Rapport Speċjali mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew b'segwitu għall-Abbozz tar-Rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea fl-ilment 185/2005/ELB

Available languages: bg.es.cs.da.de.et.el.en.fr.ga.it.lv.lt.hu.mt.nl.pl.pt.ro.sk.sl.fi.sv
  • Case: 0185/2005/ELB
    Opened on 16 Feb 2005 - Draft recommendation on 31 Mar 2008 - Special report on 04 Dec 2008 - Decision on 04 Dec 2008
  • Institution(s) concerned: European Commission
  • Field(s) of law: General, financial and institutional matters
  • Types of maladministration alleged – (i) breach of, or (ii) breach of duties relating to: Absence of discrimination [Article 5 ECGAB]
  • Subject matter(s): Competition and selection procedures (including trainees)

(Magħmul f'konformità mal-Artikolu 3(7) tal-Istatut tal-Ombudsman Ewropew[1])

Introduzzjoni

1. L-Ombudsman iqis li l-każ preżenti jqajjem kwistjoni importanti ta' prinċipju. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni tikser il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, billi timponi projbizzjoni assoluta fuq il-kiri ta' interpreti tal-konferenzi awżiljari freelance ta' aktar minn 65 sena. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina li l-importanza tiegħu tiġġustifika l-preżentazzjoni ta' rapport speċjali lill-Parlament.

L-isfond tal-ilment

2. Il-kwerelant ħadem għall-istituzzjonijiet Ewropej għal aktar minn 35 sena, bħala interpretu tal-konferenzi awżiljarju freelance ('ACI'), jittraduċi mill-Olandiż, l-Ingliż, il-Ġermaniż, it-Taljan u l-Ispanjol għall-Franċiż. L-interpreti freelance jinkrew għal konferenzi u laqgħat speċifiċi. Il-perjodu ta' kull impenn speċifiku huwa qasir, u normalment ma jdumx aktar minn ftit jiem.

3. Fit-13 ta' Lulju 1999, il-Burò tal-Parlament Ewropew stabbilixxa r-regoli għall-kiri tal-ACIs ('ir-Regoli tal-1999'). Fit-28 ta' Lulju 1999, il-Kummissjoni u l-Parlament iffirmaw konvenzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-termini finanzjarji għall-ACIs ('il-Konvenzjoni tal-1999'). Sussegwentement, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 628/2000[2] ipprovda għar-reklutaġġ tal-ACIs bħala "aġenti awżiljarji".

4. F'dan l-ambitu, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew iddeċidew li jwaqqfu l-kiri tal-ACIs li għandhom aktar minn 65 sena. Huma bbażaw id-deċiżjonijiet rispettivi tagħhom fuq l-Artikolu 74 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Impjegati Oħra tal-Komunitajiet ('is-CEOS').[3] Sussegwentement, ċerti ACIs[4] bdew proċeduri legali quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kontra l-Kummissjoni u l-Parlament (Kawżi Magħquda T-153/01 u T-323/01,[5] il-Każ T-275/01[6] u l-Każ T-276/01[7]).

5. Fil-Kawżi Konġunti T-153/01 u T-323/01, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat, inter alia, li:

"(...) kuntratti tal-impjieg għall-interpreti tal-konferenzi (...) huma kkaratterizzati mill-fatt li huma ffirmati għal ġranet speċifiċi, b'tali mod li d-data tal-bidu u d-data tat-terminazzjoni tal-kuntratt jikkostitwixxu elementi essenzjali fir-rigward tar-reklutaġġ tal-imsemmija aġenti awżiljarji.

(...) minħabba li l-terminazzjoni tal-kuntratt huwa dejjem stabbilit mill-indikazzjoni tal-ġranet tax-xogħol speċifiċi li jkun hemm fil-kuntratt, mhuwiex neċessarju li jintuża l-Artikolu 74(1)(b) tas-CEOS biex tkun stabbilita t-terminazzjoni tal-impjieg (...)

Minn dan isegwi li l-Artikolu 74 tas-CEOS huwa wieħed mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tas-CEOS minn fejn telaq il-Parlament meta adotta r-Regoli tal-1999.

Konsegwentement, il-Kummissjoni hija żbaljata meta tikkunsidra li l-Artikolu 74(1)(b) tas-CEOS japplika għall-applikant (...)

(...) l-età tal-interpretu mhijiex element rilevanti fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti msemmija. Minn dan isegwi li l-istipulazzjoni tal-limitu tal-età mhijiex element essenzjali ta' kuntratt ta' interpretu li jirrikjedi l-applikazzjoni tal-Artikolu 74 tas-CEOS."[8] (Enfasi miżjud)

6. Fis-27 ta' Awwissu 2004, il-Kummissjoni tat bidu għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Każ C-373/2004 P[9]) kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-Kawżi Konġunti T-153/01 u T-323/01.

Is-suġġett tal-investigazzjoni

7. Il-kwerelant iddikjara li l-Kummissjoni, anki wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, irrifjutat li tikrih bħala ACI. F'dan l-ambitu, huwa allega li l-Kummissjoni naqset milli tkun konformi mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali[10] u mal-Artikolu 5(3) tal-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Amministrattiva Tajba, [11] li t-tnejn li huma jipprojbixxu, inter alia, id-diskriminazzjoni abbażi tal-età.

8. Il-kwerelant argumenta li l-Kummissjoni għandha ttemm id-diskriminazzjoni li huwa kien issuġġettat għaliha minħabba li laħaq l-età ta' 65. Huwa talab wkoll kumpens ta' 14 619-il EUR mingħand il-Kummissjoni (10 932 EUR jikkorrispondu għat-telf mid-dħul u 3 687 EUR jikkorrispondu għall-kontribuzzjonijiet lill-"Caisse de prévoyance des interprètes de conférence") u vvaluta li d-danni morali li kien sofra jammontaw għal 20 000 EUR.

9. Il-kwerelant allega wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tkun konformi mal-Artikolu 19 tal-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Amministrattiva Tajba (fir-rigward tal-indikazzjoni tal-possibilità tal-appell). Minħabba li dan l-aspett tal-ilment ma jqajjimx kwistjoni ta' prinċipju, l-Ombudsman se jittrattah fid-deċiżjoni li tagħlaq l-investigazzjoni tiegħu rigward dan l-ilment, li sejra tintbagħat lill-kwerelant.

L-investigazzjoni

10. Il-kwerelant ippreżenta l-ilment fis-16 ta' Jannar 2005. Fit-8 ta' Ġunju 2005, il-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni tagħha, li ntbagħtet lill-kwerelant għall-osservazzjonijiet tiegħu. Fit-13 ta' Lulju 2005, il-kwerelant bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu.

11. Fit-13 ta' Diċembru 2005, l-Ombudsman talab aktar informazzjoni mingħand il-Kummissjoni. Fl-20 ta' Marzu 2006, il-Kummissjoni wieġbet it-talba tiegħu. Fit-2 ta' April 2006 u fid-19 ta' Mejju 2006, il-kwerelant bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu.

12. Fl-1 ta' Diċembru 2006, l-Ombudsman kiteb lill-President tal-Kummissjoni biex tinstab soluzzjoni amikevoli għall-ilment. Il-Kummissjoni bagħtet it-tweġiba tagħha fis-16 ta' Marzu 2007 u l-kwerelant bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu fil-25 ta' Mejju 2007.

13. Fil-31 ta' Marzu 2008, l-Ombudsman indirizza abbozz tar-rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni. Fis-26 ta' Ġunju 2008, il-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni dettaljata tagħha dwar dan l-abbozz tar-rakkomandazzjoni. Il-kwerelant għamel l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-opinjoni tal-Kummissjoni fil-31 ta' Lulju 2008.


L-analiżi u l-konklużjonijiet tal-Ombudsman

A. Allegazzjoni ta' politika ġenerali ta' diskriminazzjoni kontra l-ACIs ta' aktar minn 65 sena u t-talba għal kumpens relatata

L-argumenti ppreżentati lill-Ombudsman

14. Il-Kummissjoni ddikjarat li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni tal-1999 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-termini finanzjarji tal-ACIs, ma kienx jeżisti limitu tal-età formali għall-ACIs. Madankollu, id-Direttorat Ġenerali għall-Interpretazzjoni (DĠ Interpretazzjoni) kellu l-politika li jikri ACIs ta' aktar minn 65 sena biss meta ċirkustanzi speċifiċi kienu jirrikjedu dan. Dan seħħ għall-hekk imsejħa "missjonijiet ambulanti", jew biex jiġu rispettati l-impenji tal-interpretazzjoni għal ċerti lingwi. L-għan ta' din il-politika kien li tinżamm provvista adegwata ta' xogħol għall-interpreti żgħażagħ li kienu għadhom kemm ikkwalifikaw, u b'hekk tkun żgurata provvista ta' parteċipanti ġodda għall-professjoni.

15. Il-Kummissjoni indikat li mad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni tal-1999, l-ACIs daħlu fl-ambitu tas-CEOS. Għaldaqstant, hija qieset li huma kienu soġġetti għal-limitu tal-età statutorju stabbilit fl-Artikolu 74 tas-CEOS.[12] Konsegwentament, ir-reklutaġġ tal-ACIs ta' aktar minn 65 sena twaqqaf gradwalment. Barra minn hekk, kien irtirat l-aċċess tagħhom għall-"Web Calendar", is-sistema ta' reklutaġġ fuq l-Internet.

16. L-interpretazzjoni li l-ACIs daħlu fl-ambitu tas-CEOS kienet ikkontestata fil-Kawżi Magħquda T-153/01 u T-323/01 Alvarez Moreno vs Il-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li l-limitu tal-età stabbilit fis-CEOS ma kienx japplika għall-ACIs. Konsegwentament, biex ikun konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, id-DĠ Interpretazzjoni ppermetta li l-ACIs ta' aktar minn 65 sena jkollhom aċċess għas-sistema ta' reklutaġġ (fuq talba individwali). L-ACIs li laħqu l-età ta' 65 sena wara li ngħatat is-sentenza, żammew l-aċċess tagħhom għall-Web Calendar. Il-politika tar-reklutaġġ, li ddaħħlet wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, kienet l-istess bħall-politika tar-reklutaġġ li kienet fis-seħħ qabel l-1999. Il-Kummissjoni ddikjarat li se tkompli tkun konformi ma' din il-politika sakemm tkun deċiża s-sentenza fl-appell tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li qed ifittex li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

17. Bħala riżultat ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni reġgħet bdiet ir-reklutaġġ tal-ACIs skont "l-eżiġenzi tas-Servizz", billi qieset il-kombinazzjoni tal-lingwi, ir-residenza u l-kompetenza ġenerali tagħhom. Il-politika tad-DĠ Interpretazzjoni kienet, kif spjegat il-Kummissjoni, li jiżgura, safejn hu possibbli, l-opportunitajiet ta' reklutaġġ għall-interpreti żgħażagħ. Hija nnotat li minħabba li l-iżviluppi demografiċi fil-professjoni kienu allarmanti, kellhom jittieħdu passi biex jinżamm grupp adegwat u kkwalifikat għall-użu kkondiviż ta' interpreti freelance bħala sors ta' reklutaġġ sostnut fuq medda twila ta' żmien. Bħala eżempju, il-Kummissjoni spjegat li l-età medja fit-tliet l-akbar kabini tal-lingwi (tal-Ingliż, tal-Franċiż u tal-Ġermaniż) kienet ta' madwar il-50 sena. Il-Kummissjoni spjegat li jistgħu jintużaw argumenti oħra biex jikkorroboraw din il-politika. Dawn jinkludu:

(a) l-appoġġ finanzjarju mogħti għal żmien twil u b'mod iddiversifikat mill-istituzzjonijiet għat-taħriġ ta' interpreti żgħażagħ;

(b) il-ħtieġa li kollegi żgħażagħ jakkwistaw biżżejjed esperjenza u prattika sabiex fil-ġejjieni jkunu jistgħu jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet miftuħa b'ċans raġonevoli li jgħaddu minnhom u, meta jagħmlu hekk, itejbu l-piramida tal-età;[13] u

(ċ) il-probabilità akbar li interpreti żgħażagħ ikunu fil-pożizzjoni li, mal-kombinazzjonijiet tal-lingwi tagħhom, iżidu lingwi ġodda meħtieġa mis-Servizz.

18. F'konformità mat-talba tal-Ombudsman għall-informazzjoni, il-Kummissjoni pprovdiet dejta statistika li tindika n-numru tal-jiem bil-kuntratt għall-ACIs ta' aktar minn 65 sena f'termini assoluti, u bħala perċentwali tat-total tal-jiem bil-kuntratt tal-ACIs għal kull waħda mis-snin 1987-2006.

Il-kunsiderazzjonijiet preliminari tal-Ombudsman li jwasslu għal proposta ta' soluzzjoni amikevoli

19. L-Ombudsman l-ewwel osserva li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddikjarat li l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, inkorporat fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.[14] Skont dan il-prinċipju, meta l-Kummissjoni tirrekluta l-ACIs, ma tistax titratta l-kandidati b'mod differenti abbażi tal-età tagħhom, sakemm ma turix li tali trattament huwa ġġustifikat adegwatament, minħabba li jkun tfassal b'mod addattat sabiex jaqdi interess Komunitarju li huwa leġittimu u importanti biżżejjed.

20. Fl-ambitu tal-investigazzjoni tal-Ombudsman rigward l-ilment preżenti, il-Kummissjoni ammettiet b'mod ċar li, meta toffri kuntratti lill-ACIs, hija tisfavorixxi u, għaldaqstant, tittratta b'mod differenti, l-interpreti ta' aktar minn 65 sena. Differenza fit-trattament abbażi tal-età tikkostitwixxi diskriminazzjoni abbażi tal-età, sakemm dik id-differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata oġġettivament. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ntalbet tagħti prova li dan it-trattament differenzjali kien iġġustifikat adegwatament.

21. L-Ombudsman innota li, fit-tweġiba tagħha lill-Ombudsman, il-Kummissjoni enfasizzat li l-iżviluppi demografiċi fil-professjoni kienu allarmanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni argumentat li t-trattament differenti kien iġġustifikat mill-ħtieġa tagħha li tingaġġa interpreti żgħażagħ u tħarrighom, bil-ħsieb li żżomm grupp adegwat u kwalifikat għall-użu kondiviż ta' interpreti freelance li jaġixxi bħala sors ta' interpreti fuq medda twila ta' żmien. It-trattament differenti tejjeb il-piramida tal-età tal-uffiċjali interpreti. Barra minn hekk, l-interpreti żgħażagħ kellhom il-possibilità li jiksbu esperjenza u prattika biżżejjed biex ikunu jistgħu jiksbu suċċess fil-kompetizzjonijiet miftuħin tal-ġejjieni.

F'dan l-ambitu, l-Ombudsman aċċetta li l-interess invokat mill-Kummissjoni, jiġifieri, il-ħolqien u t-taħriġ ta' ġenerazzjoni ġdida ta' interpreti kompetenti, kien interess leġittimu tal-Komunità. Madankollu, l-Ombudsman irrileva li l-Kummissjoni ma pprovditlux dejta u evidenza adegwata biex tissostanzja l-argument tagħha.[15] Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi l-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi tal-interpreti ta' aktar minn 65 sena u l-interess ta' hawn fuq. Huwa nnota li l-objettiv tal-politika ta' ħolqien u taħriġ ta' ġenerazzjoni ġdida ta' interpreti kompetenti jista' jinkiseb b'mezzi li huma ferm inqas ta' piż fuq l-interpreti ta' aktar minn 65 sena. Pereżempju, mezz tali jista' jkun it-tnaqqis ibbilanċjat tal-jiem bil-kuntratt mogħtija lill-kandidati l-oħrajn kollha li "mhumiex żgħażagħ", indipendentament minn jekk dawn humiex taħt jew fuq il-65 sena, biex b'hekk jinħolqu opportunitajiet fejn tkun tista' tiġi offruta esperjenza tax-xogħol lill-interpreti "żgħażagħ".

22. Fid-dawl ta' hawn fuq, l-Ombudsman ikkunsidra li l-Kummissjoni naqset milli tiġġustifika b'mod adegwat it-trattament tagħha tal-interpreti ta' aktar minn 65 sena, bħalma huwa l-kwerelant. Dan jista' jikkostitwixxi istanza ta' amministrazzjoni ħażina. Għaldaqstant, l-Ombudsman għamel proposta għal soluzzjoni amikevoli fir-rigward ta' dan l-aspett tal-każ, li kienet taqra kif ġej:

L-Ombudsman iddikjara li l-Kummissjoni tista':

  1. tabbanduna l-politika tagħha li tiddiskrimina kontra l-interpreti ta' aktar minn 65 sena; u
  2. toffri lill-kwerelant kumpens finanzjarju raġonevoli talli ddiskriminat kontrih.

L-argumenti ppreżentati lill-Ombudsman wara l-proposta tiegħu għal soluzzjoni amikevoli

23. Fit-tweġiba tagħha għall-proposta ta' soluzzjoni amikevoli, il-Kummissjoni spjegat li kien jeħtieġ li jkun ikkunsidrat żvilupp ġdid. Hija rrilevat li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-Kawżi Magħquda T-153/01 u T-323/01 Alvarez Moreno vs Il-Kummissjoni kienet ġiet annullata riċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja.[16] Għaldaqstant il-Kummissjoni argumentat li l-interpretazzjoni oriġinali tagħha tar-regoli, fejn hija ma kienet toffri ebda xogħol lil kwalunkwe ACI ta' aktar minn 65 sena, kienet korretta, u li sejra tibqa' tkun korretta sakemm deċiżjoni bbażata fuq dik l-interpretazzjoni tiġi annullata minn sentenza ta' qorti Komunitarja. Konsegwentement, il-Kummissjoni ndikat li ma setgħetx taċċetta l-proposta tal-Ombudsman għal soluzzjoni amikevoli.

24. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ikkonkludiet li:

"il-Kummissjoni ma kellha l-ebda obbligu li tingaġġa [l-applikant] mill-ġdid. Istituzzjoni hija libera li ma toffriex kuntratt ġdid ta' aġent awżiljaru lil interpretu li jkun ġie ingaġġat qabel, tkun xi tkun l-età tiegħu u r-raġunijiet għal dan."[17]

25. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li hija kellha politika mmirati biex tiżgura t-tiġdid tal-professjoni tal-interpreti. Dik il-politika kienet tippromwovi t-taħriġ ta' interpreti żgħażagħ u opportunitajiet ta' impjieg iggarantiti għal dawn l-interpreti.

26. Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-tweġiba tal-Kummissjoni, il-kwerelant indika li ftit jiem wara li ċaħdet il-proposta tal-Ombudsman, il-Kummissjoni ħarġet nota ta' informazzjoni, datata d-29 ta' Marzu 2007, dwar ir-reklutaġġ ta' interpreti freelance ta' aktar minn 65 sena. In-nota kien fiha d-dikjarazzjoni li ġejja:

"Għaldaqstant, il-Kummissjoni bi ħsiebha tmur lura għall-pożizzjoni inizjali tagħha u ma tirreklutax aktar ACIs ta' aktar minn 65 sena."

Il-valutazzjoni tal-Ombudsman wara l-abbozz tar-rakkomandazzjoni tiegħu

27. Iċ-ċaħda tal-Kummissjoni, rigward il-proposta tiegħu għal soluzzjoni amikevoli, kienet ibbażata fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ C-373/04 P. L-Ombudsman jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza abbażi li tal-aħħar kien imissha kkunsidrat l-applikazzjoni bħala inammissibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq is-sustanza tal-każ u ma kinitx, għaldaqstant, ħadet pożizzjoni dwar l-interpretazzjoni legali stabbilita fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

28. Il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet iddeċidiet li l-Artikolu 74 tas-CEOS ma kienx applikabbli għall-ACIs, essenzjalment minħabba li r-regoli applikabbli għall-ACIs kienu stipulati f'Regoli speċifiċi adottati mill-Burò tal-Parlament Ewropew fit-13 ta' Lulju 1999 u f'Konvenzjoni ffirmata fit-28 ta' Lulju, 1999 (ara l-paragrafu 3 ta' dan ir-Rapport Speċjali). Filwaqt li l-Kummissjoni kienet korretta meta ddikjarat li ma kinitx aktar legalment marbuta bid-deċiżjoni annullata tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-Ombudsman huwa tal-fehma li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex m'għandhiex, abbażi tal-fatti rilevanti u d-dispożizzjonijiet legali applikabbli, tagħżel li tasal għal konklużjoni li kienet identika għall-konklużjoni li kienet waslet għaliha l-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward tas-sustanza tal-każijiet.

29. Fir-rigward tal-fatti rilevanti, l-Ombudsman irrikonoxxa li, minbarra li ddependiet fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, fit-tweġiba tagħha għall-proposta tal-Ombudsman għal soluzzjoni amikevoli, mill-ġdid spjegat li l-politika tagħha kienet imfassla b'mod li jiżgura t-"tiġdid" tal-grupp għall-użu kondiviż ta' interpreti li kien għad-dispożizzjoni tagħha. Hija ddikjarat ukoll li l-politika tagħha rigward ir-reklutaġġ tal-ACIs kienet tagħti lis-servizzi tagħha l-possibilità li jwieġbu għal ammont ta' xogħol li jvarja. F'dan l-ambitu, l-Ombudsman irrikonoxxa li l-Kummissjoni kienet tgawdi marġni wiesa’ ta' diskrezzjoni meta tirrekluta l-persunal. B'mod partikolari, hija ma setgħetx tkun meħtieġa li tkompli tikkuntratta ACIs speċifiċi sempliċiment għax kienet ikkuntrattathom fil-passat. Madankollu, il-marġni wiesa' ta' diskrezzjoni tal-Kummissjoni ma setax ikun eżerċitat b'tali mod li jinkiser il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, li jirrikjedi li sitwazzjonijiet differenti ma jistgħux ikunu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament.

30. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, inkorporat fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju.[18] Skont dan il-prinċipju, meta l-Kummissjoni tingaġġa l-ACIs, ma tistax tittrattahom b'mod differenti abbażi tal-età tagħhom, sakemm ma turix li tali trattament huwa iġġustifikat oġġettivament.[19] L-Ombudsman irrileva li, fir-rigward tal-età tal-irtirar obbligatorja li twassal għat-tmiem awtomatiku ta' kuntratt tal-impjieg, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li:

"(...) l-inkoraġġiment tar-reklutaġġ [taż-żgħażagħ] bla dubju jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika soċjali (...) Għaldaqstant, [tali] objettiv (...) irid, fil-prinċipju, jitqies bħala li oġġettivament u raġonevolment jiġġustifika (...) id-differenza fit-trattament abbażi tal-età (...). Għad irid jiġi stabbilit jekk (...) il-mezzi użati sabiex jintlaħaq tali għan leġittimu humiex adattati u meħtieġa".[20]

31. L-interess invokat mill-Kummissjoni fl-opinjoni tagħha lill-Ombudsman, jiġifieri, il-ħtieġa li jinħolqu opportunitajiet ta' reklutaġġ u taħriġ għal persunal ġdid, jidher li huwa "għan leġittimu". Madankollu, l-Ombudsman ma kienx konvint li l-mezz użat mill-Kummissjoni, jiġifieri projbizzjoni totali fuq ir-reklutaġġ ta' ACIs ta' aktar minn 65 sena, kien "adattat u meħtieġ" biex jinkiseb dak l-għan leġittimu. Sabiex jikkostitwixxi mezz "adattat u meħtieġ" ħalli jinkiseb dak l-għan, il-Kummissjoni trid mill-inqas tissostanzja, b'dejta u b'xhieda speċifika, li jkun meħtieġ li tirriserva xogħol speċifiku ta' traduzzjoni għal persunal ġdid. Tali dejta u xhieda speċifika għandha tirrelata, pereżempju, għan-numru ta' sigħat meħtieġa biex l-"iskema tal-persunal ġdid" tkun vijabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tkun trid turi li l-istess għan ma setax jinkiseb b'mezzi inqas restrittivi, bħal dawk li jkollhom impatt fuq l-interpreti mħarrġa ta' kull età, minflok fuq l-interpreti mħarrġa ta' aktar minn 65 sena biss.

32. Bħala riżultat ta' dan, l-Ombudsman sostna li l-Kummissjoni kienet naqset milli tiġġustifika b'mod adegwat il-projbizzjoni tagħha fuq ir-reklutaġġ ta' interpreti ta' aktar minn 65 sena. Dan jikkostitwixxi istanza ta' amministrazzjoni ħażina. Bħala riżultat ta' dan, l-Ombudsman għamel abbozz ta' rakkomandazzjoni.

33. Fl-abbozz tar-rakkomandazzjoni tiegħu, l-Ombudsman fakkar li jekk investigazzjoni twassal għall-kostatazzjoni ta' amministrazzjoni ħażina, huwa jista' jqis li jkun xieraq li l-istituzzjoni kkonċernata toffri kumpens finanzjarju lill-kwerelant li jkun sofra danni bħala riżultat ta' dik l-amministrazzjoni ħażina.

34. Il-kwerelant talab kumpens ta' ammont totali ta' 34 619-il EUR. L-Ombudsman innota, madankollu, li ma setax ikun preżunt li il-kwerelant kien se jkun offrut l-istess ammont ta' xogħol li huwa kien ġie offrut preċedentament. L-Ombudsman ikkunsidra li t-telf preċiż imġarrab milil-kwerelant ikun jiddependi fuq diversi fatturi, li jistgħu, inter alia, jinkludu: il-firxa kemm il-profil lingwistiku speċifiku tal-kwerelant kien jaqbel mal-ħtiġijiet speċifiċi tas-servizz matul il-perjodu rilevanti; il-volum tax-xogħol ta' interpretazzjoni mogħti b'kuntratt lill-ACIs bl-istess profil lingwistiku bħall-kwerelant matul il-perjodu rilevanti; l-għadd tal-kandidati għax-xogħol li kienu jikkorrispondu għall-profil lingwistiku tal-kwerelant matul il-perjodu rilevanti; u l-kwalità relattiva ta' tali kandidati. L-Ombudsman irrikonoxxa wkoll li l-Kummissjoni tgawdi marġni wiesa' ta' diskrezzjoni meta tingaġġa l-persunal tagħha. B'mod partikolari, hija ma setgħetx tkun meħtieġa li tkompli tħaddem b'kuntratt lil ACIs speċifiċi, sempliċiment minħabba li kienet ħaddmithom b'kuntratt fl-imgħoddi. Madankollu, id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. Minħabba li l-Kummissjoni kienet naqset milli tiġġustifika b'mod adegwat id-diskriminazzjoni kkontestata kontra l-interpreti ta' aktar minn 65 sena, l-Ombudsman qies li jkun xieraq li l-Kummissjoni tikkuntattja lill-kwerelant biex jiftehmu fuq kumpens xieraq għad-danni mġarrba mill-kwerelant minħabba l-applikazzjoni tal-politika diskriminatorja tal-Kummissjoni.

L-argumenti ppreżentati lill-Ombudsman wara l-abbozz tar-rakkomandazzjoni tiegħu

35. Il-Kummissjoni ma qablitx mal-fehma tal-Ombudsman li hija kisret il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni meta ma ngaġġatx l-ACIs ta' aktar minn 65 sena. Hija kkunsidrat li għandha tapplika s-CEOS fir-rigward tal-ACIs. Hija indikat li, skont l-Artikolu 119 tas-CEOS,[21] l-impieg ta' persunal kuntrattwali għandu jieqaf meta l-aġent jilħaq l-età ta' 65 sena. F'dawn iċ-ċirkustanzi, u għal raġunijiet purament legali, il-Kummissjoni ma setgħetx tibdel il-politika tar-reklutaġġ tagħha u ma setgħetx toffri kumpens lill-kwerelant.

Il-valutazzjoni tal-Ombudsman wara l-abbozz tar-rakkomandazzjoni tiegħu

36. Skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni, bħad-diskriminazzjoni abbażi tal-età, għandha tkun ipprojbita. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, inkorporat fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tal-liġi Komunitarja.[22] Skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tittratta liċ-ċittadini b'mod differenti abbażi tal-età tagħhom, sakemm ma turix li tali trattament huwa oġġettivament iġġustifikat u l-mezzi biex jinkiseb huma adattati u meħtieġa.[23] Fir-rigward tal-kwistjoni tal-età tal-irtirar obbligatorja li twassal għat-tmiem awtomatiku ta' kuntratt tal-impjieg, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li:

"(...) l-inkoraġġiment tar-reklutaġġ [taż-żgħażagħ] bla dubju jikkostitwixxi għan leġittimu tal-politika soċjali (...) Għaldaqstant, [tali] objettiv (...) irid, fil-prinċipju, jitqies bħala li oġġettivament u raġonevolment jiġġustifika (...) id-differenza fit-trattament abbażi tal-età (...). Għad irid jiġi stabbilit jekk (...) il-mezzi użati sabiex jintlaħaq tali għan leġittimu humiex adattati u meħtieġa".[24]

37. Il-Kummissjoni ssostni l-pożizzjoni tagħha li l-limitu tal-età msemmi fis-CEOS japplika għall-ACIs. Barra minn hekk, kif hemm spjegat fl-abbozz tar-rakkomandazzjoni, hija ppruvat tiġġustifika d-differenza fit-trattament mogħti lill-ACIs ta' aktar minn 65 sena, billi tirreferi għall-ħtieġa li toħloq opportunitajiet ta' reklutaġġ u taħriġ għal persunal ġdid. Filwaqt li l-Ombudsman ma jeskludix il-possibilità li tali għan jista' jkun "għan leġittimu", huwa jiddubita jekk il-mezz użat biex jinkiseb dak il-għan, jiġifieri, il-projbizzjoni totali fuq ir-reklutaġġ tal-ACIs ta' aktar minn 65 sena, kienx adattat u meħtieġ.

38. L-Ombudsman ma jaqbilx mal-argument imressaq mill-Kummissjoni li, għal raġunijiet legali, ma kellha l-ebda għażla ħlief li tieqaf milli tingaġġa l-ACIs ta' aktar minn 65 sena. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni ma tikrix ACIs ta' aktar minn 65 sena minħabba li hija tagħżel li ma tagħmilx hekk.

39. L-Ombudsman jixtieq jenfasizza li hu ma jikkontestax id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. F'dan ir-rigward, huwa jenfasizza b'mod qawwi li l-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza[25] dwar kwistjoni ta' proċedura, u mhux fuq is-sustanza tal-każ Alvarez Moreno vs Il-Kummissjoni. Għaldqstant, il-konklużjonijiet tal-Ombudsman fil-każ preżenti huma konsistenti għal kollox mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.

40. Barra minn hekk, l-Ombudsman jixtieq jenfasizza wkoll li huwa ma jikkontestax ir-regoli adottati mill-leġiżlatur (bħar-Regolamenti tal-Persunal u s-CEOS). Mhuwiex fl-ambitu tal-mandat tal-Ombudsman li jikkontesta d-dritt tal-leġiżlatur li jistabbilixxi politika ta' reklutaġġ li tista' tieħu kunsiderazzjoni tal-età. F'dan ir-rigward, l-Ombudsman jieħu nota kif jixraq tal-fatt li r-Regolamenti tal-Persunal u s-CEOS fil-fatt fihom regoli li jirrikjedu lill-uffiċjali (Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal) u aġenti oħra (Artikoli 47, 74 u 119 tas-CEOS) biex jirtiraw meta jagħlqu 65 sena (jew 67 sena f'każijiet eċċezzjonali fir-rigward tal-uffiċjali). L-Ombudsman jenfasizza li l-każ preżenti ma jinjorax l-Artikolu 74 tas-CEOS. Pjuttost, huwa bbażat fuq il-ħsieb, kondiviż mill-Qorti tal-Prim'Istanza meta ddeċidiet dwar is-sustanza tal-każ Alvarez Moreno vs Il-Kummissjoni li l-Artikolu 74 tas-CEOS ma japplikax għall-ACIs.

41. L-Ombudsman fil-fatt jirrikonoxxi li l-Kummissjoni mhijiex legalment obbligata li ssegwi deċiżjoni annullata tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Madankollu, l-Ombudsman jenfasizza li l-annullament ta' deċiżjoni dwar punt ta' proċedura ma jimplikax li l-interpretazzjoni mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tas-sustanza tal-każ hija awtomatikament valida. Huwa jinnota li l-Kummissjoni ma ressqet l-ebda argument, fl-ambitu tal-investigazzjoni preżenti, li jittratta r-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza rigward is-sustanza tal-każ.

42. L-Ombudsman jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li, għalkemm huwa għamel kull sforz biex jgħin lill-Kummissjoni tevita l-istanza ta' amministrazzjoni ħażina li nħolqot mill-politika attwali tagħha, hija ma weġbitx b'mod pożittiv għall-isforzi tiegħu.

43. L-Ombudsman iqis li din l-istanza ta' amministrazzjoni ħażina hija importanti biżżejjed biex tiġġustifika s-sottomissjoni ta' rapport speċjali lill-Parlament.

44. Fl-aħħarnett, l-Ombudsman jinnota li, f'investigazzjoni simili li wettaq dwar il-prattiki tal-Parlament Ewropew rigward il-kiri tal-ACIs ta' aktar minn 65 sena, huwa għamel abbozz ta' rakkomandazzjoni simili lill-Parlament, u bħala riżultat ta' dan, il-Parlament aċċetta l-pożizzjoni tiegħu u bidel il-prattika tiegħu fir-rigward tal-kiri tal-ACIs ta' aktar minn 65 sena. Meta wasal f'din il-pożizzjoni, il-Parlament interpreta r-regoli applikabbli, li, għandu jkun enfasizzat, huma l-istess regoli li l-Kummissjoni tikkunsidra li jobbligawha li ma tikrix l-ACIs ta' aktar minn 65 sena, b'mod li ma jwassalx għal projbizzjoni fuq l-kiri tal-ACIs ta' aktar minn 65 sena. Meta għamel dan, il-Parlament elimina l-istanza potenzjali ta' amministrazzjoni ħażina identifikata mill-Ombudsman.

B. Ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman

Abbażi tal-investigazzjonijiet tiegħu dwar dan l-ilment, l-Ombudsman jiddikjara mill-ġdid l-abbozz tar-rakkomandazzjoni tiegħu ta' hawn taħt bħala rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tibdel il-politika attwali tagħha li timponi projbizzjoni fuq ir-reklutaġġ ta' ACIs ta' aktar minn 65 sena u għandha tikkumpensa lill-kwerelant għad-danni li sofra minħabba l-applikazzjoni, fil-każ tiegħu, ta' dik il-politika.

Il-Parlament Ewropew jista' jikkunsidra li jadotta riżoluzzjoni f'dan is-sens.

P. Nikiforos DIAMANDOUROS

Magħmul fi Strasburgu fl-4 ta' Diċembru 2008


[1] Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (94/262/ KEFA, KE, Euratom), ĠU 1994 L 113, p. 15.

[2] Regolament tal-Kunsill Nru 628/2000 tal-20 ta' Marzu 2000, li jemenda r- Regolament Nru 259/68 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU 2000 L 76, pġ. Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament fih dan il-kliem:

"(...) (2) L-interpreti tal-konferenzi kollha għandhom konsegwentement jiġu ingaġġati bħala staff awżiljarju kopert mit-Titolu III tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej (...)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 78 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej:

L-istess kundizzjonijiet ta' reklutaġġ u remunerazzjoni applikati għall-interpreti tal-konferenzi ingaġġati mill-Parlament Ewropew għandhom japplikaw għall-persunal awżiljarju ingaġġat mill-Kummissjoni bħala interpreti tal-konferenzi f'isem l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji."

[3] L-Artikolu 74 tas-CEOS (fil-verżjoni applikabbli dak iż-żmien) kien jistipula kif ġej: "Minbarra waqfien f'każ ta' mewt, l-impjieg tal-persunal awżiljarju għandu jieqaf: 1. meta l-kuntratt huwa għal perjodu definit: (...) (b) fl-aħħar tax-xahar li fih l-uffiċjal jilħaq l-età ta' 65 sena (...)"

[4] Il-kwerelant ma kienx parti f'dawn il-proċedimenti tal-qorti.

[5] Każijiet Konġunti T-153/01 u T-323/01 Alvarez Moreno vs Il-Kummissjoni [2004] ECR-SC I-A-161 u II-719.

[6] Każ T-275/01 Alvarez Moreno vs Il-Parlament [2004] ECR-SC I-A-171 u II-765.

[7] Każ T-276/01 Garroni vs Il-Parlament [2004] ECR-SC I-A-177 u II-795.

[8] Dan il-każ huwa ppubblikat biss bil-Franċiż. It-traduzzjonijiet bl-Ingliż użati hawnhekk huma tas-servizzi tal-Ombudsman. Il-paragrafi 84-89 tal-Kawżi Konġunti T-153/01 u T-323/01 jiddikjaraw dan li ġej bil-Franċiż:

"84. Or, les contrats d'engagement des interprètes de conférence conclus en application du troisième alinéa, comme du premier alinéa, de l'article 78 du RAA se caractérisent par le fait qu'ils sont conclus pour certains jours spécifiques, de sorte que tant la date du début que celle de la fin de l'engagement constituent des éléments indispensables du recrutement des agents auxiliaires en question.

85. En effet, d'une part, étant donné que le terme du contrat d'engagement est toujours fixé par l'indication dans celui-ci, des jours spécifiques des prestations, aucun recours à l'article 74, paragraphe 1, sous b), du RAA n'est nécessaire pour déterminer la fin de l'engagement. D'autre part, dans le contexte de ce type de contrat, la prescription de cet article constitue une des "conditions de recrutement" visées à l'article 78 du RAA, dès lors que la durée précise de l'engagement est fixée, conformément à l'article 56 du RAA, en tant que condition d'engagement. En d'autres termes, s'agissant d'un contrat limité à des jours spécifiques, la fin de l'engagement constitue une condition caractéristique et indispensable du recrutement de l'interprète, inhérente à celui-ci.

86. Il s'ensuit que l'article 74 du RAA constitue une des dispositions du titre III du RAA auxquelles le Parlement a dérogé lorsqu'il a adopté la réglementation de 1999.

87. Par conséquent, c'est à tort que la Commission a considéré que l'article 74, paragraphe 1, sous b), du RAA était applicable à la requérante et qu'il ne s'agissait pas d'une condition de recrutement au sens de l'article 78 du RAA (...)

89. Il est vrai que l'article 8 de la réglementation de 1999 renvoie aux dispositions du RAA et aux règles applicables à l'ensemble du personnel pour toute question non prévue par ladite réglementation ou par la convention de 1999. Toutefois, étant donné que la raison d'être de la réglementation de 1999 est de permettre au Parlement d'engager les interprètes auxiliaires de session pour des jours spécifiques, la "fin de l'engagement" au sens de l'article 74 ne constitue par une question non prévue par la réglementation de 1999. En outre, au vu du caractère occasionnel de tels engagements et du fait que les institutions n'ont pas l'obligation d'engager un interprète particulier à un moment donné pour une période minimale, l'âge de l'interprète ne saurait constituer un élément pertinent pour ce qui est de l'exécution des services en question. Il s'ensuit que la stipulation d'une limite d'âge ne constitue pas une clause indispensable dans un contrat d'engagement d'un interprète et rend nécessaire le recours à l'article 74 du RAA."

[9] Każ C-373/04 P Il-Kummissjoni vs Alvarez Moreno [2006] ECR I-1.

[10] L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddikjara li: "Kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etniku jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f'minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun ipprojbita."

[11] L-Artikolu 5(3) tal-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Amministrattiva Tajba jiddikjara dan li ġej: "L-uffiċjal għandu jevita b'mod partikolari kull diskriminazzjoni mhux iġġustifikata bejn membri tal-pubbliku abbażi tan-nazzjonalità, is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f'minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali."

[12] Ara n-nota f'qiegħ paġna 3.

[13] Għal dan il-għan, id-DĠ Interpretazzjoni ħoloq l-iskema għal persunal ġdid li ggarantiet lill-ACIs żgħażagħ l-ingaġġ għal ċertu numru ta' jiem konsekuttivi.

[14] Ara l-Każ C-144/04 Mangold [2005] ECR I-9981, paragrafu 75.

[15] Tali evidenza setgħet kienet tinkludi informazzjoni speċifika dwar in-numru ta' jiem tax-xogħol disponibbli biex ikunu allokati għall-"interpreti żgħażagħ".

[16] Każ C-373/04 P Il-Kummissjoni vs Alvarez Moreno [2006] ECR I-1.

[17] Kawżi Konġunti T-153/01 u T-323/01 Alvarez Moreno vs Il-Kummissjoni [2004] ECR-SC I-A-161 u II-719. Il-paragrafu 105 jiddikjara dan li ġej bil-Franċiż: "la Commission n'avait, en tout été de cause, pas l'obligation de faire appel à nouveau à ses services. Il demeure en effet toujours loisible à l'administration de ne pas conclure de nouveau contrat d'agent auxiliaire avec un interprète auquel elle avait précédemment fait appel, et cela quels que soient l'âge de ce dernier et les motifs qui la conduisent à cette décision."

[18] Ara n-nota f'qiegħ paġna 14.

[19] Każ C-344/04 International Air Transport u oħrajn [2006] ECR I-403, paragrafu 95.

[20] Case C-411/05 Palacios de la Villa [2007] ECR I-8531, paragrafi 64-67.

[21] Verżjoni applikabbli mill-1 ta' Mejju 2004.

[22] Ara n-nota f'qiegħ paġna 14.

[23] Ara n-nota f'qiegħ paġna 20.

[24] Ara n-nota f'qiegħ paġna 20.

[25] Ara l-punt 27 ta' hawn fuq.