dawn l-ilmenti issa kienet qed issirilhom eżaminazzjoni ulterjuri.
Il-Kummissjoni spjegat li, fil-faks tat-30 ta' Novembru 2004, il-kwerelant kien talab kopja tal-korrispondenza tal-Kummissjoni mal-awtoritajiet Ġermaniżi. Il-Kummissjoni enfasizzat li s'issa kien għad ma kellha l-ebda kuntatt mal-awtoritajiet Ġermaniżi fir-rigward tas-servizzi ta' mħatri sportivi b’mod ġenerali jew fir-rigward ta' xi każ speċifiku.
Skont il-Kummissjoni, hija kienet għadha qed teżamina attivament aspetti speċifiċi tal-ilment ta' ksur tal-kwerelant. Fit-30 ta' Mejju 2005, hija kienet bagħtet ittra lill-avukat tal-kwerelant fejn kienet spjegat is-sitwazzjoni preżenti u talbet lill-kwerelant biex jippreżenta kopja tal-permess ta' bookmaker tiegħu.
Il-Kummissjoni innotat li hija kienet indikat, fil-"Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u l-Ombudsman Ewropew dwar ir-relazzjonijiet mal-kwerelant fir-rigward ta' ksur tad-dritt Komunitarju"(COM (2002) 141 finali, ĠU 2002 C 244, pġ. 5) tagħha, li bħala regola ġenerali, hija pproponiet li tinvestiga l-ilmenti bil-ħsieb li tasal għal deċiżjoni li toħroġ avviż formali jew li tagħlaq il-każ fi żmien mhux itwal minn sena mid-data tar-reġistrazzjoni tal-ilment. Madankollu, skont il-Kummissjoni, dan ma jeskludix il-possibilità li investigazzjoni tagħha tista' tieħu aktar żmien minn hekk. Il-Kummissjoni ssottomettiet li, b'mod partikolari, dan ikun każ fejn il-Kummissjoni tkun ikkonfrontata b'każijiet li jimplikaw valutazzjoni diffiċli tal-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità, abbażi ta' kunsiderazzjonijiet tal-ordni pubblika, tal-miżura nazzjonali in kwistjoni. Skont il-Kummissjoni, din kienet is-sitwazzjoni fil-każ preżenti. F'tali ċirkustanzi, il-Kummissjoni nnotat li hija kienet intrabtet "li tinforma lill-kwerelant bil-miktub". Skont il-Kummissjoni, fil-każ preżenti dan kien sar permezz tal-ittra tat-30 ta' Mejju 2005.
2.3 Hija prattika amministrattiva tajba li l-ittri mingħand iċ-ċittadini jingħataw tweġiba fi żmien raġonevoli. Fil-każ preżenti, fit-30 ta' Mejju 2005, il-Kummissjoni kienet wieġbet l-ittra tal-kwerelant tat-30 ta' Novembru 2004, jiġifieri sitt xhur wara li kienet intbagħtet. L-Ombudsman innota li ma kienet offruta l-ebda spjegazzjoni jew apoloġija għal dan id-dewmien konsiderevoli. Għaldaqstant, in-nuqqas tal-Kummissjoni li twieġeb l-ittra tal-kwerelant tat-30 ta' Novembru 2004 fi żmien raġonevoli ikkostitwixxa amministrazzjoni ħażina.
2.4 L-Ombudsman innota li l-Kummissjoni kienet intrabtet, fil-"Komunikazzjoni" tagħha tal-2002, li tinvestiga l-ilmenti bil-ħsieb li tasal għal deċiżjoni li toħroġ avviż formali jew li tagħlaq il-każ fi żmien mhux itwal minn sena mid-data tar-reġistrazzjoni tal-ilment. Kien ċar mill-kliem tal-Komunikazzjoni ("bħala regola") li dan ma kienx jeskludi l-possibilità li investigazzjoni tista' tieħu aktar minn sena fejn ikun hemm raġunijiet validi, b'mod partikolari fejn ilment iqajjem kwistjonijiet diffiċli jew kumplessi. Kif kienet osservat korrettament il-Kummissjoni, il-"Komunikazzjoni" tal-2002 stipulat li f'każijiet bħal dawn il-kwerelant kellu jkun infurmat bil-miktub.
Madankollu, l-Ombudsman qies li biex tkun tagħmel sens, l-informazzjoni li trid tingħata lill-kwerelant f’tali każijiet, trid mill-inqas tispjega r-raġunijiet għaliex it-trattament tal-ilment kien se jieħu aktar minn sena.
Madankollu, fl-ittra tagħha tat-30 ta' Mejju 2005 lill-kwerelant, il-Kummissjoni kienet iddikjarat sempliċement "li minħabba l-iskadenzi proċedurali speċjali għall-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta' ksur tat-Trattat, it-teħid ta' pożizzjoni mill-Kummissjoni probabbilment ma jistax ikun mistenni fil-futur qarib."
Fil-fehma tal-Ombudsman, din l-'ispjegazzjoni' kienet manifestament inadegwata minħabba li ma kinitx tirreferi għal xi ċirkostanzi partikolari li setgħu jiġġustifikaw il-fatt li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni qabżet il-perjodu ta' sena li għandu, skont il-"Komunikazzjoni" tal-2002, ikun rispettat "bħala regola". In-nuqqas tal-Kummissjoni li tagħti raġunijiet adegwati għaliex ma kinitx kapaċi tikkonkludi l-investigazzjoni tagħha rigward l-ilment ta' ksur tal-kwerelant fi żmien sena mir-reġistrazzjoni tal-ilment għaldaqstant ikkostitwixxa amministrazzjoni ħażina.
2.5 Fir-rigward tat-trattament tal-ilment ta' ksur bħala tali, kienet prattika amministrattiva tajba li tali lmenti jiġu eżaminati b'diliġenza u mingħajr dewmien bla bżonn. L-Ombudsman innota li l-Kummissjoni kienet argumentat fl-opinjoni tagħha, li għadha qed teżamina attivament aspetti speċifiċi tal-ilment ta' ksur tal-kwerelant. Barra minn hekk, huwa nnota li fl-ittra tagħha tat-30 ta' Mejju 2005 lill-kwerelant, il-Kummissjoni kienet issottomettiet li kienet qed tittratta "b'mod intensiv" kemm l-ilment tal-kwerelant kif ukoll ilmenti oħrajn li jikkonċernaw is-servizzi ta' mħatri sportivi fil-Ġermanja.
Madankollu, fil-fehma tal-Ombudsman, dawn l-argumenti ma jidhrux li kienu appoġġati mill-informazzjoni li kienet ġiet sottomessa lill-Ombudsman.
Għandu l-ewwel ikun innotat li l-Kummissjoni enfasizzat li s-sentenza tal-Qorti tas-6 ta' Novembru 2003 fil-Każ C-243/01 (Gambelli u Oħrajn) kienet ipprovdietha b'linji gwida biex tivvaluta lmenti bħal dak li ġie sottomess lilha mill-kwerelant. Madankollu, din is-sentenza kienet diġà ngħatat aktar minn sena u nofs qabel ġiet sottomessa l-opinjoni. Għandu jkun innotat ukoll li l-Kummissjoni kienet argumentat li l-ilment ta' ksur tal-kwerelant ikkonfrontaha b'każ li jimplika valutazzjoni diffiċli tal-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet tal-ordni pubblika, tal-miżura nazzjonali in kwistjoni. Madankollu, l-Ombudsman innota li l-Kummissjoni stess fl-opinjoni tagħha, kienet irrikonoxxiet illi s'issa kien għad ma kellha l-ebda kuntatt mal-awtoritajiet Ġermaniżi fir-rigward tas-servizzi ta' mħatri sportivi b’mod ġenerali jew fir-rigward ta' xi każ speċifiku. Kien diffiċli li wieħed jifhem kif il-Kummissjoni tista' tivvaluta l-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Ġermaniża mingħajr ma, mill-inqas, titlob lill-awtoritajiet Ġermaniżi għal informazzjoni u spjegazzjonijiet rigward "il-kunsiderazzjonijiet tal-ordni pubblika" abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet .
2.6 Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-Ombudsman kien tal-fehma li l-Kummissjoni kienet naqset milli tittratta kif jixraq l-ilment ta' ksur tal-kwerelant.
Wara li rċeviet l-abbozz tar-rakkomandazzjoni, u f’konformità mal-Artikolu 3(6) tal-Istatut tal-Ombudsman Ewropew, fil-5 ta' Jannar 2006, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni dettaljata.
Fl-opinjoni dettaljata tagħha, il-Kummissjoni għamlet il-kummenti li ġejjin:
Il-kwerelant ma kellu l-ebda liċenzja meħtieġa fil-Ġermanja iżda xtaq joffri s-servizzi tiegħu lil fornituri ta' servizz fuq l-Internet li joperaw taħt liċenzja fi Stat Membru ieħor (biex jaġixxi u joffri s-servizzi bħala intermedjarju). Bejn April 2003 u Jannar 2005, il-Kummissjoni kienet irreġistrat seba' lmenti (inkluż dak sottomess mill-kwerelant) kontra l-Ġermanja fir-rigward tas-servizzi tal-logħob tal-ażżard. Dawn l-ilmenti kellhom x'jaqsmu mal-istess restrizzjonijiet. Għaldaqstant il-Kummissjoni kienet iddeċidiet (fis-16 ta' Marzu u t-2 ta' Settembru 2005) li tittratta dawn l-ilmenti kollha flimkien.
Ilmenti relatati mas-servizzi ta' mħatri sportivi kienu "politikament sensittivi u kontroversjali ħafna" (minkejja l-ġurisprudenza eżistenti f'dan il-qasam). Ilmenti kontra l-Ġermanja, relatati mar-restrizzjonijiet tagħha rigward is-servizzi ta' mħatri sportivi, kienu diskussi f'erba' laqgħat ta' ksur interni (it-13 ta' Ottubru 2004, l-14 ta' Diċembru 2004, is-16 ta' Marzu 2005 u l-5 ta' Lulju 2005). Sal-lum, il-Kummissjoni ma setgħatx tieħu d-deċiżjoni meħtieġa.
Il-Kummissjoni rrikonoxxiet u ddispjaċiha li kienet naqset li twieġeb l-ittra tal-kwerelant tat-30 ta' Novembru 2004. Hija rrikonoxxiet ukoll li 'l-ispjegazzjoni' li kienet tat fl-ittra tagħha tat-30 ta' Mejju 2005 ma kinitx adegwata. Il-Kummissjoni setgħat irreferiet għall-fatt li hija kienet qiegħda tinvestiga numru ta' lmenti kontra l-Ġermanja u li dawn l-ilmenti ġew diskussi fi tliet laqgħat ta' ksur interni (it-13 ta' Ottubru 2004, l-14 ta' Diċembru 2004 u s-16 ta' Marzu 2005). Hija ddispjaċiha li ma setgħetx tieħu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni politikament sensittiva fi żmien sena mid-data tar-reġistrazzjoni tal-ilment. Madankollu, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-ħeffa fl-ipproċessar tal-ilment ma tibbenefikax mill-iżvelar ta' aktar dettalji relatati mad-diskussjonijiet interni.
Madankollu, il-Kummissjoni kienet bagħtet ittra oħra lill-kwerelant li fiha tat aktar informazzjoni relatata mas-sitwazzjoni preżenti. F'din l-ittra tal-10 ta' Ottubru 2005, id-Direttorat Ġenerali tas-Suq Intern u s-Servizzi ("DG Markt") tal-Kummissjoni, kien informa lill-kwerelant li kien iddeċieda li jittratta flimkien numru ta' lmenti li jikkonċernaw il-kwistjonijiet rilevanti u spjega li d-deċiżjoni li jinfetħu proċedimenti ta' ksur kontra l-Ġermanja kienet tirrikjedi l-appoġġ tal-Kulleġġ tal-Kummissarji. Id-DĠ Markt kien enfasizza wkoll li s'issa l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu tali deċiżjoni u li l-ilmenti kienu qed jistennew aktar kunsiderazzjoni.
Ma waslet ebda osservazzjoni mingħand il-kwerelant.
L-Ombudsman iqis li l-opinjoni dettaljata tal-Kummissjoni ma tikkostitwixxix aċċettazzjoni tal-abbozz tar-rakkomandazzjoni tiegħu. Għalkemm il-Kummissjoni rrikonoxxiet li kienet naqset milli twieġeb l-ittra tal-kwerelant tat-30 ta' Novembru 2004 fi żmien raġonevoli u li tagħti spjegazzjoni valida rigward għaliex l-eżaminazzjoni tal-każ se tieħu aktar minn sena, il-Kummissjoni ma wrietx li l-ilment ta' ksur sejjer jiġi trattat b'diliġenza u mingħajr dewmien żejjed, kif irrakkomandat mill-Ombudsman.
Minflok, il-Kummissjoni rreferiet għall-fatt li hija tqis l-ilmenti relatati mas-servizzi ta' mħatri sportivi bħala politikament sensittivi u kontroversjali ħafna. Il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-kwistjoni kienet diskussa f'erba' laqgħat ta' ksur interni (it-13 ta' Ottubru 2004, l-14 ta' Diċembru 2004, is-16 ta' Marzu 2005 u l-5 ta' Lulju 2005) iżda s'issa ma kienx possibbli li tittieħed deċiżjoni. Fl-ittra tal-10 ta' Ottubru 2005 lill-kwerelant, li ssemmiet fl-opinjoni dettaljata, id-DĠ Markt kompla spjega li d-deċiżjoni biex jinfetħu proċedimenti ta' ksur kontra l-Ġermanja tirrikjedi l-appoġġ tal-Kulleġġ tal-Kummissarji u li s'issa, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu tali deċiżjoni.
L-Ombudsman jilqa' b'sodisfazzjon il-frankezza tal-Kummissjoni meta ammettiet li d-dewmien fit-trattament tal-ilment ta' ksur tal-kwerelant huwa dovut għall-fatt li l-Kummissjoni tidher li ma tistax tiddeċiedi dwar kif tipproċedi f'dan il-każ (u diversi każijiet oħra relatati) għal raġunijiet politiċi. Madankollu, huwa jqis li dan il-fatt ma jikkostitwixxix raġuni valida għan-nuqqas ta’ trattament ta' dan l-ilment ta' ksur fi żmien raġonevoli.
L-Ombudsman huwa konxju tal-fatt li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fil-proċedura ta' ksur. Madankollu, għandu jkun innotat li l-każ preżenti jikkonċerna l-fażi amministrattiva ta’ dik il-proċedura. L-Ombudsman iqis li hija prattika amministrattiva tajba li l-Kummissjoni tittratta l-ilmenti ta' ksur fi żmien raġonevoli u li għaldaqstant, il-Kummissjoni mhijiex intitolata b’mod indefinit li ddewwem id-deċiżjoni tagħha rigward ilment ta' ksur partikolari. Fil-każ preżenti, jidher li l-Kummissjoni qieset il-kwistjoni f'erba' laqgħat ta' ksur interni (it-13 ta' Ottubru 2004, l-14 ta' Diċembru 2004, is-16 ta' Marzu 2005 u l-5 ta' Lulju 2005) mingħajr ma waslet għal deċiżjoni dwar kif għandha tipproċedi. Barra minn hekk, fl-opinjoni dettaljata tagħha li kienet ippreżentata fil-5 ta' Jannar 2006, il-Kummissjoni ma tat l-ebda indikazzjoni dwar meta tista' tkun mistennija d-deċiżjoni.
Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-Ombudsman isostni mill-ġdid l-abbozz tar-rakkomandazzjoni tiegħu bħala rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni kif ġej:
Il-Kummissjoni għandha tittratta l-ilment ta' ksur tal-kwerelant b'diliġenza u mingħajr dewmien bla bżonn.
Il-Parlament Ewropew jista' jikkunsidra li jadotta r-rakkomandazzjoni bħala riżoluzzjoni.
Strasburgu,
P. Nikiforos DIAMANDOUROS
[1] Deċiżjoni 94/262 tad-9 ta' Marzu 1994 tal-Parlament Ewropew rigward ir-Regolamenti u l-Kundizzjonijiet Ġenerali li Jirregolaw it-Twettiq tal-Obbligi tal-Ombudsman, ĠU 1994 L 113, p. 15.
[2] Każ C-243/01 Gambelli u Oħrajn [2003] ECR I-13031.