Evropský veřejný ochránce práv
Související dokumenty
Sommarju ta’ deċiżjoni dwar l-ilment 1711/2010/BEH kontra l-Kummissjoni Ewropea
L-ilment ġie ppreżentat minn avukat li kien qiegħed jaġixxi f’isem is-Sur B, li kien membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni Ewropea mill-1989 sal-1994. Bil-kontribuzzjonijiet li ħallas, is-Sur B kiseb intitolamenti għal pensjoni mill-iskema tal-pensjonijiet tal-UE. Minħabba li s-Sur B telaq mill-Kummissjoni qabel serva għal minimu ta’ 10 snin, huwa tilef id-dritt tiegħu li jirċievi pensjoni mill-iskema tal-pensjonijiet tal-UE iżda, mat-terminazzjoni tas-servizz, huwa rċieva għotja ta’ tmiem ta’ impjieg. Meta wieħed iqis li l-għotja kienet tikkonsisti minn ammonti differenti, f’Marzu 2010 il-kwerelant irrefera għall-Kummissjoni u talabha tindika l-ammont tal-intitolamenti tal-pensjoni miksuba mis-Sur B waqt li kien qiegħed jaħdem mal-Kummissjoni. B’reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni rreferiet lill-kwerelant għal sentenza tat-Tribunal tas-Servizz Ċivili dwar is-Sur B u qalet li ma setgħetx tiġi pprovduta aktar informazzjoni.
Fl-ilment tiegħu lill-Ombudsman, il-kwerelant spjega li s-Sur B kien jeħtieġ aktar informazzjoni mill-Kummissjoni sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit l-ammont korrett tal-pensjoni li kellu jirċievi fil-Ġermanja. Il-kwerelant allega li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi l-informazzjoni mitluba, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont ta’ intitolamenti tal-pensjoni li setgħu ġew ittrasferiti lil min kien iħaddem lis-Sur B li kieku r-regoli li huma fis-seħħ bħalissa kienu japplikaw fis-sitwazzjoni tiegħu. Huwa sostna li l-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba.
Fl-opinjoni tagħha, il-Kummissjoni sostniet li hija ma setgħetx tipprovdi aktar informazzjoni. Bħala riżultat ta’ dan, l-Ombudsman talab lill-Kummissjoni biex tispeċifika u tissostanzja r-raġunijiet tagħha li tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni rigward l-ammont ta’ intitolamenti tal-pensjoni tas-Sur B jew, f’każ li ma jkunx hemm tali raġunijiet, li tipprovdi l-informazzjoni mitluba. Fit-tweġiba tagħha, il-Kummissjoni qalet li kien il-kwerelant innifsu li kellu jagħmel il-kalkolu rilevanti, u spjegat il-formula li trid tintuża għal dan il-għan, kif ukoll l-ammonti li għandhom jiddaħħlu f’dik il-formula fil-każ tas-Sur B. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-kwerelant irringrazzja lill-Ombudsman għall-isforzi vigorużi tiegħu biex isolvi l-kwistjoni.
L-Ombudsman kien tal-fehma li l-Kummissjoni pprovdiet l-informazzjoni mitluba matul il-kors tal-inkjesta tiegħu. Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta, u meta wieħed iqis l-osservazzjonijiet tal-kwerelant, l-Ombudsman ikkonkluda li l-Kummissjoni solviet il-każ għas-sodisfazzjon tal-kwerelant.